LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pr sezzjoni 1 pp. 4-6
  • Hemm Skop għall-Ħajja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hemm Skop għall-Ħajja?
  • X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kundizzjonijiet Iktar Diffiċli
  • X’Igħidu Huma
  • L-​Effett
  • Jehovah Dak Alla taʼ Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Infittxu Skop Siewi fil-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Alla X’Ħajja Jixtieq Għalina?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • X’Jagħti lill-Ħajja Sinifikat Veru?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
pr sezzjoni 1 pp. 4-6

Sezzjoni 1

Hemm Skop għall-​Ħajja?

1. X’jiġi mistoqsi spiss dwar l-​iskop tal-​ħajja, u persuna waħda kif ikkummentat dwaru?

Darba jew oħra, kważi kulħadd jistaqsi x’inhu l-​iskop tal-​ħajja. Huwa dan li naħdmu iebes biex intejbu l-​kundizzjonijiet taʼ għixien tagħna, biex nipprovdu għall-​familji tagħna, biex immutu wara forsi 70 jew 80 sena, u mbagħad biex insiru bla eżistenza għal dejjem? Wieħed żagħżugħ li ħassu hekk qal li m’hemm ebda skop ieħor fil-​ħajja milli “li tgħix, li jkollok it-​tfal, li tkun ferħan u mbagħad li tmut.” Imma huwa veru dak? U l-​mewt verament ittemm kollox?

2, 3. Il-​ksib taʼ ġid materjali għala m’huwiex skop biżżejjed fil-​ħajja?

2 Ħafna nies f’pajjiżi kemm tal-​Lvant u kemm tal-​Punent iħossu li l-​iskop prinċipali taʼ li wieħed igħix huwa li jikseb ġid materjali. Jemmnu li dan jistaʼ jwassal għal ħajja hienja, li tagħmel sens. Imma xi ngħidu dwar nies li diġà għandhom ġid materjali? Il-​kittieb Kanadiż Harry Bruce qal: “Numru li jgħaġġbek taʼ nies sinjuri jinsistu li m’humiex henjin.” Hu żied: “Stħarriġ jissuġġerixxi li pessimiżmu terribbli infetta lill-​Amerka taʼ Fuq . . . Jeżisti xi ħadd ferħan? Jekk iva, x’inhu s-​sigriet?”

3 Jimmy Carter, li kien president tal-​​Amerka, stqarr: “Skoprejna illi li jkollna l-​affarijiet u li nikkonsmaw l-​affarijiet ma jissodisfax ix-​xenqa tagħna għal tifsira. . . . Li wieħed jakkumula ġid materjali ma jistax jimla l-​vojt taʼ ħajjiet li m’għandhom ebda fiduċja jew skop.” U mexxej politiku ieħor qal: “Għal diversi snin issa ħadt sehem fi tfittxija intensiva għal veritajiet dwari nnifsi u dwar ħajti; ħafna nies oħrajn li naf qegħdin jagħmlu l-​istess ħaġa. Iktar nies minn qatt qabel qegħdin jistaqsu, ‘Min aħna? X’inhu l-​iskop tagħna?’”

Kundizzjonijiet Iktar Diffiċli

4. Xi wħud għala jiddubitaw li l-​ħajja għandha xi skop?

4 Ħafna jiddubitaw li l-​ħajja għandha skop meta jaraw li l-​kundizzjonijiet tal-​ħajja saru iktar diffiċli. Madwar id-​dinja iktar minn biljun ruħ huma morda serjament jew m’għandhomx biżżejjed ikel, u dan jirriżulta fil-​mewt taʼ xi għaxar miljun tifel u tifla kull sena fl-​Afrika biss. Il-​popolazzjoni tal-​art, qrib is-​6 biljuni, tkompli tikber b’iktar minn 90 miljun kull sena, b’iktar minn 90 fil-​mija minn dak it-​tkabbir f’pajjiżi li qegħdin jiżżviluppaw. Din il-​popolazzjoni li qiegħda tespandi l-​ħin kollu żżid il-​ħtieġa għal ikel, djar, u industrija, li ġġib iktar ħsara lill-​art, lill-​ilma, u lill-​arja bi tniġġis industrijali u tniġġis ieħor.

