‘Inxandru b’Mod Sħiħ il-Kelma taʼ Alla’
1 Meta tapprezza b’mod sinċier li tkun irċivejt xi ħaġa tajba, ma turihx dan bl-attitudni u bl-azzjonijiet tiegħek? Dażgur li hekk tagħmel! Inkwantu għat-tjieba u l-qalb tajba bl-imħabba li Jehovah juri lejn il-bnedmin, innota kif irreaġixxa l-appostlu Pawlu. Hu esklama: “Ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem”! X’jinkludi dan id-“don”? Kull “grazzja [jew, qalb tajba bl-imħabba] bla qjies taʼ Alla” li ntweriet lilna. U l-akbar turija tagħha kienet id-don taʼ Ibnu stess bħala prezz li tħallas għall-fidwa taʼ dnubietna.—2 Kor. 9:14, 15; Ġw. 3:16.
2 Kienet l-espressjoni taʼ gratitudni min-naħa taʼ Pawlu paroli biss? Bl-ebda mod! Hu wera l-apprezzament profond tiegħu b’ħafna modi. Kien juri interess kbir fis-saħħa spiritwali taʼ sħabu l-Kristjani u ried jagħmel dak kollu li setaʼ sabiex jgħinhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-qalb tajba bl-imħabba t’Alla. Dwar uħud bħal dawn, Pawlu qal: “Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju taʼ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.” (1 Tess. 2:8) Minbarra li għen lil dawk li kienu diġà parti mill-kongregazzjoni biex jiżgura s-salvazzjoni tagħhom, Pawlu ppriedka bla heda l-aħbar tajba, ivvjaġġa eluf taʼ kilometri fuq l-art u l-baħar biex isib lil “dawk kollha li kienu magħżula [“disposti sewwa,” NW] għall-ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) L-apprezzament profond taʼ Pawlu għal dak kollu li Jehovah għamel miegħu qanqlu biex ‘ixandar b’mod sħiħ il-Kelma taʼ Alla.’—Kol. 1:25.
3 Ma jqanqalniex l-apprezzament għal dak kollu li Jehovah għamel magħna biex noffru l-għajnuna spiritwali lil dawk li għandhom bżonnha fil-kongregazzjoni tagħna? (Gal. 6:10) U ma nitqanqlux aħna biex nagħtu l-akbar sehem possibbli f’li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna fit-territorju kollu tagħna?—Mt. 24:14.
4 Opportunità biex Nuru Apprezzament: Kull sena il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu jagħtina opportunità speċjali biex nuru apprezzament għal dak kollu li Jehovah u Ġesù għamlu magħna. Dan m’huwiex biss laqgħa oħra jew sempliċement tfakkira taʼ xi ġrajja. Ġesù qal: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Lq. 22:19, korsiv tagħna.) Il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu huwa okkażjoni biex niftakru x’tip taʼ persuna hu Ġesù. Huwa żmien li fih niftakru li llum hu ħaj u attiv, bil-glorja u l-kariga taʼ sultan li ngħatawlu għall-ħajja leali li għex u għas-sagrifiċċju tiegħu. Din l-osservanza hija wkoll opportunità biex nuru s-sottomissjoni tagħna lejn Kristu bħala l-kap hekk kif imexxi l-affarijiet u l-attivitajiet tal-kongregazzjoni Kristjana. (Kol. 1:17-20) In-nies t’Alla kollha għandhom b’rispett ikunu preżenti għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu. Din is-sena se jsir nhar il-Ħamis, 28 taʼ Marzu, 2002 wara nżul ix-xemx.
5 Is-sena l-oħra, bl-isforz ħabrieki li sar qabel il-Mafkar, f’Malta kellna l-attendenza taʼ 933 persuna. X’se tkun l-attendenza għal din is-sena? Jiddependi ferm mill-fatt li aħna “nitħabtu u nitqabdu” biex ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies ħalli jattendu.—1 Tim. 4:10.
6 Minbarra li nattendu għall-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej, forsi nkunu nistgħu nżidu l-attività tagħna fis-servizz taʼ l-għalqa. Ċertament, madwar id-dinja għaxriet t’eluf t’aħwa se jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju għal xahar jew iktar. Tistaʼ int tirranġa l-affarijiet tiegħek sabiex tgawdi l-privileġġ taʼ li taqdi bħala pijunier awżiljarju din is-sena? Dan ikun mod mill-aqwa kif turi l-apprezzament sinċier tiegħek għall-provvediment kollu mħabba t’Alla għas-sagrifiċċju taʼ Kristu. Tistaʼ tkun żgur mill-barka taʼ Jehovah, kif juruna l-esperjenzi li ġejjin.
