L-Idea Tidħol fir-Reliġjonijiet tal-Lvant
“Minn dejjem ħsibt li l-immortalità tar-ruħ kienet verità universali li kulħadd kien jaċċettaha. Għalhekk tassew issorprendejt ruħi meta sirt naf li xi nies intellettwali kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent argumentaw b’saħħa kontra dan it-twemmin. Issa niskanta kif l-idea taʼ l-immortalità daħlet fil-mentalità Ħindu.”—STUDENT UNIVERSITARJU LI KIEN IMROBBI BĦALA ĦINDU.
1. Għarfien dwar kif żviluppat u nfirxet id-duttrina taʼ l-immortalità umana fid-diversi reliġjonijiet għala huwa taʼ interess għalina?
L-IDEA li l-bniedem għandu ruħ li hija immortali kif daħlet fil-Ħinduiżmu u reliġjonijiet oħrajn tal-Lvant? Il-mistoqsija hi taʼ interess anki għal dawk fil-Punent li forsi m’humiex familjari maʼ dawn ir-reliġjonijiet, ladarba dan it-twemmin jeffettwa l-ħarsa taʼ kull individwu dwar il-futur. Peress li t-tagħlim taʼ l-immortalità umana huwa tema komuni fil-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet illum, li nkunu nafu kif żviluppa l-konċett jistaʼ tabilħaqq jippromwovi fehma u komunikazzjoni aħjar.
2. L-Indja għala kienet sors notevoli taʼ influwenza reliġjuża fl-Asja?
2 Ninian Smart, professur taʼ l-istudji reliġjużi fl-Università taʼ Lancaster fil-Gran Britannja, josserva: “L-Indja kienet u għadha l-iktar ċentru importanti taʼ influwenza reliġjuża fl-Asja. Dan m’huwiex sempliċement minħabba li l-Indja nfisha welldet għadd kbir taʼ reliġjonijiet—il-Ħinduiżmu, il-Buddiżmu, il-Ġajniżmu, is-Sikhiżmu, eċċ.—imma għaliex waħda minnhom, il-Buddiżmu, saret tinfluwenza b’mod profond il-kultura taʼ kważi l-Asja tal-Lvant kollha.” Ħafna kulturi li ġew influwenzati b’dan il-mod “għadhom iqisu l-Indja bħala art twelidhom spiritwali,” jgħid l-istudjuż Ħindu Nikhilananda. Allura, dan it-tagħlim taʼ l-immortalità kif ippenetra fl-Indja u f’partijiet oħrajn taʼ l-Asja?
It-Tagħlim tal-Ħinduiżmu dwar ir-Riinkarnazzjoni
3. Skond wieħed storjografu, l-idea tat-trasmigrazzjoni taʼ l-erwieħ minn min x’aktarx li ttieħdet fl-Indja?
3 Fis-sitt seklu Q.E.K., waqt li Pitagora u s-segwaċi tiegħu fil-Greċja kienu qed javanzaw it-teorija tat-trasmigrazzjoni taʼ l-erwieħ, għorrief Ħindu li kienu jgħixu max-xtut tax-xmajjar Indus u Ganġes fl-Indja kienu qed jiżviluppaw l-istess konċett. Id-dehra simultanja taʼ dan it-twemmin “fid-dinja Griega u fl-Indja ma tantx setgħet kienet xi koinċidenza,” jgħid l-istorjografu Arnold Toynbee. “Sors [taʼ influwenza] wieħed komuni possibbli,” jiġbed l-attenzjoni Toynbee, “hu s-soċjetà nomada Ewrasjana, li, fit-tmien u s-sebaʼ sekli Q.K., kienet niżlet għal fuq l-Indja, l-Asja tal-Lbiċ, ir-reġjun taʼ l-isteppa max-xatt tat-Tramuntana tal-Baħar l-Iswed, u l-peniżoli Balkani u Anatoljani.” It-tribujiet Ewrasjani, waqt li kienu jivvjaġġaw minn post għall-ieħor, milli jidher ġarrew magħhom lejn l-Indja l-idea tat-trasmigrazzjoni.
