Kapitlu 124
Mogħti f’Idejn Ħaddieħor u Meħud ’il Hemm
META Pilatu, imqanqal mid-dinjità kwieta taʼ Ġesù ttorturat, għal darb’oħra jipprova jeħilsu, il-qassisin ewlenin isiru saħansitra iktar irrabjati. Huma ddeterminati li ma jħallu xejn ifixkilhom fl-iskop mill-agħar tagħhom. Mela huma jġeddu l-għajjat tagħhom: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!”
“Ħuduh intom infuskom u sammruh maʼ zokk,” iwieġeb Pilatu. (Kuntrarju għal dak li qalu iktar kmieni, il-Lhud jistaʼ għandhom awtorità li joqtlu lill-kriminali għal offiżi reliġjużi li huma gravi biżżejjed.) Imbagħad, għal tal-inqas il-ħames darba, Pilatu jiddikjara li Ġesù huwa innoċenti, billi jgħid: “Jien ma nsib ebda ħtija fih.”
Il-Lhud, billi jaraw li l-akkużi politiċi tagħhom ma ġabux riżultati, jerġgħu jaqgħu għall-akkuża reliġjuża taʼ dagħa wżata sigħat qabel fil-ġuri taʼ Ġesù quddiem is-Sinedriju. “Aħna għandna liġi,” igħidu huma, “u skond il-liġi hu għandu jmut, għaliex għamel lilu nnifsu bin Alla.”
Din l-akkuża hija ġdida għal Pilatu, u ġġiegħlu jsir iktar beżgħan. S’issa hu jirrealizza li Ġesù mhux xi bniedem ordinarju, saħansitra bħalma l-ħolma taʼ martu u s-saħħa tal-għaġeb tal-personalità taʼ Ġesù jindikaw. Imma “bin Alla”? Pilatu jaf li Ġesù hu minn Galilija. Iżda, setaʼ hu possibilment għex qabel? Billi jieħdu lura għal darb’oħra ġewwa l-palazz, Pilatu jistaqsi: “Minfejn int?”
Ġesù jibqaʼ sieket. Iktar kmieni kien qal lil Pilatu li hu sultan imma li s-Saltna tiegħu ma hi ebda parti minn din id-dinja. Ebda spjegazzjoni oħra issa ma kienet se tkun taʼ skop utli. Madankollu, il-kburija taʼ Pilatu tiġi urtata għaliex hu ma riedx iwieġeb, u hu jixgħel għal Ġesù bil-kliem: “M’intix qed tkellimni? Ma tafx li jien għandi awtorità li neħilsek u għandi awtorità li nsammrek maʼ zokk?”
“Ma kien ikollok assolutament ebda awtorità kontra tiegħi li kieku ma kinetx mogħtija lilek minn fuq,” Ġesù jwieġeb bir-rispett. Hu qed jirreferi għall-għotja taʼ awtorità minn Alla lil ħakkiema umani biex jamministraw l-affarijiet tal-art. Ġesù jżid: “Hu għalhekk li r-raġel li tani f’idejk għandu dnub akbar.” Tabilħaqq, il-qassis il-kbir Qajfa u dawk li kienu kompliċi miegħu u Ġuda l-Iskarjota kollha għandhom responsabbiltà akbar minn Pilatu għall-mod taʼ kif trattaw lil Ġesù b’mod inġust.
Billi Ġesù jimpressjonah saħansitra iktar u billi hu mbeżżaʼ li Ġesù jistaʼ jkollu oriġini divin, Pilatu jġedded l-isforzi tiegħu biex jeħilsu. Il-Lhud, madankollu, jirrifjutaw lil Pilatu. Huma jirrepetu l-akkuża politika tagħhom, billi jheddu b’mod makakk: “Jekk teħles lil dan ir-raġel, m’intix ħabib taʼ Ċesri. Kull raġel li jagħmel lilu nnifsu sultan jitkellem kontra Ċesri.”