7 Oħt li għandha xogħol sekulari full-time kitbet dwar l-esperjenza tagħha meta qdiet bħal pijuniera awżiljarja f’Marzu li għadda: “Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar 2001 ħeġġeġ lil kulmin iċ-ċirkustanzi kienu jippermettulu biex jaqdi bħala pijunier awżiljarju matul l-istaġun tal-Mafkar. Peress li Marzu kellu ħames Sibtijiet, dan daħal sew fl-iskeda tiegħi. Għalhekk iddeċidejt li napplika.” Hekk kif beda x-xahar, għamlitha l-mira li tipprova tibda studju tal-Bibbja fid-dar. Irnexxielha? Iva, meta kienet laħqet it-52 siegħa fil-ministeru dak ix-xahar! X’ikkonkludiet? “Ikollna barkiet meraviljużi meta nagħmlu sforz akbar.”
8 X’inhuma l-benefiċċji għal familja li l-membri tagħha jaqdu flimkien bħala pijunieri awżiljarji? L-erbaʼ membri taʼ familja waħda li għamlu hekk f’April li għadda sabu li għaddew xahar li qatt m’huma se jinsew. L-omm qalet: “X’ħarsa pożittiva kellna għal kull ġurnata, peress li konna magħqudin flimkien fil-ministeru! Id-diskussjonijiet dwar l-attivitajiet tagħna taʼ kuljum fis-servizz għamlulna l-ħin taʼ l-ikel wieħed verament pjaċevoli.” L-iben qal: “Ħadt pjaċir naħdem fis-servizz taʼ l-għalqa maʼ missieri matul il-ġimgħa, meta s-soltu jkun qed jaħdem f’xogħol sekulari.” Il-missier żied: “Bħala l-kap tal-familja, ħassejt sodisfazzjon għax kont naf li konna qed naħdmu flimkien fl-iktar attività importanti taʼ żmienna.” Tistgħu bħala familja taqdu fis-servizz taʼ pijunier flimkien? Għala ma tiddiskutux bħala familja u taraw jekk huwiex possibbli li lkoll taqdu fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju f’dan l-istaġun tal-Mafkar li ġej?
9 Nistgħu Nagħmlu x-Xahar taʼ Marzu l-Aħjar Wieħed li Qatt Kellna? Kmieni fis-sena 2000, Il-Ministeru tas-Saltna għamel il-mistoqsija: “Nistgħu Nagħmlu x-Xahar t’April 2000 l-Aħjar Wieħed li Qatt Kellna?” X’kienet ir-reazzjoni? Intlaħqu ħafna qċaċet ġodda. Kien hemm l-akbar numru taʼ pijunieri awżiljarji li qatt kellna f’xahar li ammontaw għal 130. Barra minn hekk, kellna qċaċet ġodda fis-sigħat, fit-tqassim tar-rivisti, u fiż-żjajjar lura. Tiftakar l-entużjażmu li tqanqal fil-kongregazzjoni tiegħek permezz tal-mewġa t’attivitajiet spiritwali matul dak ix-xahar speċjali? Nistgħu din is-sena nilħqu jew saħansitra naqbżu dak li wettaqna qabel? Bl-isforz iebes taʼ kulħadd flimkien ix-xahar taʼ Marzu 2002 jistaʼ jsir “L-Aħjar Wieħed li Qatt Kellna.” Għala Marzu?
10 Hemm żewġ raġunijiet għala Marzu għandu jkun xahar speċjali taʼ attività. L-ewwel, għaliex il-Mafkar se jsir għall-aħħar taʼ Marzu, u b’hekk jagħtina ħafna ċans minn kmieni fix-xahar biex nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies biex jattendu. It-tieni, din is-sena Marzu fih ħames Sibtijiet u Ħdud, u għalhekk jagħmilha iktar faċli għal dawk li jaħdmu f’xogħol sekulari jew li jmorru l-iskola biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Għax ma toqgħodx bil-qiegħda issa u tagħmel skeda prattika, bl-użu tal-kalendarju li hemm provdut f’dan l-insert? Li taqdi bħala pijunier awżiljarju jistaʼ jkun iktar faċli milli taħseb. Per eżempju, billi tagħmel skeda taʼ 8 sigħat fis-servizz taʼ l-għalqa għal kull wieħed mill-ħames Sibtijiet u Ħdud, ikollok bżonn iddaħħal fl-iskeda 10 sigħat oħra biss matul il-kumplament tax-xahar sabiex tilħaq il-ħtieġa taʼ 50 siegħa.