4. Il-konċett tat-trasmigrazzjoni taʼ l-erwieħ għala ntgħoġob mill-għorrief Ħindu?
4 Il-Ħinduiżmu kien beda fl-Indja ferm qabel, bil-wasla taʼ l-Arjani madwar l-1500 Q.E.K. Mill-bidunett, il-Ħinduiżmu kien iħaddan it-twemmin li r-ruħ kienet differenti mill-ġisem u li r-ruħ kienet tibqaʼ ħajja wara l-mewt. B’hekk, il-Ħindu kienu jipprattikaw il-qima lill-antenati u kienu jpoġġu l-ikel biex jikluh l-erwieħ tal-mejtin tagħhom. Sekli wara meta l-idea tat-trasmigrazzjoni taʼ l-erwieħ waslet fl-Indja, milli jidher intgħoġbot mill-għorrief Ħindu li kienu qed jissaraw mal-problema universali tal-ħażen u s-sofferenza fost il-bnedmin. Billi lil din seħbuha maʼ dik li tissejjaħ il-liġi tal-Karma, il-liġi tal-kawża u l-effett, l-għorrief Ħindu żviluppaw it-teorija tar-riinkarnazzjoni fejn kwalitajiet taʼ mertu u dawk bla mertu f’ħajja waħda jiġu ppremjati jew ikkastigati fil-ħajja li jkun imiss.
5. Skond il-Ħinduiżmu, x’inhi l-mira aħħarija tar-ruħ?
5 Imma kien hemm konċett ieħor li influwenza t-tagħlim tal-Ħinduiżmu dwar ir-ruħ. “Donnu li huwa veru li fl-istess żmien meta ġiet ifformata t-teorija tat-trasmigrazzjoni u l-karma, jew saħansitra qabel,” tgħid l-Encyclopædia of Religion and Ethics, “konċett ieħor . . . kien qed jiżviluppa bil-mod il-mod f’ċirku intellettwali żgħir fit-Tramuntana taʼ l-Indja—il-konċett filosofiku tal-Brahman-Ātman [il-Bramin suprem u etern, ir-realtà aħħarija].” Din l-idea ġiet imsieħba mat-teorija tar-riinkarnazzjoni biex tiddefinixxi l-mira aħħarija tal-Ħindu—il-liberazzjoni mill-katina tat-trasmigrazzjoni sabiex issir ħaġa waħda mar-realtà aħħarija. Il-Ħindu jemmnu li dan jinkiseb billi wieħed jistinka għal imġiba aċċettabbli soċjalment u għarfien Ħindu speċjali.
6, 7. X’inhu t-twemmin preżenti tal-Ħinduiżmu dwar id-Dinja l-oħra?
6 B’hekk, irġiel għorrief Ħindu sawru l-idea tat-trasmigrazzjoni taʼ l-erwieħ fid-duttrina tar-riinkarnazzjoni billi seħbuha mal-liġi tal-Karma u l-konċett tal-Bramin. Octavio Paz, poeta li rebaħ il-Premju Nobel u ex-ambaxxatur Messikan għall-Indja, jikteb: “Hekk kif infirex il-Ħinduiżmu, infirxet ukoll idea . . . li hija kruċjali għall-Braminiżmu, il-Buddiżmu, u reliġjonijiet Asjatiċi oħrajn: il-metempsikosi, it-trasmigrazzjoni taʼ l-erwieħ matul eżistenzi suċċessivi.”
7 Id-duttrina tar-riinkarnazzjoni hija l-pilastru tal-Ħinduiżmu tal-lum. Il-filosfu Ħindu Nikhilananda jgħid: “Li l-ksib taʼ l-immortalità m’huwiex il-privileġġ esklussiv taʼ ftit magħżulin biss, imma huwa dritt li jitwieled bih kulħadd, hija l-konvinzjoni taʼ kull Ħindu tajjeb.”
