LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 11/1 pp. 4-6
  • Meta Jibda t-Tielet Millennju?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta Jibda t-Tielet Millennju?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Twieled Ġesù?
  • Se Jispiċċaw fix-​Xejn it-​Tamiet li Għandhom għall-​Millennju?
  • 2000—Sena Distinta?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Millennju Grandjuż Riesaq
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • It-Tielet Millennju—Se Jwettaq it-Tamiet Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?
    Il-Millennju l-Ġdid—X’Qed Joffrilek il-Futur?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 11/1 pp. 4-6

Meta Jibda t-​Tielet Millennju?

SMAJTHA l-​istqarrija li t-​tielet millennju m’huwiex se jibda fis-​sena 2000 imma fl-​2001? Din l-​istqarrija hija korretta​—sa ċertu punt. Jekk nassumu li Ġesù Kristu twieled fis-​sena li issa nsibuha bħala l-​1 sena Q.E.K., kif xi darba kienu jaħsbu xi wħud, allura l-​31 taʼ Diċembru, 2000 (mhux 1999), se jimmarka tabilħaqq it-​tmiem tat-​tieni millennju, u t-​tielet wieħed se jibda fl-​1 taʼ Jannar, 2001.a Madankollu, illum kważi l-​istudjużi kollha jaqblu li Ġesù Kristu ma twilidx fl-​1 sena Q.E.K. Allura, meta twieled?

Meta Twieled Ġesù?

Il-​Bibbja ma tirrivelax id-​data eżatta tat-​twelid taʼ Ġesù. Madankollu, dak li tgħid huwa li twieled “fi żmien is-​sultan Erodi.” (Mattew 2:1) Ħafna studjużi tal-​Bibbja jemmnu li Erodi miet fir-​4 sena Q.E.K. u li Ġesù twieled qabel din id-​data​—forsi lura sal-​5 jew is-​6 sena Q.E.K. Huma jibbażaw il-​konklużjonijiet tagħhom dwar il-​mewt t’Erodi fuq stqarrijiet li għamel Ġużeppi Flavju, l-​istorjografu Lhudi taʼ l-​ewwel seklu.b

Skond Ġużeppi, ftit qabel ma miet is-​Sultan Erodi, kien hemm eklissi tal-​qamar. L-​istudjużi tal-​Bibbja jippontaw lejn eklissi parzjali tal-​qamar li deher fil-​11 taʼ Marzu tar-​rabaʼ sena Q.E.K., bħala prova illi Erodi bilfors li kien miet f’dik is-​sena. Madankollu, fl-​1 sena Q.E.K., kien hemm eklissi totali tal-​qamar fit-​8 taʼ Jannar u eklissi parzjali fis-​27 taʼ Diċembru. Ħadd ma jistaʼ jgħid jekk Ġużeppi kienx qed jirreferi għal wieħed mill-​eklissijiet taʼ l-​1 sena Q.E.K., jew għal dak tar-​4 sena Q.E.K. B’riżultat taʼ dan, ma nistgħux nużaw dak li qal Ġużeppi biex nidentifikaw is-​sena preċiża tal-​mewt t’Erodi. Anki li kieku stajna, mingħajr iktar tagħrif xorta ma konniex inkunu nistgħu niddeterminaw meta twieled Ġesù.

L-iktar evidenza qawwija li għandna dwar id-​data tat-​twelid taʼ Ġesù ġejja mill-​Bibbja. Ir-​rakkont imnebbaħ jgħid li l-​kuġin taʼ Ġesù, Ġwanni l-​Għammied, beda l-​karriera tiegħu bħala profeta fil-​15-il sena taʼ l-​Imperatur Ruman Tiberju Ċesari. (Luqa 3:1, 2) L-​istorja sekulari tikkonferma li Tiberju nħatar bħala imperatur fil-​15 taʼ Settembru tas-​sena 14 E.K., u għalhekk il-​15-il sena tiegħu kienet tkopri l-​aħħar parti tas-​sena 28 E.K. sa l-​aħħar parti tas-​sena 29 E.K. Ġwanni beda l-​ministeru tiegħu matul dak iż-​żmien, u evidentement Ġesù beda l-​ministeru tiegħu sitt xhur wara. (Luqa 1:24-31) Dan kollu, flimkien maʼ iktar evidenza, jipponta lejn il-​ħarifa tas-​sena 29 E.K. bħala l-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġesù.c Il-​Bibbja tgħid li Ġesù kellu “madwar it-​tletin sena” meta beda l-​ministeru tiegħu. (Luqa 3:23) Jekk fil-​ħarifa tas-​sena 29 E.K. kellu 30 sena, bilfors li kien twieled fil-​ħarifa tat-​tieni sena Q.E.K. Issa, jekk ngħoddu elfejn sena ’l quddiem mill-​ħarifa tat-​2 sena Q.E.K. (filwaqt li nżommu f’moħħna li ma kienx hemm is-​sena żero; għaldaqstant, mit-​2 sena Q.E.K. sa l-​1 sena E.K. hemm sentejn), nirrealizzaw li t-​tieni millennju spiċċa u li t-​tielet millennju beda fil-​ħarifa taʼ l-​1999!