11 X’jistgħu jagħmlu l-anzjani biex jgħinu lil kulħadd fil-kongregazzjoni ‘jxandar b’mod sħiħ il-Kelma taʼ Alla’? Jimlew il-kongregazzjoni bl-entużjażmu permezz tal-partijiet li jkollhom fil-laqgħat u fil-konversazzjonijiet persunali. L-indokraturi taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni u l-assistenti tagħhom jistgħu jieħdu l-inizjattiva biex jitkellmu maʼ kulmin hu assenjat fil-grupp tagħhom u joffru għajnuna persunali. Ftit kliem ħelu taʼ inkuraġġiment jew xi suġġerimenti prattiċi jistgħu jkunu preċiż dak li jkun hemm bżonn. (Prov. 25:11) Ħafna se jaraw li bi ftit bidliet żgħar fl-iskeda tagħhom, jistgħu jgawdu l-privileġġ taʼ li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. F’għadd taʼ kongregazzjonijiet, il-maġġuranza taʼ l-anzjani u l-qaddejja ministerjali u n-nisa tagħhom, jekk mhux kollha, jagħtu eżempju mill-aħjar billi jaqdu flimkien bħala pijunieri awżiljarji matul l-istaġun tal-Mafkar. Dan ħeġġeġ lil għadd kbir taʼ pubblikaturi biex jingħaqdu magħhom. Minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi jew ċirkustanzi oħra, forsi ma jkunx possibbli għal xi pubblikaturi li jaqdu bħala pijunieri, iżda jistgħu jiġu mħeġġin biex juru l-apprezzament tagħhom billi jagħmlu kulma jistgħu fil-ministeru flimkien mal-kumplament tal-kongregazzjoni.
12 Is-suċċess jiddependi minn ippjanar bir-reqqa min-naħa taʼ l-anzjani. Il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa għandhom ikunu organizzati f’ħinijiet konvenjenti matul il-ġimgħa. Jekk inhu possibbli, l-indokratur tas-servizz se jinkariga minn qabel lil xi aħwa kwalifikati biex imexxu l-laqgħat kollha għas-servizz. Se tkun meħtieġa preparazzjoni tajba sabiex dawn il-laqgħat ma jkunux taʼ iktar minn 10 sa 15-il minuta, illi jinkludu li jorganizzaw il-gruppi, iqassmu t-territorju, u jgħidu t-talba. (Ara l-Kaxxa għall-Mistoqsija f’Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Settembru 2001.) L-iskeda għall-attivitajiet tax-xahar għandha tkun spjegata b’mod ċar lill-kongregazzjoni u titwaħħal fuq in-notice board.
13 Għandu jkun hemm disponibbli biżżejjed territorju. L-indokratur tas-servizz għandu jiltaqaʼ mal-ħu li jieħu ħsieb it-territorju biex isiru arranġamenti ħalli jinħadmu partijiet minnu li ma jsirux taʼ spiss. Għandha ssir enfasi fuq li jerġgħu jsiru d-djar fejn ma jkun instab ħadd, tingħata xiehda fit-toroq u minn ħanut għall-ieħor, u tingħata xiehda fil-għaxija. Fejn ikun xieraq, xi pubblikaturi jistgħu jingħataw għajnuna biex jagħtu xiehda bit-telefon.
14 Għinhom Jerġgħu Jaqdu: Hemm xi wħud fit-territorju tal-kongregazzjoni tiegħek li m’għadhomx attivi fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba? Uħud bħal dawn għadhom parti mill-kongregazzjoni u għandhom bżonn l-għajnuna. (Salm 119:176) Peress li t-tmiem taʼ din id-dinja qadima jinsab tant fil-qrib u d-dinja l-ġdida tinsab eżatt quddiemna, għandna raġuni tajba għal xiex nagħmlu kull sforz biex ngħinu lil dawk li saru inattivi. (Rum. 13:11, 12) Matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena iktar minn 26,500 persuna wieġbu għall-għajnuna u reġgħu saru attivi. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil iktar uħud jerġgħu jkebbsu l-imħabba u l-fiduċja li kellhom fil-bidu?—Lhud 3:12-14.