5. X’qiegħed jiġrilhom is-​siġar fuq l-​art?

5 Il-​pubblikazzjoni World Military and Social Expenditures 1991 tirrapporta: “Kull sena spazju taʼ foresta daqs il-​wiċċ kollu tal-​[Gran Britannja] jiġi meqrud. Bir-​rati preżenti (taʼ tqaċċit) se nkunu, sas-​sena 2000, neħħejna 65 fil-​mija tal-​foresti fiż-​żoni tropikali umdin.” F’dawk l-​inħawi, skond aġenzija tal-​ĠM, 10 siġriet jiġu mqaċċtin għal kull waħda mħawla; fl-​Afrika l-​​kalkolu huwa iktar minn 20 għal 1. Mela jiżdiedu l-​​inħawi li jsiru deżerti, u kull sena spazju d-​daqs tal-​Belġju jintilef għal użu agrikolu.

6, 7. X’inhuma xi ftit mill-​problemi li mexxejja umani m’għandhomx il-​ħila jsolvu, u għalhekk liema mistoqsijiet għandhom bżonn li jiġu mwieġba?

6 Ukoll, dan is-​seklu 20 kellu mwiet mill-​gwerra erbaʼ darbiet iktar mill-​erbaʼ sekli taʼ qabel impoġġijin flimkien. Kullimkien, hemm żjieda fil-​kriminalità, speċjalment kriminalità vjolenti. Il-​kollass tal-​familja, l-​abbuż tad-​drogi, l-​AIDS, il-​mardiet trażmessi sesswalment, u fatturi negattivi oħrajn ukoll qegħdin jagħmlu l-​ħajja iktar diffiċli. U l-​mexxejja tad-​dinja ma kellhomx il-​ħila jipprovdu soluzzjonijiet għall-​ħafna problemi li qegħdin jikkastigaw lill-​familja umana. B’hekk, wieħed jistaʼ jifhem għala n-​nies jistaqsu, X’inhu l-​iskop tal-​ħajja?

7 Dik il-​mistoqsija kif ġiet imwieġba minn studjużi u mexxejja reliġjużi? Wara dawn il-​ħafna sekli kollha taʼ żmien, ipprovdew huma tweġiba sodisfaċenti?

X’Igħidu Huma

8, 9. (a) Studjuż Ċiniż x’qal dwar l-​iskop tal-​ħajja? (b) Wieħed li baqaʼ ħaj mill-​kamp tal-​mewt tan-​Nażi xi stqarr?

8 L-​istudjuż Konfuċjan Tu Wei-Ming qal: “L-​iskop aħħari tal-​ħajja jinstab fl-​eżistenza umana u ordinarja tagħna.” Skond din l-​opinjoni, il-​bnedmin se jkomplu jitwieldu, jitqabdu għall-​eżistenza, u jmutu. Ftit hemm tama f’ħarsa bħal din. U hija vera wara kollox?

9 Elie Wiesel, wieħed li baqaʼ ħaj mill-​kampijiet tal-​mewt tan-​Nażi fit-​II Gwerra Dinjija, osserva: “‘Għala qegħdin hawn aħna?’ hija l-​iktar mistoqsija importanti li esseri uman irid jiffaċċja. . . . Jien nemmen li l-​ħajja għandha skop minkejja l-​mewt bla skop li jien rajt.” Imma ma setax igħid x’kien l-​iskop tal-​ħajja.

10, 11. (a) Wieħed editur kif wera li l-​bniedem m’għandux it-​tweġibiet? (b) Il-​ħarsa taʼ wieħed xjenzat evoluzzjonarju għala mhix sodisfaċenti?

10 L-​editur Vermont Royster stqarr: “Fil-​​kontemplazzjoni tal-​bniedem innifsu, . . . tal-​post tiegħu f’dan l-​univers, aħna qegħdin ftit iktar ’il quddiem minn meta beda ż-​żmien. Xorta waħda għadna mħollijin b’mistoqsijiet dwar min aħna u għala aħna u fejn sejrin.”

11 Ix-​xjenzat evoluzzjonarju Stephen Jay Gould innota: “Nistgħu nixxennqu għal tweġiba ‘iktar għolja’​—imma ebda waħda ma teżisti.” Għal uħud bħal dawn li jemmnu fl-​evoluzzjoni, il-​ħajja hija taqbida biex min hu l-​iktar b’saħħtu jibqaʼ ħaj, u l-​mewt ittemm kollox. M’hemm ebda tama f’dik il-​ħarsa lanqas. U, mill-​ġdid, hija vera?

12, 13. X’inhuma l-​opinjonijiet tal-​mexxejja tal-​knisja, u huma xi naqra iktar sodisfaċenti minn dawk taʼ osservaturi sekulari?