Il-Katina taʼ Twelid mill-Ġdid fil-Buddiżmu
8-10. (a) Il-Buddiżmu kif jiddefinixxi l-eżistenza? (b) Studjuż Buddist kif jispjega t-twelid mill-ġdid?
8 Il-Buddiżmu kien twaqqaf fl-Indja madwar is-sena 500 Q.E.K. Skond it-tradizzjoni Buddista, prinċep Indjan bl-isem taʼ Siddhārtha Gautama, li sar magħruf bħala Budda wara li rċieva tidwil, waqqaf il-Buddiżmu. Peress li dan oriġina mill-Ħinduiżmu, it-tagħlim tiegħu huwa f’xi modi simili għal dak tal-Ħinduiżmu. Skond il-Buddiżmu, l-eżistenza hija katina kontinwa taʼ twelid mill-ġdid u mewt, u bħal fil-Ħinduiżmu, l-istat taʼ kull individwu fil-ħajja kurrenti tiegħu jiġi ddeterminat minn dak li jkun għamel fil-ħajja tiegħu taʼ qabel.
9 Imma l-Buddiżmu ma jispjegax l-eżistenza f’termini taʼ ruħ persunali li tibqaʼ ħajja wara l-mewt. “[Budda], fil-psike umana, ra biss serje mumentanja taʼ stati psikoloġiċi mhux kontinwi, li jinżammu flimkien biss bix-xewqa,” osserva Arnold Toynbee. Iżda, Budda kien jemmen li xi ħaġa—xi stat jew forza—tiġi trasmessa minn ħajja għall-oħra. Dr. Walpola Rahula, studjuż Buddist, jispjega:
10 “Esseri m’huwa xejn ħlief taħlita taʼ forzi u enerġiji fiżiċi u mentali. Dik li niddefinixxu bħala l-mewt hija l-waqfa totali tal-ġisem fiżiku milli jiffunzjona. Jieqfu għalkollox dawn il-forzi u l-enerġiji kollha meta l-ġisem ma jibqax jiffunzjona? Il-Buddiżmu jgħid ‘Le.’ Ir-rieda, il-volontà, ix-xewqa, l-għatx biex wieħed jeżisti, biex ikompli, biex isir iżjed u iżjed, huwa qawwa tremenda li tqanqal ħajjiet sħaħ, eżistenzi sħaħ, li saħansitra tqanqal id-dinja kollha. Din hija l-akbar forza, l-akbar enerġija fid-dinja. Skond il-Buddiżmu, din il-forza ma tiqafx meta l-ġisem ma jibqax jiffunzjona, li hija l-mewt; imma tkompli turi lilha nfisha f’għamla oħra, billi tipproduċi eżistenza mill-ġdid li tissejjaħ twelid mill-ġdid.”
11. X’inhi l-ħarsa Buddista dwar id-Dinja l-oħra?
11 Il-ħarsa Buddista dwar id-Dinja l-oħra hija din: L-eżistenza tibqaʼ għal dejjem sakemm l-individwu ma jiksibx il-mira finali tan-Nirvana, il-liberazzjoni mill-katina taʼ twelid mill-ġdid. In-Nirvana hija stat li la jikkonsisti f’hena etern u lanqas f’li wieħed isir ħaġa waħda mar-realtà aħħarija. Hija sempliċement stat taʼ nuqqas taʼ eżistenza—il-“post bla mewt” lil hinn mill-eżistenza individwali. Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary jiddefinixxi “Nirvana” bħala “post jew stat fejn ma jeżistux it-tħassib, l-uġigħ, jew ir-realtà esterna.” Minflok ma jfittxu l-immortalità, il-Buddisti huma inkuraġġiti jissuperawha billi jilħqu n-Nirvana.
12-14. Diversi għamliet taʼ Buddiżmu kif iġorru l-idea taʼ l-immortalità?
