Kun “Żeluż Għal Xogħlijiet Mill-Aħjar” Matul April!
1 Fir-rebbiegħa tas-sena li għaddiet ingħatat xiehda bħal qatt qabel meta tqassmu madwar id-dinja miljuni taʼ kopji tal-Kingdom News Nru. 34. F’dan ix-xogħol stimulanti ħadu sehem b’daqstant ħeġġa kemm pubblikaturi u kemm pijunieri tal-kongregazzjoni. Kont int wieħed minnhom? Jekk kont, m’hemm l-ebda dubju li ħadt pjaċir bil-kbir tieħu sehem f’dik il-kampanja notevoli. Forsi issa int qiegħed taħseb: Liema ‘xogħol mill-aħjar’ hemm merfugħ għalina din is-sena?—Titus 2:14.
2 Matul April u fil-bidu taʼ Mejju, se jkollna l-pjaċir li nqassmu edizzjoni speċjali tar-rivista Awake!, il-ħarġa tat-22 t’April, 1996, bit-titlu “When Wars Will Be No More.” (Meta Mhux Se Jkun Hemm Iktar Gwerer.) Peress li dan is-suġġett se jolqot lil ħafna inkwilini, se nipprovaw inqassmu din ir-rivista f’kemm jistaʼ jkun postijiet. Meta nqisu l-importanza taʼ l-informazzjoni li fiha, din il-ħarġa taʼ l-Awake! għandha tiġi offruta matul April u Mejju, sakemm jispiċċaw il-provisti.
3 Il-Mira Tagħna—Parteċipazzjoni Mill-Pubblikaturi Kollha: Ikun verament inkuraġġanti jekk kull pubblikatur f’dan il-pajjiż ikun jistaʼ jieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar matul April. Bil-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu frisk f’moħħna, żgur li nkunu nixtiequ nuru l-apprezzament tagħna għat-tjieba t’Alla billi noffru “sagrifiċċju taʼ tifħir” dirett fil-ministeru taʼ l-għalqa.—Eb. 13:15.
4 Għandu jsir sforz ħabrieki biex nagħrfu l-bżonnijiet taʼ kull membru tal-kongregazzjoni biex kulħadd ikun jistaʼ jieħu sehem b’mod żeluż fil-ministeru matul April. (Rum. 15:1) Dawk li jikkonduċu l-istudju tal-ktieb għandhom ikunu konxji bis-sħiħ taċ-ċirkostanzi taʼ dawk fil-gruppi tagħhom u għandhom joffru għajnuna prattika meta jkun hemm bżonn. Hemm xi ħadd li għandu bżonn trasport? Min jistaʼ jipprovdih? Hemm xi wħud li jistħu jew konxji tagħhom infushom? Jistgħu jaħdmu magħhom xi pubblikaturi b’iktar esperjenza? Xi ngħidu dwar dawk li ma jistgħux joħorġu mid-dar jew dawk li huma morda? Jistgħu jieħdu sehem fl-għoti taʼ xiehda bit-telefon, billi jiktbu l-ittri, jew f’xi attività produttiva oħra?
5 Xi wħud li saru inattivi kienu qegħdin jirċievu inkuraġġiment spiritwali regolarment, u forsi għal darb’oħra huma jistgħu jiġu mqanqlin jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Il-kampanja bl-Awake! speċjali se tipprovdilhom opportunità mill-aqwa biex jerġgħu jsiru attivi.
6 Ħarrġu Lil Uħud Żgħar Biex Jieħdu Sehem: Ħafna tfal tax-Xhieda taʼ Jehovah ilhom joħorġu mal-ġenituri tagħhom minn dar għal dar għal snin sħaħ, għalkemm għadhom m’humiex jaqdu bħala pubblikaturi mhux mgħammdin. Huwa issa ż-żmien biex jibdew? Imqanqlin huma mill-qalb u lesti biex jieħdu sehem sinjifikanti fix-xogħol minn dar għal dar? Il-kapijiet tal-familja għandhom jużaw il-ħin matul l-istudju tal-Bibbja tal-familja biex jgħinu lit-tfal ikkwalifikati tagħhom ħalli jippreparaw preżentazzjoni skond l-età u l-abbiltà tagħhom. Uħud iktar anzjani jistgħu jagħżlu mistoqsija li tqanqal il-ħsieb biex iqajmu l-interess taʼ l-inkwilin u mbagħad juru t-tweġiba mir-rivista. Tfal żgħar jistgħu jagħtu xiehda effettiva fi ftit kliem. Per eżempju, huma jistgħu jħeġġu lill-inkwilin biex “jaqra rivista speċjali li qiegħda tiġi offruta madwar id-dinja dan ix-xahar.” Bħala parti mill-preparazzjoni tal-familja tagħkom, kunu ċerti li tinkludu suġġerimenti kif negħlbu oġġezzjonijiet komuni. Se ssibu għadd taʼ ideat tajbin fil-ktieb Reasoning. Waqt il-ħin taʼ l-ikel u f’okkażjonijiet xierqa oħrajn, ħeġġu lill-membri tal-familja biex jirrakkontaw l-esperjenzi li kellhom huma fis-servizz taʼ l-għalqa.