15 Il-ġemgħa taʼ l-anzjani se jkunu jridu jiddiskutu dwar kif jistgħu jgħinu lil dawk li saru inattivi matul dawn l-aħħar snin. (Mt. 18:12-14) Is-segretarju għandu jiċċekkja l-kards tal-Congregation’s Publisher Record u jieħu nota taʼ dawk kollha li saru inattivi. Għandu jsir sforz speċjali permezz taʼ l-arranġament taż-żjajjar pastorali biex tingħata għajnuna. Anzjan għandu mnejn ikun irid iżur xi pubblikatur partikulari minħabba li kien jafu qabel u kien jissieħeb miegħu, jew tistaʼ tintalab l-għajnuna taʼ xi pubblikaturi oħra. Forsi dawn kienu studjaw maʼ dak li issa jinsab inattiv u jilqgħu l-opportunità biex jagħtu għajnuna speċjali f’dan iż-żmien taʼ bżonn. Nittamaw li ħafna minn dawk li saru inattivi jitqanqlu biex jerġgħu jibdew jippridkaw il-kelma t’Alla. Jekk jikkwalifikaw, m’hemmx żmien aħjar mill-istaġun tal-Mafkar biex jibdew!—Għal iktar dettalji ara l-Kaxxa għall-Mistoqsija f’Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Diċembru 2000.
16 Hemm Oħrajn li Jikkwalifikaw biex Jippridkaw? Jehovah ikompli jbierek lill-poplu tiegħu billi jġib “il-ġid kollu tal-popli.” (Ħag. 2:7) Kull sena eluf jikkwalifikaw bħala pubblikaturi mhux mgħammdin. Min huma? It-tfal tax-Xhieda taʼ Jehovah kif ukoll xi studenti tal-Bibbja progressivi. Kif inkunu nafu jekk jikkwalifikawx bħala pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba?
17 Tfal tax-Xhieda taʼ Jehovah: Ħafna mit-tfal ilhom snin sħaħ jissieħbu mal-ġenituri tagħhom minn dar għal dar, għalkemm għadhom m’humiex qed jaqdu bħala pubblikaturi mhux mgħammdin. Marzu jistaʼ jkun żmien ideali biex tgħinhom jibdew. Kif tkun taf jekk it-tfal tiegħek jikkwalifikawx? F’paġna 100, il-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry jgħid li dan jiġri “meta t-tifel ikun eżemplari fil-kondotta tiegħu u jkun kapaċi jesprimi personalment il-fidi tiegħu billi jitkellem m’oħrajn dwar l-aħbar tajba, u jagħmel dan għax iħossu mqanqal mill-qalb.” Jekk taħseb li wliedek jikkwalifikaw, tkellem maʼ wieħed mill-anzjani li jagħmel parti mill-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni.
18 Studenti tal-Bibbja li Jikkwalifikaw: Wara li student tal-Bibbja jkun ilu għal xi żmien jieħu l-għarfien u jattendi l-laqgħat, jistaʼ jkun irid isir pubblikatur tas-Saltna. Jekk qed tikkonduċi studju maʼ student bħal dan, aħseb dwar dawn il-mistoqsijiet: Qed jagħmel progress, skond l-età u l-abbiltà tiegħu? Beda jaqsam il-fidi tiegħu m’oħrajn b’mod informali? Qed jilbes “il-bniedem il-ġdid”? (Kol. 3:10) Jilħaqhom il-kwalifiki meħtieġa għall-pubblikaturi mhux mgħammdin, imsemmijin f’paġni 97-9 fil-ktieb Our Ministry? Jekk inhu hekk, għandek tikkuntattja lill-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni ħalli jsiru arranġamenti biex żewġ anzjani jiltaqgħu miegħek u maʼ l-istudent. Jekk jikkwalifika, iż-żewġ anzjani se jinformawh li jistaʼ jibda jieħu sehem fil-ministeru pubbliku.