12 Hekk kif infirex lejn diversi postijiet fl-Asja, il-Buddiżmu mmodifika t-tagħlim tiegħu biex jakkomoda t-twemmin lokali. Per eżempju, il-Buddiżmu Mahayana, l-għamla [taʼ Buddiżmu] li hija dominanti fiċ-Ċina u l-Ġappun, iħaddan twemmin f’esseri ċelestjali msejħin bodhisattva, jew Budda oħrajn futuri. Il-bodhisattva jipposponu li jilħqu n-Nirvana tagħhom għal numru bla għadd taʼ ħajjiet sabiex jaqdu lil oħrajn u jgħinuhom jiksbuha. B’hekk wieħed jistaʼ jagħżel li jibqaʼ fil-katina taʼ twelid mill-ġdid saħansitra wara li jkun kiseb in-Nirvana.
13 Aġġustament ieħor li sar influwenti partikolarment fiċ-Ċina u fil-Ġappun huwa d-duttrina tal-Pajjiż Pur tal-Punent, maħluq minn Budda Amitabha, jew Amida. Dawk li jsejħu isem Budda bil-fidi jitwieldu mill-ġdid ġewwa l-Pajjiż Pur, jew ġenna, fejn il-kundizzjonijiet huma iżjed favorevoli biex wieħed jikseb it-tidwil finali. Xi żviluppa minn dan it-tagħlim? Il-Professur Smart, li ssemma qabel, jispjega: “Kif mistenni, il-ġmiel tal-ġenna, deskritt b’mod vivaċi fl-iskrittura Mahayana, ħa l-post tan-nirvana fl-immaġinazzjoni popolari bħala l-mira suprema.”
14 Il-Buddiżmu Tibetan jinkorpora elementi lokali oħrajn. Per eżempju, il-ktieb Tibetan tal-mejtin jiddeskrivi d-destin taʼ individwu fl-istat intermedju qabel ma jitwieled mill-ġdid. Il-mejtin jintqal li jiġu esposti għad-dawl qawwi tar-realtà aħħarija, u dawk li ma jkunux jistgħu jissaportu d-dawl ma jiksbux liberazzjoni imma jitwieldu mill-ġdid. Huwa ċar li l-Buddiżmu fid-diversi għamliet tiegħu jagħti l-idea taʼ immortalità.
Il-Qima lill-Antenati fix-Xintù tal-Ġappun
15-17. (a) Kif żviluppat il-qima lill-ispirti taʼ l-antenati fix-Xintù? (b) It-twemmin dwar l-immortalità tar-ruħ kif inhu fundamentali għax-Xintù?
15 Ir-reliġjon eżistiet fil-Ġappun qabel il-wasla tal-Buddiżmu fis-sitt seklu E.K. Kienet reliġjon mingħajr isem, u kienet tikkonsisti fi twemmin assoċjat mal-morali u l-użanzi tan-nies. Madankollu, bl-introduzzjoni tal-Buddiżmu, qamet il-ħtieġa biex ir-reliġjon Ġappuniża tintgħaraf mill-barranija. U b’hekk nibet it-terminu speċjali “Xintù,” li jfisser “il-mogħdija taʼ l-allat.”
16 Liema twemmin kellu x-Xintù oriġinali dwar id-Dinja l-oħra? Bil-wasla tal-kultivazzjoni tar-ross f’art mgħarrqa bl-ilma, din it-tip taʼ “agrikultura kienet tirrikjedi komunitajiet stabbli u organizzati tajjeb,” tispjega l-Kodansha Encyclopedia of Japan, “u ġew żviluppati riti agrikoli—li iktar tard tant kellhom irwol importanti fix-Xintù.” Biżaʼ mill-erwieħ li kienu ħallewhom wassal lil dawn in-nies tal-qedem biex joħolqu riti li kienu jgħinuhom jitħabbu magħhom. Dan żviluppa f’qima lill-ispirti taʼ l-antenati.
