“Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?”
1 Din il-mistoqsija ilha ħafna fl-imħuħ tan-nies madwar id-dinja. Għalkemm il-bniedem wettaq ħafna affarijiet matul is-sekli, in-nies jinsabu diżappuntati għax il-problemi bażiċi li ilhom ikiddu lill-bnedmin għall-millennji sħaħ għadhom jeżistu. (Ġob 14:1; Salm 90:10) Il-bnedmin fejn jistgħu jsibu serħan?
2 Matul ix-xhur t’Ottubru u Novembru, se jkollna opportunità speċjali biex nipprovdu tweġiba għal din il-mistoqsija lill-ġirien tagħna. Kif? Permezz tat-tqassim taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36. Din iġġib l-isem “Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?” Sa nofs ix-xahar t’Ottubru se noffru r-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Imbagħad mit-Tnejn, 16 t’Ottubru, sal-Ġimgħa, 17 taʼ Novembru, se nieħdu sehem fi tqassim intensiv taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36. Matul din il-kampanja se nikkonċentraw fuq li nħallu l-fuljett Aħbar tas-Saltna Nru. 36 fost il-ġimgħa. Fi tmiem il-ġimgħa se nippreżentawh flimkien mar-rivisti kurrenti.
3 Se Jkollok Sehem Sħiħ? L-anzjani, il-qaddejja ministerjali, u l-pijunieri se jkunu jridu jagħtu l-aqwa eżempju f’din il-kampanja, ladarba huma minn taʼ quddiemnett fix-xogħol. Ħafna pubblikaturi rranġaw iċ-ċirkustanzi tagħhom biex ikunu pijunieri awżiljarji matul xahar minnhom jew inkella fix-xahrejn tat-tqassim. Oħrajn jippjanaw li jqattgħu iktar ħin mis-soltu fil-ministeru.
4 Dawk li jikkonduċu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni jistgħu jkunu t’għajnuna f’li jinkuraġġixxu lil kull membru tal-grupp tagħhom biex jieħu sehem sħiħ fit-tqassim taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36. Għandu mnejn hemm xi pubblikaturi li saru inattivi fix-xogħol taʼ l-ippridkar. L-anzjani għandhom iżuruhom ħalli jaraw x’jistgħu jagħmlu biex jgħinuhom. Forsi jistgħu jsiru xi arranġamenti biex pubblikatur bl-esperjenza jkun jistaʼ jaħdem maʼ kull persuna inattiva fis-servizz taʼ l-għalqa matul dawn ix-xhur. Forsi dawn il-pubblikaturi jkollhom bżonn eżatt din il-preżentazzjoni sempliċi taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36 biex jerġgħu jsiru attivi fis-servizz taʼ l-għalqa.
5 Din tistaʼ tkun opportunità tajba wkoll biex l-istudenti tal-Bibbja li kważi spiċċaw il-ktieb Għarfien u li jikkwalifikaw bħala pubblikaturi mhux mgħammdin, jibdew jieħdu sehem fil-ministeru. Saħansitra ż-żgħar jistaʼ jkollhom sehem mill-aħjar f’dan ix-xogħol eċċitanti.
6 Hemm bżonn biss preżentazzjoni sempliċi. Tistaʼ tgħid:
◼ “Iddeċidejt li bħala volontier nuża l-ħin tiegħi biex ngħin fit-tqassim taʼ dan il-messaġġ verament importanti lil kull familja f’[l-isem tal-post]. Din hi l-kopja tiegħek. Jekk jogħġbok aqraha.” Ikun aħjar jekk ma ġġorrx basket miegħek meta tkun qed tqassam l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36.
7 Laqgħat Ippjanati Sew għas-Servizz taʼ l-Għalqa: L-anzjani jridu jieħdu ħsieb li l-arranġamenti għall-għoti taʼ xiehda jkunu kemm konvenjenti u kemm prattiċi. L-indokratur tas-servizz b’mod speċjali għandu jkun ċert li hemm biżżejjed territorju minn dar għal dar u tan-negozju sabiex kulħadd ikun jistaʼ jieħu sehem bis-sħiħ fix-xogħol. Kulfejn ikun possibbli, għandhom jiġu organizzati laqgħat tas-servizz għal kull ġurnata tal-ġimgħa, għal tmiem il-ġimgħa u għal fil-għaxijiet. Jistgħu jsiru arranġamenti għall-gruppi tard wara nofsinhar għall-benefiċċju taʼ l-istudenti taʼ l-iskola, tal-ħaddiema li jaħdmu bix-xift, u t’oħrajn.
8 X’Nagħmlu dwar id-Djar Fejn Ma Nsibu lil Ħadd: Il-mira tagħna hi li nitkellmu maʼ kemm jistaʼ jkun inkwilini. Jekk meta tħabbat ma ssib lil ħadd id-dar, ħu nota taʼ l-indirizz u mur f’xi ħin differenti tal-ġurnata. Jekk sa l-aħħar ġimgħa tal-kampanja ma jkunx irnexxielek tikkuntattja lil dawn l-inkwilini, tistaʼ tħallilhom kopja taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36 f’xi post fejn ma tkunx tidher minn dawk li jkunu għaddejjin minn hemm. L-anzjani lokali jistgħu jistruwixxu lil dawk fil-kongregazzjoni biex iħallu kopja taʼ l-Aħbar tas-Saltna Nru. 36 fl-ewwel żjara meta ma jsibu ’l ħadd id-dar, meta jkunu qed jinħadmu nħawi rurali u nħawi fejn ikun hemm iktar territorju milli jistaʼ jintlaħaq matul il-kampanja.
9 Ejja Ħa Jkollna Ħafna X’Nagħmlu! Il-kongregazzjonijiet għandhom jistinkaw biex ikopru t-territorju tagħhom qabel ma tintemm il-kampanja fis-17 taʼ Novembru. Jekk it-territorju tiegħek huwa kbir mhux ħażin, xi pubblikaturi jistgħu jaħdmu waħedhom fejn ikun prattiku u bla periklu. Dan l-arranġament se jagħmilha iktar faċli biex tilħaq kemm jistaʼ jkun uħud li jixirqilhom. Kun ċert li tieħu nota sewwa taʼ kull interess li ssib.
10 L-anzjani għandhom jantiċipaw kemm se jkollha bżonn rivisti żejda l-kongregazzjoni u għandhom jordnaw skond il-bżonn. L-Aħbar Tas-Saltna Nru. 36 m’hemmx għalfejn jiġi ordnat, peress li se tintbagħat konsenja lil kull kongregazzjoni. Il-pijunieri speċjali, regulari, u awżiljarji se jirċievu 250 kopja kull wieħed x’iqassmu, filwaqt li l-pubblikaturi tal-kongregazzjoni se jingħataw 50 kopja kull wieħed. Mela, lest int u ħerqan biex ikollok ħafna x’tagħmel f’din l-attività speċjali? Kemm aħna privileġġati li lill-proxxmu tagħna ngħarrfuh x’wiegħed Alla għall-futur qarib!