Jagħmel xi differenza dan kollu? Per eżempju, kien il-​bidu tat-​tielet millennju se jimmarka l-​bidu tar-​Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu, imsemmi fil-​ktieb t’Apokalissi? Le. Il-​Bibbja mkien ma tindika li hemm xi konnessjoni bejn it-​tielet millennju u r-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu.

Ġesù wissa lis-​segwaċi tiegħu biex ma jispekulawx fuq id-​dati. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “M’hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-​waqt u ż-​żmien li l-​Missier għażel bis-​setgħa tiegħu.” (Atti 1:7) Iktar kmieni, Ġesù rrivela li dakinhar lanqas hu ma kien jaf meta Alla kellu jesegwixxi ġudizzju fuq din is-​sistema mill-​agħar, u b’hekk ilesti t-​triq għall-​Ħakma Millennjali taʼ Kristu. Hu qal: “Dwar dak il-​jum u s-​siegħa ħadd ma jaf xejn la meta se jaslu, la l-​anġli tas-​sema u lanqas l-​Iben; ħadd ħlief il-​Missier waħdu.”—Mattew 24:36.

Huwa raġunevoli li nistennew li Kristu se jirritorna eżatt meta jgħaddu 2,000 sena mid-​data tat-​twelid tiegħu bħala uman? Le, m’huwiex. Ġesù żgur li kien jafha d-​data tat-​twelid tiegħu stess. U żgur li kien jaf jgħodd 2,000 sena minn dik id-​data. Madankollu, ma kienx jaf il-​jum u s-​siegħa tal-​miġja tiegħu. Ovvjament, ma kellux ikun daqshekk faċli biex tiġi identifikata d-​data tar-​ritorn tiegħu! ‘Il-​waqt u ż-​żmien’ kienu fil-​ġurisdizzjoni tal-​Missier​—l-​iskeda hu biss jafha.

Barra minn hekk, Ġesù ma kkmandax lis-​segwaċi tiegħu biex jistennewh f’xi post ġeografiku speċifiku. Hu ma qalilhomx biex jinġabru flimkien u jistennew, imma biex jixterdu “sa truf l-​art” u jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha. Hu qatt ma rtira dak il-​kmand.—Atti 1:8; Mattew 28:19, 20.

Se Jispiċċaw fix-​Xejn it-​Tamiet li Għandhom għall-​Millennju?

Minkejja dan, ċerti fundamentalisti reliġjużi qed jantiċipaw affarijiet kbar għas-​sena 2000. Huma jemmnu li matul il-​ftit xhur li ġejjin, porzjonijiet mill-​ktieb t’Apokalissi se jkollhom twettiq letterali. Tabilħaqq, dawn isostnu li se jkollhom sehem persunali f’dan it-​twettiq. Per eżempju, huma jippontaw lejn il-​profezija dokumentata f’Apokalissi 11:3, 7, 8, li titkellem dwar żewġ xhieda li jipprofetizzaw f’‘belt kbira, li jsejħulha b’tixbiha Sodoma u Eġittu, hemm fejn ukoll il-​Mulej tagħhom kien imsallab.’ Meta jispiċċaw jagħtu x-​xiehda tagħhom, iż-​żewġ xhieda jinqatlu minn bhima salvaġġa u feroċi li toħroġ minn ġo abbiss.

Skond rapport f’The New York Times Magazine tas-​27 taʼ Diċembru, 1998, wieħed mexxej taʼ grupp reliġjuż “qal lis-​segwaċi li hu wieħed miż-​żewġ xhieda li nħatru biex iħabbru l-​qerda taʼ l-​art u l-​miġja tal-​Mulej​—u li mbagħad se jinqatlu minn Satana fit-​toroq taʼ Ġerusalemm.” Mhux taʼ b’xejn li l-​awtoritajiet Iżraeljani jinsabu inkwetati. Huma jibżgħu li xi estremisti se jipprovaw “iwettqu” l-​profezija waħedhom​—anki jekk dan ikun ifisser li se jipprovoka konflitt bl-​armi! Madankollu, Alla m’għandux bżonn l-​“għajnuna” tal-​bnedmin biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Il-​profeziji kollha tal-​Bibbja se jitwettqu fiż-​żmien li jrid Alla u bil-​mod li jrid Alla.