7 Studenti Tal-Bibbja Kkwalifikati Jkomplu X-Xogħol Li Għamel Ġesù: Ġesù ma llimitax it-tagħlim tiegħu f’li jagħti istruzzjoni fuq affarijiet dottrinali. Hu ħareġ maʼ l-istudenti tiegħu fil-ministeru u għallimhom kif jippridkaw. (Luqa 8:1; 10:1-11) X’inhi s-sitwazzjoni l-lum? F’Malta qegħdin jiġu kondotti iktar minn 200 studju tal-Bibbja. M’hemm l-ebda dubju, b’inkuraġġiment xieraq ħafna minn dawn l-istudenti jistgħu jagħmlu pass ieħor fit-taħriġ tagħhom u jikkwalifikaw biex jaqdu bħala pubblikaturi mhux mgħammdin f’April.
8 Jekk int qiegħed tikkonduċi studju tal-Bibbja, ikkunsidra dawn il-mistoqsijiet: Qiegħed l-istudent jimxi ’l quddiem, dejjem skond l-età u l-abbiltà tiegħu? Beda jaqsam il-fidi tiegħu b’mod informali m’oħrajn? Qiegħed jilbes “il-personalità l-ġdida”? (Kol. 3:10) Jilħaq hu l-kwalifiki għal pubblikaturi mhux mgħammdin, bħalma huwa muri minn paġna 97 sa paġna 99 tal-ktieb Our Ministry? Jekk int temmen li hu kkwalifikat, għala ma tiddiskutix dan miegħu? Xi studenti jkunu jridu biss stedina diretta biex jieħdu sehem fix-xogħol. M’għandniex xi ngħidu, jekk l-istudent huwa dispost, ikun l-ewwel xieraq li l-indokratur li jippresiedi jirranġa bħalma jsir is-soltu għal diskussjoni maʼ tnejn mill-anzjani. Min-naħa l-oħra, forsi hemm xi ħaġa li qiegħda żżomm lill-istudent lura. Forsi wieħed mill-anzjani jistaʼ jiġi miegħek fuq l-istudju tal-Bibbja u jara x’inhuma s-sentimenti ġewwa qalb l-istudent dwar il-verità. Wara li jkun semaʼ x’għandu x’jgħid l-istudent, l-anzjan ikun jistaʼ jipprovdi suġġerimenti prattiċi, flimkien m’għajnuna Skritturali.
9 ‘Ixtru L-Ħin’ Biex Tkunu Pijunieri Awżiljarji: Kull sena fl-istaġun tal-Mafkar, il-gratitudni lejn ir-rahan tqanqal lil eluf biex ‘jixtru’ l-ħin ħalli jkunu pijunieri awżiljarji. (Ef. 5:15-17) Għalkemm jeħtieġ xi sagrifiċċji, il-barkiet huma kbar. Għadd taʼ min ifaħħru taʼ żgħażagħ jieħdu vantaġġ mill-vaganzi taʼ l-iskola biex ikunu pijunieri awżiljarji. Adulti li jaħdmu l-ġimgħa kollha jieħdu vantaġġ bis-sħiħ mill-għaxijiet u minn tmiem il-ġimgħa f’din l-istess attività. B’hekk, familji sħaħ irnexxielhom jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju flimkien! F’xi kongregazzjonijiet ħafna mill-anzjani u mill-qaddejja ministerjali u n-nisa tagħhom inkitbu bħala pijunieri awżiljarji. Imqanqlin mill-eżempju żeluż tagħhom, oħrajn għamlu bħalhom, u b’hekk ammont kbir tal-kongregazzjoni qdew bħala pijunieri awżiljarji f’April.
10 Kemm jekk jirnexxilek int li tkun pijunier awżiljarju u kemm jekk le, fittex modi biex iżżid is-servizz tiegħek fl-għalqa matul April. Poġġi mira persunali għalik innifsek, waħda li tkun teħtieġ ftit sforz biex tilħaqha iżda li hija ottenibbli. Ix-xewqa tiegħek li ‘tonfoq u tintefaq għal kollox’ fis-servizz taʼ Jehovah, skond iċ-ċirkostanzi persunali tiegħek, se jkollha l-barka tiegħu.—2 Kor. 12:15.
11 Laqgħat Għas-Servizz Taʼ L-Għalqa: Għandhom jiġu rranġati laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa kull ġurnata bil-kampanja taʼ l-Awake!, f’ħin li nkunu nistgħu nibdew minn kmieni fil-ministeru. Għandu jsir ftehim ukoll għal għoti taʼ xiehda fil-għaxija. Ħafna pubblikaturi se jkunu jieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa fi tmiem il-ġimgħa, u għalhekk il-kongregazzjonijiet għandhom jirranġaw laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa nhar taʼ Sibt, kemm fil-għodu u kemm wara nofs in-nhar, sakemm jibqaʼ għaddej it-tqassim taʼ l-Awake! speċjali.