Minkejja l-implikazzjonijiet tal-biżaʼ, Pilatu joħroġ lil Ġesù ’l barra għal darb’oħra. “Ara! Is-sultan tagħkom!” hu jappella jerġaʼ għal darb’oħra.
“Ħudu ’l hemm! Ħudu ’l hemm! Sammru maʼ zokk!”
“Insammar maʼ zokk lis-sultan tagħkom?” jistaqsi Pilatu ddisprat.
Il-Lhud ġew urtati taħt il-ħakma tar-Rumani. Tabilħaqq, huma jistmerru l-ħakma taʼ Ruma! Iżda, b’mod ipokrita, il-qassisin ewlenin igħidu: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesri.”
Billi jibżaʼ għall-pożizzjoni politika u għar-reputazzjoni tiegħu, Pilatu fl-aħħarnett iċedi għat-talbiet kontinwi tal-Lhud. Hu jagħti lil Ġesù f’idejhom. Is-suldati lil Ġesù jneżżgħulu l-mantar vjola u jlibbsuh l-ilbiesi taʼ fuq tiegħu. Hekk kif Ġesù jittieħed lil hemm biex jiġi msammar maʼ zokk, hu jiġi mġiegħel iġorr iz-zokk tat-tortura tiegħu stess.
Bħalissa l-għodwa taʼ jum il-Ġimgħa, 14 taʼ Nisan, daħlet ġmielha; forsi qed noqorbu lejn nofs in-nhar. Ġesù ilu mqajjem minn kmieni l-Ħamis fil-għodu, u sofra esperjenza agonizzanti waħda wara l-oħra. Wieħed jistaʼ jifhem li s-saħħa tiegħu malajr tispiċċa taħt it-toqol taz-zokk. Mela wieħed li kien għaddej, ċertu Xmun taʼ Ċirene fl-Afrika, jiġi mqabbad biex iġorru għalih. Hekk kif jissoktaw jimxu ’l quddiem, ħafna nies, inklużi xi nisa, isegwu, billi jsawtu lilhom infushom bin-niket u jibku lil Ġesù.
Billi jdur lejn in-nisa, Ġesù jgħid: “Ulied bniet taʼ Ġerusalemm, ieqfu milli tibku lili. Għall-kuntrarju, ibku lilkom infuskom u lil uliedkom; għaliex, ħares! ġejjin jiem li fihom in-nies se jgħidu, ‘Henjin huma n-nisa ħawlin, u l-ġwief li ma welldux u l-isdra li ma reddgħux!’ . . . Għaliex jekk jagħmlu dawn l-affarijiet meta s-siġra hija niedja, x’se jiġri meta tkun niexfa?”
Ġesù qed jirreferi għas-siġra tal-ġens Lhudi, li għad għandha xi sinjal taʼ ħajja fiha minħabba l-preżenza taʼ Ġesù u l-eżistenza taʼ fdal li jemmnu fih. Imma meta dawn jittieħdu minn ġol-ġens, se jibqaʼ biss siġra mejta spiritwalment, iva, organizzazzjoni nazzjonali niexfa. O, x’kawża għall-biki se jkun hemm meta l-armati Rumani, billi jaqdu bħala l-eżekuturi t’Alla, jagħmlu ħerba mill-ġens Lhudi! Ġwann 19:6-17; 18:31; Luqa 23:24-31; Mattew 27:31, 32; Mark 15:20, 21.
▪ Il-mexxejja reliġjużi liema akkuża jagħmlu kontra Ġesù meta l-akkużi politiċi tagħhom ma jġibux riżultati?
▪ Pilatu għala jsir iktar beżgħan?
▪ Min għandhom l-akbar dnub għal dak li jiġri lil Ġesù?
▪ Fl-aħħarnett, il-qassisin kif iġiegħlu lil Pilatu jagħtihom lil Ġesù f’idejhom biex joqtluh?
▪ Ġesù x’igħidilhom lin-nisa li jibkuh, u x’irid ifisser billi jirreferi għas-siġra bħala li hi “niedja” u mbagħad “niexfa”?