Kampanja Speċjali mis-16 t’Ottubru sat-12 taʼ Novembru!
1 “It-Tmiem tar-Reliġjon Falza Huwa fil-Qrib!” Dan huwa t-titlu tal-fuljett Aħbar tas-Saltna Nru. 37, li se jibda jitqassam madwar id-dinja mix-xahar id-dieħel. Matul l-ewwel nofs t’Ottubru, se noffru r-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u l-Awake! B’seħħ mit-Tnejn 16 t’Ottubru sal-Ħadd 12 taʼ Novembru, se nieħdu sehem fit-tqassim intensiv tal-fuljett Aħbar tas-Saltna Nru. 37. Fis-Sibtijiet u l-Ħdud taʼ matul il-kampanja se noffruh flimkien mal-ħarġiet kurrenti tar-rivisti.
2 Min Jistaʼ Jieħu Sehem: Dawk kollha li qed jippridkaw l-aħbar tajba b’mod attiv se jkunu jridu jieħdu sehem bis-sħiħ. Xi wħud se jkunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Għandek int tfal jew studenti tal-Bibbja li qed jagħmlu progress spiritwali? Għinhom sabiex javviċinaw lill-anzjani ħalli jaraw jekk jikkwalifikawx bħala pubblikaturi mhux mgħammdin. L-anzjani għandhom jieħdu l-inizjattiva biex jitkellmu mal-pubblikaturi li m’humiex attivi sabiex jinkuraġġuhom ħalli jipparteċipaw, forsi billi jaħdmu maʼ pubblikaturi taʼ l-esperjenza.
3 Se tintbagħat provvista tal-fuljett Aħbar tas-Saltna Nru. 37 lill-kongregazzjonijiet kollha sabiex il-pubblikaturi u l-pijunieri jkunu jistgħu jieħdu minn taʼ l-inqas 50 kopja. Uħud interessati li għadhom m’humiex pubblikaturi jistgħu jingħataw ħames kopji sabiex ikunu jistgħu jqassmuhom lil tal-familja u lill-ħbieb. Kulħadd għandu jżomm nota taʼ l-ammont li jkun qassam u jiktbu fuq in-naħa taʼ wara tar-rapport tas-servizz taʼ l-għalqa fl-aħħar t’Ottubru u taʼ Novembru. Is-segretarju se jagħmel lista tat-total għall-kongregazzjoni u jagħmel rapport lill-uffiċċju tal-fergħa fl-aħħar taʼ kull xahar. Kwalunkwe kopja mill-fuljett Aħbar tas-Saltna li jifdal wara li l-kampanja tispiċċa tistaʼ tintuża fi kwalunkwe aspett tal-ministeru.
4 X’Nistgħu Ngħidu: Żomm il-preżentazzjoni tiegħek qasira għax b’hekk jitħalla iktar ħin biex jitqassam il-messaġġ. Tistaʼ tgħid: “Bħala servizz pubbliku qed nieħu sehem fi tqassim taʼ messaġġ importanti li qed isir madwar id-dinja. Din hija l-kopja tiegħek u hija b’xejn. Jekk jogħġbok aqraha.” Forsi jkun aħjar jekk ma ġġorrx basket miegħek minn bieb għal bieb. Agħmel ċert li żżomm nota taʼ kull interess li ssib.
5 Kif Tkopri t-Territorju Tiegħek: Minflok ma tqassam il-fuljett Aħbar tas-Saltna fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq, iffoka fuq li tkopri kemm jistaʼ jkun mit-territorju tiegħek minn dar għal dar u mit-territorju taʼ negozju. Żomm nota taʼ dawk li ma ssibx id-dar, u pprova mur lura f’ħin differenti jew f’xi ġurnata differenti tal-ġimgħa. Mit-Tnejn 6 taʼ Novembru ’l quddiem tistaʼ titħalla kopja fejn ma jinstab ħadd id-dar. Madankollu, jekk il-kongregazzjoni għandha iktar territorju milli tistaʼ tkopri matul iż-żmien tal-kampanja, l-anzjani għandhom mnejn jiddeċiedu li l-fuljett Aħbar tas-Saltna għandu jitħalla fejn ma jinstabux in-nies matul il-kampanja kollha.
6 Il-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira” qed tersaq malajr. In-nies għandhom bżonn joħorġu minnha qabel ma tinqered kompletament. (Riv. 14:8; 18:8) Agħmel pjanijiet issa biex tieħu sehem sħiħ f’din il-kampanja li se ssir madwar id-dinja sabiex kulħadd ikun jaf li t-tmiem tar-reliġjon falza hu fil-qrib!