12 Ħafna mexxejja reliġjużi jgħidu li l-​iskop tal-​ħajja huwa li wieħed igħix ħajja tajba sabiex fil-​mewt ir-​ruħ tiegħu tistaʼ tmur fis-​sema u tqattaʼ l-​eternità hemmhekk. L-​alternattiva offruta lil nies ħżiena hija turment etern fin-​nar tal-​infern. Madankollu, skond dan it-​twemmin, fuq l-​art se jkompli jkun hemm iktar mill-​istess eżistenza mhix sodisfaċenti li ddominat matul l-​istorja. Imma jekk l-​iskop t’Alla kien li jkollu n-​nies igħixu fis-​sema bħala anġli, għala ma ħalaqhomx hekk mill-​ewwel, bħalma ħalaq lill-​anġli?

13 Saħansitra n-​nies tal-​kleru għandhom diffikultà b’ħarsiet bħal dawn. Dr. W. R. Inge, li kien dekan tal-​Katidral taʼ San Pawl f’Londra, darba qal: “Ħajti kollha tqabadt biex insib l-​iskop tal-​ħajja. Ipprovajt inwieġeb tliet problemi li dejjem dehru għalija li huma fundamentali: il-​problema tal-​eternità; il-​problema tal-​personalità umana; u l-​problema tal-​ħażen. Ma rnexxilix. Ma solvejt l-​ebda waħda minnhom.”

L-​Effett

14, 15. L-​opinjonijiet li ma jaqblux maʼ xulxin liema effett għandhom fuq ħafna nies?

14 X’inhu l-​effett taʼ daqstant ideat differenti minn studjużi u mexxejja reliġjużi dwar il-​kwistjoni tal-​iskop tal-​ħajja? Ħafna jwieġbu bħalma għamel raġel anzjan li qal: “Ili nistaqsi għala qiegħed hawn il-​biċċa l-​kbira taʼ ħajti. Jekk hemmx skop, ma jimpurtanix iktar.”

15 Numru mhux ħażin li josservaw il-​għadd kbir taʼ ideat fost ir-​reliġjonijiet tad-​dinja jikkonkludu li verament ma jimpurtax x’jemmen dak li jkun. Huma jħossu li r-​reliġjon hija biss tixrid tal-​moħħ, xi ħaġa li tipprovdi ftit paċi tal-​moħħ u faraġ sabiex dak li jkun ikun jistaʼ jlaħħaq mal-​problemi tal-​ħajja. Oħrajn iħossu li r-​reliġjon m’hi xejn ħlief superstizzjoni. Iħossu li sekli sħaħ taʼ spekulazzjoni reliġjuża ma weġbitx il-​mistoqsija dwar l-​iskop tal-​ħajja, lanqas ma tejbet il-​ħajja tan-​nies komuni. Tabilħaqq, l-​istorja turi li r-​reliġjonijiet taʼ din id-​dinja spiss żammew lill-​umanità lura mill-​progress u kienu l-​kaġun taʼ mibgħeda u gwerer.

16. Kemm jistaʼ jkun importanti li ssib l-​iskop fil-​ħajja?

16 Madankollu, huwa importanti wara kollox li nsibu l-​verità dwar l-​iskop tal-​ħajja? Viktor Frankl, professur tas-​saħħa mentali, wieġeb: “L-​istinkar biex dak li jkun isib tifsira fil-​ħajja huwa l-​forza primarja li tqanqal fil-​bniedem. . . . M’hemm xejn fid-​dinja, nazzarda ngħid, li se jgħin b’mod daqshekk effettiv lil dak li jkun biex jissaporti saħansitra l-​agħar kundizzjonijiet, daqs il-​għarfien li hemm tifsira fil-​ħajja taʼ dak li jkun.”

17. Liema mistoqsijiet għandna bżonn nistaqsu issa?

17 Ladarba l-​filosofiji u r-​reliġjonijiet tal-​bniedem ma spjegawx b’mod sodisfaċenti x’inhu l-​iskop tal-​ħajja, fejn nistgħu mmorru biex insibu x’inhu? Hemm xi sors taʼ għerf superjuri li jistaʼ jgħidilna l-​verità dwar din il-​kwistjoni?

[Stampa f’paġna 4]

“Kull sena spazju taʼ foresta daqs il-​wiċċ kollu tal-​[Gran Britannja] jiġi meqrud”

[Stampa f’paġna 5]

“Ili nistaqsi għala qiegħed hawn il-​biċċa l-​kbira taʼ ħajti”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja