Kif Nikkultivaw l-Interess li Ntwera Permezz taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36
1 Spiċċajt int tqassam l-ammont li kellek taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36? F’dan il-fuljett insibu mistoqsija f’waqtha biex kulħadd jimmedita fuqha: “Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?” Hekk kif kienet qed toqrob is-sena 2000, kien hemm ħafna affarijiet differenti mistennija li dan il-millennju l-ġdid setaʼ jġib miegħu. Il-fuljett l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36 jikkunsidra xi ftit minn dak li kien mistenni u jfakkarna li l-kundizzjonijiet tad-dinja ma jipprovdux bażi għall-ottimiżmu. L-uniku millennju li se jġib il-paċi u s-sigurtà li n-nies tant qed ifittxu huwa r-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu Ġesù. Il-fiduċja li għandna li s-Saltna tiegħu hi reali ġagħlitna nqassmu l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36 lil kulmin stajna.
2 Reazzjonijiet għall-Aħbar tas-Saltna: Tqassim li sar qabel taʼ fuljetti oħra taʼ l-Aħbar tas-Saltna wera li kien inċentiv mill-aħjar għalina fix-xogħol tagħna. Rigward l-Aħbar tas-Saltna Nru. 35, il-fergħa tal-Kanada kitbet: “Il-pubblikaturi u l-pijunieri fis-servizz taʼ l-għalqa appoġġaw b’entużjażmu din il-kampanja speċjali, u kellhom ħafna esperjenzi inkuraġġanti.” Mingħajr ebda dubju int urejt l-istess entużjażmu għat-tqassim taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36.
3 Il-kampanja taʼ l-Aħbar tas-Saltna li qed issir bħalissa għandha tispiċċa fis-17 taʼ Novembru, 2000, skond l-iskeda. Intlaħaq it-territorju kollu assenjat lill-kongregazzjoni tiegħek? Jekk le, l-anzjani jistgħu jitolbuk biex tkompli l-kampanja sa l-aħħar taʼ Novembru.
4 X’kienet ir-reazzjoni s’issa għat-tqassim taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36 fil-lokalità tiegħek? Ftit li xejn nies se jimlew il-kupun u jitolbu kopja tal-browxer X’Jirrikjedi u/jew studju tal-Bibbja fid-dar. Madankollu, il-biċċa l-kbira taʼ dawk li fil-bidu juru interess fis-suġġett tal-millennju x’aktarx li ma jiħdux azzjoni jekk wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah ma jerġax imur iżurhom. Għandna nerġgħu nżuru lil dawk kollha li wrew interess. Meta jkun xieraq li nagħmlu dan? Iż-żjara għandha ssir malajr kemm jistaʼ jkun.
5 Innota dawn l-esperjenzi li rriżultaw miż-żjajjar lura fejn tħalla l-fuljett l-Aħbar tas-Saltna Nru. 35. Pijuniera fl-Irlanda ħalliet l-Aħbar tas-Saltna mas-sid taʼ restorant. Il-mara baqgħet impressjonata bil-messaġġ u stiednet lill-oħt biex terġaʼ żżurha. L-oħt marret iżżurha jumejn wara u nbeda studju tal-Bibbja. Fid-Danimarka, tħalliet kopja taʼ l-Aħbar tas-Saltna f’dar li ma kien hemm ħadd dak il-ħin. Dakinhar stess il-mara li kienet tgħix hemm bagħtet il-kupun lill-uffiċċju tal-fergħa, u dan bagħtuh lill-kongregazzjoni lokali. Lanqas laħqet għaddiet dik il-ġimgħa li żewġ aħwa nisa ma marrux iżuruha u ftehmu għal studju, u l-mara attendiet l-ewwel laqgħa tagħha fis-Sala tas-Saltna!
6 X’Għandek Tgħid Meta Tmur Lura: Li tagħmel iż-żjajjar lura fejn tkun ħallejt l-Aħbar tas-Saltna m’huwiex daqshekk diffiċli u hija parti mill-ministeru tagħna li nieħdu gost nagħmlu. Meta tagħmel dan, ikun aħjar li ġġorr miegħek kopja taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36, ladarba l-inkwilin jistaʼ ma jkollux il-kopja tiegħu. Tistaʼ tuża dawn is-suġġerimenti.
7 Wara li tkun fakkart lill-inkwilin min int, tistaʼ tgħid:
◼ “Ħallejtlek fuljett intitolat ‘Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?’ Ma kienx inkuraġġanti li taqra li dalwaqt se jibda r-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu Ġesù, li se jġib kundizzjonijiet taʼ Ġenna fuq l-art? [Uri l-istampi tal-Ġenna taʼ l-art fl-Aħbar tas-Saltna Nru. 36.] Fil-paġna taʼ wara, int mistieden li tikseb kopja tal-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?” Uri l-browxer, iftħu f’lezzjoni 5, aqra l-ewwel mistoqsija u paragrafi 1 u 2, u stieden lill-inkwilin biex jagħti l-kummenti tiegħu. Aqra u ddiskuti skrittura jew tnejn. Jekk inhu possibbli, ikkunsidra mistoqsija u paragrafu ieħor, imbagħad ftiehem biex terġaʼ tmur u tkompli bid-diskussjoni.
8 Ladarba l-offerta għal Novembru wara l-fuljett se tkun il-browxer “X’Jirrikjedi” jew il-ktieb “Għarfien,” tistaʼ tgħid:
◼ “Meta m’ilux ġejt inżurek, ħallejtlek kopja taʼ ‘Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?’ Hawnhekk insibu l-offerta taʼ studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas. Erġajt ġejt biex nurik x’inhi l-għajnuna li nużaw għall-istudju. [Uri l-browxer X’Jirrikjedi, u mur lejn il-qoxra taʼ wara; jew uri l-ktieb Għarfien, u mur f’paġni 188-9.] Il-Millennju li titkellem dwaru l-Bibbja se jġib kundizzjonijiet bħalma tistaʼ tara f’din l-istampa. Sabiex nikkwalifikaw li ngħixu fil-Ġenna taʼ l-art, għandna bżonn nieħdu għarfien eżatt dwar Alla. Jekk jogħġbok ippermettili nurik fil-qosor kif nistudjaw il-Bibbja.”
9 It-tqassim taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36 qanqalna biex inżidu s-sehem tagħna fil-ministeru, billi nagħtu xiehda kbira. X’aktarx li dan qajjem l-interess taʼ ħafna individwi fit-territorju. Bl-għajnuna taʼ Jehovah, l-isforzi magħqudin tagħna f’li nikkultivaw dan l-interess se jirriżultaw li b’ferħ kbir insibu iktar uħud bħal nagħaġ.—Mt. 10:11; Atti 13:48, 49, 52.