19 Xi Ngħidu għal April u Mejju? Dawn ukoll se jkunu xhur speċjali t’attività miżjuda fil-ministeru taʼ l-għalqa. Ħafna minn dawk li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji f’Marzu għandhom mnejn ikunu jistgħu jerġgħu jagħmluh f’April u/jew f’Mejju. Matul April u Mejju, se nagħmluha l-prijorità li noffru r-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! fil-ministeru. Kemm kienu taʼ benefiċċju fil-ħajja taʼ dawk li qrawhom! Dawn ir-rivisti kellhom sehem kbir biex tinkiseb iż-żjieda meraviljuża li ilha sseħħ madwar id-dinja. Se jsir sforz speċjali matul April u Mejju biex noffru r-rivisti lil kemm jistaʼ jkun nies. Ippjana minn issa biex tieħu sehem bis-sħiħ.
20 Issa li ppjanajt li żżid l-attività tiegħek taʼ l-ippridkar, għandek bżonn iżżid l-ammont taʼ rivisti li tikseb permezz tal-kongregazzjoni? Matul is-sena taʼ servizz, aħna noffru r-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! kull nhar taʼ Sibt, li hu mwarrab apposta bħala l-Ġurnata tar-Rivisti. Madankollu, peress li ħafna se jieħdu sehem fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju u lkoll kemm aħna se nkunu qed noffru r-rivisti għal xahrejn sħaħ, jistaʼ jkun hemm il-bżonn li żżid l-ordni tar-rivisti li għandek mal-kongregazzjoni. Jekk inhu hekk, jekk jogħġbok informa lill-ħu li jieħu ħsieb ir-rivisti fil-kongregazzjoni tiegħek mill-ewwel. Sadanittant, il-ħu li jieħu ħsieb il-letteratura għandu jkun ċert li ammont biżżejjed tal-fuljett Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja? jkun disponibbli biex jintuża minn kulħadd.
21 Ħafna esprimew l-apprezzament għall-parti f’Il-Ministeru tas-Saltna li jisimha “X’Nistgħu Ngħidu dwar ir-Rivisti.” Ħadt vantaġġ minn dan il-provvediment billi titgħallem l-eżempji taʼ preżentazzjonijiet bir-rivisti? Għala ma tużawx parti mill-istudju tagħkom tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa bħala familja biex tipprattikaw dawn il-preżentazzjonijiet?
22 Ħu Vantaġġ Sħiħ minn Dan l-Istaġun tal-Mafkar: Bħall-appostlu Pawlu, ejja nuru lil Jehovah kemm napprezzaw “id-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem” bis-sehem sħiħ tagħna fl-attivitajiet spiritwali pjanati għal dan l-istaġun tal-Mafkar. Dawn jinkludu (1) li nattendu għall-iktar okkażjoni importanti tas-sena, l-osservanza taʼ l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej nhar il-Ħamis, 28 taʼ Marzu, 2002; (2) li ngħinu lil dawk li saru inattivi biex jerġgħu jkebbsu ‘dik l-imħabba li kienu wrew fil-bidu’ (Apk. 2:4; Rum. 12:11); (3) li ngħinu lil uliedna u lil kull student tal-Bibbja li jikkwalifikaw biex isiru pubblikaturi mhux mgħammdin; u (4) li ninvolvu ruħna fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar bl-iktar mod sħiħ possibbli, anki billi naqdu bħala pijunieri awżiljarji f’Marzu u wara.—2 Tim. 4:5.
23 Aħna nitolbu bil-ħerqa li lkoll nieħdu sehem sħiħ fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna f’dan l-istaġun tal-Mafkar; b’hekk nuru kemm hu profond l-apprezzament tagħna lejn dak kollu li Jehovah għamel magħna.
[Kaxxa f’paġna 6]
Skeda Persunali għas-Servizz taʼ l-Għalqa għal Marzu 2002
Il-Ħadd It-Tnejn It-Tlieta L-Erbgħa Il-Ħamis Il-Ġimgħa Is-Sibt
1 2
Ġurnata tar-Rivisti
3 4 5 6 7 8 9
Ġurnata tar-Rivisti
10 11 12 13 14 15 16
Ġurnata tar-Rivisti
17 18 19 20 21 22 23
Ġurnata tar-Rivisti
24 25 26 27 28 29 30
IL-MAFKAR Ġurnata tar-Rivisti
WARA NŻUL
31 IX-XEMX
Tistaʼ tagħmel skeda b’total taʼ 50 siegħa sabiex taqdi bħala pijunier awżiljarju f’Marzu?