17 Skond it-twemmin Xintù, ruħ “li tkun ħalliethom” xorta waħda għandha l-personalità tagħha imma hija mtebbaʼ minħabba l-mewt. Meta dawk li jkunu ġarrbu t-telfa tagħha jwettqu riti b’tifkira, ir-ruħ tiġi ppurifikata sal-punt li tneħħi kull malizzja, u tikseb karattru paċifiku u benevolenti. Maż-żmien, l-ispirtu taʼ l-antenat jilħaq il-pożizzjoni taʼ alla, jew gwardjan, antenat. Peress li kien jeżisti fl-istess żmien mal-Buddiżmu, ix-Xintù inkorpora ċertu tagħlim Buddist, inkluż id-duttrina tal-ġenna. B’hekk, insibu li twemmin fl-immortalità huwa fundamentali għax-Xintù.
L-Immortalità fit-Taoiżmu, Il-Qima lill-Antenati fil-Konfuċjaniżmu
18. X’inhi l-mentalità Taoista dwar l-immortalità?
18 It-Taoiżmu ġie mwaqqaf minn Lao-tzu, li jintqal li kien jgħix fiċ-Ċina fis-sitt seklu Q.E.K. Il-mira fil-ħajja, skond it-Taoiżmu, hija li tgħix l-attività umana f’armonija maʼ Tao—il-mogħdija tan-natura. Il-mentalità Taoista rigward l-immortalità tistaʼ tinġabar b’dan il-mod: Tao huwa l-prinċipju li jiggverna fl-univers. Tao la għandu bidu u lanqas tmiem. Billi jgħix fi qbil maʼ Tao, individwu jipparteċipa fih u jsir etern.
19-21. Spekulazzjonijiet Taoisti wasslu għal liema attentati?
19 Fl-attentat tagħhom biex ikunu ħaġa waħda man-natura, it-Taoisti maż-żmien saru interessati b’mod speċjali f’kemm din hija bla limiti fiż-żmien u fl-abbiltà tagħha li tirkupra. Huma spekulaw li forsi billi wieħed jgħix f’armonija maʼ Tao, jew il-mogħdija tan-natura, dan jistaʼ b’xi mod jiskopri s-sigrieti tan-natura u jsir reżistenti għall-ħsara fiżika, il-mard, u saħansitra l-mewt.
20 It-Taoisti bdew jesperimentaw bil-meditazzjoni, l-eżerċizzji tan-nifs, u d-dieta, li jistgħu, skond huma, jittardjaw it-taħsir u l-mewt tal-ġisem. Malajr bdew jiċċirkolaw leġġendi dwar nies immortali li setgħu jittajru fuq is-sħab, jidhru u jisparixxu meta jridu u li kienu jgħixu fuq muntanji sagri jew gżejjer remoti għal snin bla għadd, sostnuti bin-nida jew frott maġiku. L-istorja Ċiniża tirrapporta li fis-sena 219 Q.E.K., l-imperatur Ch’in Shih Huang Ti bagħat flotta vapuri bi 3,000 tifel u tifla biex isibu l-gżira leġġendarja taʼ P’eng-lai, id-dar tan-nies immortali, sabiex iġibu lura magħhom il-ħaxixa taʼ l-immortalità. M’għandniex għalfejn ngħidu, huma ma rritornawx bl-eliżir.
21 It-tiftix għall-ħajja eterna wassal lit-Taoisti biex jesperimentaw bit-taħlit taʼ pilloli taʼ l-immortalità bl-alkemija. Fil-ħarsa Taoista, il-ħajja tirriżulta meta jingħaqdu l-forzi opposti yin u yang (femminili u maskili). B’hekk, billi kienu jdewbu flimkien iċ-ċomb (skur, jew yin) u l-merkurju (vivaċi, jew yang), l-alkemisti kienu qed jimitaw il-proċess tan-natura u ħasbu li l-prodott se jkun pillola taʼ l-immortalità.
22. X’irriżulta mill-influwenza Buddista fuq il-ħajja reliġjuża Ċiniża?
22 Sas-sebaʼ seklu E.K., il-Buddiżmu kien ippenetra fil-ħajja reliġjuża Ċiniża. Ir-riżultat kien taħlita li kienet tħaddan elementi tal-Buddiżmu, l-ispiritiżmu, u l-qima lill-antenati. “Kemm il-Buddiżmu u kemm it-Taoiżmu,” jgħid il-Professur Smart, “taw forma u sustanza lit-twemmin dwar ħajja wara l-mewt li kien pjuttost xott fil-qima lill-antenati Ċiniża tal-qedem.”
23. X’kienet il-pożizzjoni taʼ Konfuċju rigward il-qima lill-antenati?
23 Konfuċju, l-għaref prominenti l-ieħor taċ-Ċina tas-sitt seklu Q.E.K., li l-filosofija tiegħu saret il-bażi għall-Konfuċjaniżmu, ma kkummentax b’mod estensiv dwar id-Dinja l-oħra. Minflok, hu saħaq fuq l-importanza tat-tjubija morali u l-imġiba aċċettabbli soċjalment. Imma kellu attitudni favorevoli lejn il-qima lill-antenati u poġġa enfasi kbira fuq l-osservanza tar-riti u ċ-ċerimonji rrelatati maʼ l-ispirti taʼ l-antenati li kienu ħallewhom.
Reliġjonijiet Oħrajn tal-Lvant
24. Il-Ġajniżmu x’jgħallem dwar ir-ruħ?
24 Il-Ġajniżmu twaqqaf fl-Indja fis-sitt seklu Q.E.K. Il-fundatur tiegħu, Mahāvīra, għallem li l-affarijiet ħajjin kollha għandhom erwieħ eterni u li s-salvazzjoni tar-ruħ mill-jasar tal-Karma hija possibbli biss billi l-individwu jiċħad u jiddixxiplina lilu nnifsu b’mod estrem u jkun riġidu f’li ma jużax il-vjolenza mal-ħlejjaq kollha. Il-Ġajnisti għadhom iħaddnu dan it-twemmin sal-ġurnata tal-lum.
25, 26. Liema twemmin Ħindu jinsab ukoll fis-Sikhiżmu?
25 L-Indja hija wkoll il-post fejn twieled is-Sikhiżmu, reliġjon ipprattikata minn 19-il miljun ruħ. Din ir-reliġjon kellha l-bidu tagħha fis-seklu 16 meta Guru Nānak iddeċieda li jgħaqqad flimkien l-aqwa tal-Ħinduiżmu u taʼ l-Islam u jifforma reliġjon magħquda. Is-Sikhiżmu adotta t-twemmin Ħindu taʼ l-immortalità tar-ruħ, ir-riinkarnazzjoni, u l-Karma.
26 Huwa ċar li t-twemmin li l-ħajja tkompli wara l-mewt tal-ġisem huwa parti integrali mill-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet tal-Lvant. Iżda, xi ngħidu għall-Kristjaneżmu, il-Ġudaiżmu, u l-Islam?
[Mappa f’paġna 10]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
ASJA ĊENTRALI
KAXMIR
TIBET
ĊINA
KOREA
ĠAPPUN
Banaras
INDJA
Buddh Gaya
MJANMAR
TAJLANDJA
SRI LANKA
KAMBODJA
ĠAVA
IT-TIELET SEKLU Q.E.K.
L-EWWEL SEKLU Q.E.K.
L-EWWEL SEKLU E.K.
IR-RABAʼ SEKLU E.K.
IS-SITT SEKLU E.K.
IS-SEBAʼ SEKLU E.K.
Il-Buddiżmu influwenza lill-Asja tal-Lvant kollha
[Stampa f’paġna 9]
Ir-riinkarnazzjoni hija l-pilastru tal-Ħinduiżmu
[Stampa f’paġna 11]
Billi jgħix f’armonija man-natura, Taoist jipprova jsir etern
[Stampa f’paġna 12]
Konfuċju kellu attitudni favorevoli lejn il-qima lill-antenati