Aħbarijiet tas-Saltna Nru. 36
Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?
Il-Millennju l-Ġdid—Il-Bidu taʼ Era Ġdida?
NHAR il-31 taʼ Diċembru, 1999, mat-tokki taʼ nofsillejl, is-seklu 20 ġie fi tmiemu.a Kien seklu li ra taqlib kbir, iżda li ra wkoll it-twelid taʼ teknoloġiji ġodda, il-progress taʼ l-għaġeb fil-mediċina, iż-żjieda kbira f’dik li hi informazzjoni, u t-tkabbir mgħaġġel fl-ekonomija dinjija. Għaldaqstant, ħafna laqgħu l-millennju l-ġdid bħala simbolu taʼ tama u bidla. Jistaʼ jkun li f’dan il-millennju se naraw it-tmiem tal-gwerer, tal-faqar, tat-tniġġis taʼ l-ambjent, u tal-mard?
Ħafna hekk jittamaw. Imma x’ċans hemm li l-millennju l-ġdid se jġib bidliet li huma taʼ ġid għalik—bidliet li se jagħmlulek ħajtek u dik tal-familja tiegħek ħielsa minn kull periklu? Ikkunsidra daqsxejn kemm huma kbar ftit mill-problemi li qegħdin inħabbtu wiċċna magħhom.
It-Tniġġis
Il-pajjiżi industrijalizzati qegħdin “joħolqu ħsara ambjentali fuq skala globali u tniġġis maʼ kullimkien u tħarbit fis-sistemi ekoloġiċi.” Jekk ikomplu sejrin hekk, l-ambjent naturali se jkun jiflaħ inqas u inqas għal din il-ħsara.—“Global Environment Outlook—2000,” United Nations Environment Programme.
Il-Mard
Illum il-mard li ma jittiħidx huwa l-kaġun taʼ inqas minn nofs l-imwiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Imma, sas-sena 2020 dan il-mard hu mistenni li jikkaġuna sebgħa minn kull għaxar imwiet.—“The Global Burden of Disease,” Harvard University Press, 1996.
Xi esperti jsostnu li “sa l-2010, it-23 pajjiż li għandhom l-iktar epidemiji serji taʼ l-[AIDS] se jkollhom 66 miljun inqas nies [ħajjin].”—“Confronting AIDS: Evidence From the Developing World,” rapport mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Dinji.
Il-Faqar
“Kważi 1.3 elf miljun persuna jridu jgħaddu b’inqas minn dollaru [38ċ ] kuljum, u kważi elf miljun ma jistgħux ilaħħqu mal-ħtiġijiet bażiċi tagħhom taʼ l-ikel.”—“Human Development Report 1999,” United Nations Development Programme.
Il-Gwerer
F’għadd taʼ pajjiżi, il-vjolenza tistaʼ tiżdied iktar minn qatt qabel. Il-vjolenza mqanqla minn differenzi razzjali, kulturali, tribwali, u reliġjużi se tkun l-iktar tip taʼ konflitt komuni għal dawn il-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin, u se taħsad il-ħajjiet taʼ mijiet t’eluf taʼ nies kull sena.—“New World Coming: American Security in the 21st Century,” U.S. Commission on National Security/21st Century.
Għalhekk, moħbi wara l-għagħa u l-eċċitament kollu minħabba l-millennju l-ġdid hemm il-fatt li t-tniġġis, il-mard, il-faqar, u l-gwerer qatt ma kienu taʼ theddida daqs kemm huma llum. L-għeruq taʼ dawn il-problemi huma r-rgħiba, in-nuqqas taʼ fiduċja, u l-egoiżmu—kwalitajiet li mhux la kemm teħles minnhom bir-riċerka xjentifika, bit-teknoloġija, jew bil-politika.
Il-Millennju li Se Jġib Barkiet fuq l-Umanità
ŻMIEN twil ilu wieħed kittieb osserva: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Il-bniedem mhux talli m’huwiex kapaċi jmexxi d-dinja talli lanqas għandu d-dritt li jagħmel hekk. Il-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah biss, għandu d-dritt u jaf kif isolvi l-problemi tal-bniedem.—Rumani 11:33-36; Apokalissi 4:11.
Imma meta? Kif? Hemm wisq evidenza li aħna qegħdin noqorbu lejn it-tmiem taʼ “l-aħħar tad-dinja.” Jekk jogħġbok, iftaħ il-Bibbja tiegħek, u aqra t-2 Timotju 3:1-5. Hawnhekk għandna deskrizzjoni ħajja tal-kwalitajiet li n-nies se juru matul dan iż-“żmien iebes.” Mattew 24:3-14 u Luqa 21:10, 11 ukoll jiddeskrivu “l-aħħar tad-dinja.” Hemmhekk l-enfasi hija fuq il-ġrajjiet fiżiċi li ilhom iseħħu mill-1914, bħal gwerer mad-dinja kollha, mard li jittieħed, u ġuħ maʼ kullimkien.
Dan iż-żmien taʼ “l-aħħar tad-dinja” dalwaqt jiġi fi tmiemu. Danjel 2:44 jgħid: “Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt. . . . Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [taʼ l-art], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” B’hekk, ġie mbassar li Alla kien se jwaqqaf Saltna, jew gvern, biex taħkem fuq l-art. Skond Apokalissi 20:4, dan il-gvern imexxi għal elf sena—millennju! Ikkunsidra ftit mill-modi kif il-kundizzjonijiet tal-ħajja se jitjiebu għall-bnedmin kollha matul dan il-Millennju glorjuż:
L-Ekonomija. “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar, u l-magħżulin tiegħi jistgħallu [jew, igawdu] xogħol idejhom.”—Isaija 65:21, 22.
Is-Saħħa. “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Mbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.” “U ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24; 35:5, 6.
L-Ambjent. Alla se jeqred lil “dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja.”—Apokalissi 11:18.
Ir-Relazzjonijiet bejn il-Bnedmin. “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej.”—Isaija 11:9.
Il-fidi f’dak li qed twiegħed il-Bibbja għenet lil miljuni taʼ nies jiksbu ħarsa ottimista u pożittiva lejn il-futur. Bħala riżultat, huma jistgħu jkampaw aħjar mal-pressjonijiet u l-problemi tal-ħajja. Int, kif tistaʼ tħalli l-Bibbja tiggwidalek ħajtek?
Għarfien Li Jwassal għall-Ħajja!
Ħafna drabi nistgħu nintilfu fuq ix-xjenza u t-teknoloġija. Madankollu, l-għarfien tal-bniedem ma ġabx il-ferħ u s-sigurtà fil-ħajja tal-biċċa l-kbira tan-nies. L-uniku għarfien li jistaʼ jwettaq dan huwa deskritt fil-Bibbja fi Ġwann 17:3. Dan jgħid: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”
Dan l-għarfien nistgħu nsibuh fil-paġni tal-Bibbja. Ħafna nies għandhom l-opinjoni tagħhom dwar dan il-ktieb sagru, u mhux la kemm taqbad u ddawwarhielhom. Però, ftit huma dawk li tabilħaqq fittxew bir-reqqa xi tgħid il-Bibbja. Xi ngħidu għalik? Huwa veru li trid tagħmel daqsxejn taʼ sforz mhux ħażin biex taqra l-Bibbja, imma kemm jiswa! Il-Bibbja hija l-uniku ktieb ‘imnebbaħ minn Alla, u jiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.’—2 Timotju 3:16.
Għalhekk, x’tistaʼ tagħmel biex tibda ssir midħla tal-Bibbja? Għax ma taċċettax l-għajnuna tax-Xhieda taʼ Jehovah? Huma jgħallmu lil miljuni taʼ nies fi djarhom stess u dan jagħmluh bla ħlas. Biex jgħinuk, huma jużaw diversi pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, bħall-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? Dan il-browxer jagħtik fil-qosor it-tweġibiet għal ħafna mill-mistoqsijiet li forsi għandek dwar il-Bibbja, bħal: Min hu Alla? X’inhu l-iskop t’Alla għall-art? X’inhi s-Saltna t’Alla? Kif tistaʼ l-Bibbja tgħinek tkun membru tal-familja aħjar?
Jekk tixtieq li xi ħadd mix-Xhieda taʼ Jehovah jiġi d-dar tiegħek, jekk jogħġbok imla l-kupun t’hawn taħt. Huma żgur li se jieħdu gost jagħtuk iktar tagħrif dwar ir-Renju t’Elf Sena glorjuż tas-Saltna t’Alla!
□ Nixtieq nirċievi l-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? Indika x’lingwa tippreferi
□ Jekk jogħġobkom ikkuntattjawni dwar studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas
[Nota taʼ taħt]
a Hawnhekk qed nirreferu għal kif iħarsu lejn il-millennju l-ġdid il-biċċa l-kbira tan-nies fil-Punent. Teknikament, il-millennju l-ġdid jibda fl-1 taʼ Jannar, 2001.