12 Dawk li jikkonduċu l-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa għandhom jagħmlu ċert li hemm biżżejjed territorju. Għandu jinħadem l-ewwel dak it-territorju li jkun ilu ma jsir. Madankollu, territorju mhux assenjat li tieħu ħsiebu s-Soċjetà m’għandux jinħadem mingħajr il-permess tas-Soċjetà. Għandek int f’idejk xi territorju persunali li ilu ma jinħadem? Jekk se jkollok bżonn l-għajnuna biex taħdmu, tkellem maʼ l-indokratur tas-servizz jew mal-ħu inkarigat mit-territorju u huma jkunu ferħanin li jipprovdulek ftit għajnuna.
13 Kemm Se Tqassam Rivisti? Dik hija mistoqsija li kull individwu għandu jwieġeb. F’li tiddetermina kemm se tqassam rivisti matul il-kampanja, ikkunsidra t-tip taʼ territorju li se tkun taħdem, l-età tiegħek, saħħtek, il-ħin li tistaʼ tqattaʼ fuq ix-xogħol, u fatturi oħrajn. Innota, madankollu, it-tfakkira li kienet mogħtija fil-ħarġa taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa, tal-1 taʼ Jannar, 1994: “Bħala suġġeriment, il-pubblikaturi jistaʼ jkollhom mira taʼ, per eżempju, 10 rivisti fix-xahar, jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tagħhom; il-pijunieri jistgħu jimmiraw għal 90.” Tkun realistika fil-każ tiegħek mira bħal din?
14 Anzjani—Huwa Meħtieġ Ippjanar Bil-Għaqal: Kunu ċerti li, jekk inhu possibbli, it-territorju kollu tal-kongregazzjoni jinħadem bil-ħarġa speċjali taʼ l-Awake! Għandha tingħata attenzjoni bil-għaqal biex jinħadem kwalunkwe territorju taʼ negozju mogħti lill-kongregazzjoni. Dawk li jaħdmuh għandhom ikunu ppreparati sewwa u lebsin pulit. M’hemmx bżonn taʼ preżentazzjoni elaborata. Meta tkun se tkellem bniedem tan-negozju, int tistaʼ tgħid li ma tantx tiltaqaʼ maʼ nies tan-negozju fid-dar, u għalhekk ġejt tkellmu fuq il-post tax-xogħol biex toffri artiklu li żgur se jinteressah. Imbagħad tistaʼ turih fil-qosor xi punt speċifiku fir-rivista. L-għoti taʼ xiehda fit-toroq bir-rivisti wkoll għandu jiġi organizzat fit-territorju tal-kongregazzjoni. L-iktar mod effettiv kif tieħu sehem fix-xogħol fit-toroq huwa li tieħu l-inizjattiva u tavviċina int lin-nies li jkunu għaddejjin, minflok ma tistenna lilhom li joqorbu lejk. Peress li se tkun f’għajnejn in-nies, għandek tkun konxju li jkollok dehra dinjituża. Jistaʼ jkun hemm postijiet oħrajn fit-territorju tiegħek li jistgħu jinħadmu matul il-kampanja, bħalma huma l-ajruporti, l-isptarijiet, fejn jipparkjaw il-karozzi, fil-ġonna, u fid-djar għall-anzjani. Il-ġemgħa taʼ l-anzjani għandhom jiddeterminaw x’arranġamenti xierqa jistgħu jsiru għall-għoti taʼ xiehda f’dawn l-inħawi fit-territorju tal-kongregazzjoni tiegħek.
15 Jehovah hu ħaddiem li ma jgħejja qatt. (Ġwann 5:17) Hu ħalaq kemm is-smewwiet u l-art kif ukoll il-pjanti u l-annimali; imma baqaʼ jaħdem sakemm ħalaq il-qofol tas-suċċess tiegħu fuq l-art—il-bniedem. Il-fatt li aħna għandna l-ħajja huwa riżultat dirett taʼ li Alla xtaq li jaħdem. Bħala “imitaturi t’Alla,” irridu niġu mqanqlin mill-imħabba tagħna lejh biex inkunu “żelużi għal xogħlijiet mill-aħjar.” (Ef. 5:1; Titus 2:14) Minħabba li Jehovah huwa denju li jirċievi l-aqwa sforz tagħna u minħabba li x-xewqa li wieħed jikseb ir-riżultati hija karatteristika taʼ wieħed li hu żeluż, għandna nkunu interessati li nwettqu xogħol taʼ klassi fil-ministeru. M’għandniex xi ngħidu, Jehovah japprezza kwalunkwe sagrifiċċju li nagħmlu għalih, u x-xogħol tagħna qatt m’hu għalxejn. (1 Kor. 15:58) Mela, bi qlub mimlijin gratitudni, ħalli niddedikaw erwieħna għal attività żeluża matul April, fiduċjużi mill-approvazzjoni u l-barka taʼ Jehovah u minn suċċess għani!