Il-ktieb t’Apokalissi nkiteb “b’sinjali.” Skond Apokalissi 1:1 (NW), Ġesù ried jirrivela lill-​“ilsiera tiegħu” (mhux lid-​dinja in ġenerali) x’kellu jiġri dalwaqt. Biex jifhmu l-​ktieb t’Apokalissi, l-​ilsiera, jew is-​segwaċi taʼ Kristu, kienu se jeħtieġu l-​ispirtu qaddis t’Alla, li Jehovah jagħti lil dawk li jogħġbuh. Li kieku l-​ktieb t’Apokalissi kellu jinftiehem letteralment, anki n-​nies taʼ bla fidi setgħu jaqrawh u jifhmuh. Allura mbagħad il-​Kristjani ma kienx ikollhom għalfejn jitolbu għall-​ispirtu qaddis sabiex jifhmuh.—Mattew 13:10-15.

Aħna rajna li skond l-​evidenza Biblika, it-​tielet millennju mit-​twelid taʼ Ġesù jibda fil-​ħarifa taʼ l-​1999 u li la din id-​data u lanqas l-​1 taʼ Jannar, 2000, jew l-​1 taʼ Jannar, 2001, m’għandhom xi sinjifikat speċjali. Xorta waħda, jeżisti millennju li jinteressa ħafna lill-​Kristjani. Jekk dan m’huwiex it-​tielet millennju, mela liema wieħed hu? L-​aħħar artiklu f’din is-​serje se jwieġeb din il-​mistoqsija.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​kaxxa intitolata “Is-​Sena 2000 jew 2001?” f’paġna 5.

b Skond il-​kronoloġija taʼ dawn l-​istudjużi, it-​tielet millennju kellu jibda fl-​1995 jew l-​1996.

c Għal iktar dettalji, jekk jogħġbok ara Insight on the Scriptures, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., l-​Ewwel Volum, paġni 1094-5.

[Kaxxa f’paġna 5]

Is-​Sena 2000 jew 2001?

Biex nifhmu għala xi wħud isostnu li t-​tielet millennju mit-​twelid taʼ Ġesù se jibda fl-​1 taʼ Jannar, 2001, ikkunsidra din it-​tixbieha. Ejja ngħidu li qed taqra ktieb li fih 200 paġna. Meta tasal fil-​bidu taʼ paġna 200, int tkun għadek kemm qrajt 199 paġna, u jkun fadallek paġna oħra x’taqra. Il-​ktieb ma tkunx qrajtu kollu qabel ma tasal fit-​tmiem taʼ paġna 200. Bl-​istess mod, fil-​31 taʼ Diċembru, 1999, ikunu għaddew 999 sena mill-​millennju preżenti, kif isibuh il-​biċċa l-​kbira, u jkun fadal sena waħda biex jispiċċa l-​millennju. B’dawn il-​kalkulazzjonijiet, it-​tielet millennju jibda fl-​1 taʼ Jannar, 2001. Madankollu, dan ma jfissirx li f’dik id-​data jkunu għaddew 2,000 sena eżatt mid-​data tat-​twelid taʼ Ġesù, bħalma qed juri dan l-​artiklu.

[Kaxxa f’paġna 6]

Kif Żviluppat is-​Sistema taʼ Ffissar taʼ Dati Q.K.-A.D.

Kmieni fis-​sitt seklu E.K., il-​Papa Ġwanni I ħatar patri jismu Dijonisju ż-​Żgħir biex jiżviluppa sistema taʼ komputazzjoni li tippermetti lill-​knejjes biex jiffissaw data uffiċjali għall-​Għid.

Dijonisju beda fuq xogħlu. Hu kkalkula lura fiż-​żmien, u qabeż id-​data tal-​mewt taʼ Ġesù, sakemm wasal sad-​data li skond hu kienet it-​twelid taʼ Ġesù; u mbagħad ta numru lil kull sena minn dak il-​punt ’il quddiem. Dijonisju indika l-​perijodu mit-​twelid taʼ Ġesù bħala “A.D.” (għal Anno Domini​—“fis-​sena tal-​Mulej tagħna.”) Filwaqt li l-​iskop tiegħu kien biss li jivvinta mod taʼ min joqgħod fuqu kif jiġi kalkulat l-​Għid kull sena, mingħajr ma ried Dijonisju introduċa l-​konċett taʼ li jiġu nnumerati s-​snin mit-​twelid taʼ Ġesù ’l quddiem.

Għalkemm il-​maġġuranza taʼ l-​istudjużi jaqblu li Ġesù ma twilidx fis-​sena li Dijonisju uża bħala l-​bażi tal-​kalkulazzjonijiet tiegħu, is-​sistema taʼ kronoloġija li uża tippermettilna nidentifikaw ġrajjiet li seħħew matul il-​medda taż-​żmien u naraw x’relazzjoni hemm bejniethom.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja