2000—Sena Distinta?
GĦANDHA xi ħaġa speċjali s-sena 2000? In-nies li jgħixu f’pajjiżi tal-Punent ġeneralment iqisuha bħala l-ewwel sena tat-tielet millennju. Għaddejjin tħejjijiet elaborati sabiex tiġi ċelebrata. Arloġġi elettroniċi enormi qed jitwaħħlu biex jgħoddu s-sekondi sakemm jisbaħ il-millennju l-ġdid. Qed jiġu organizzati ballijiet gala għal lejlet l-ewwel tas-sena. Kemm fil-ħwienet tar-raħal kif ukoll fiċ-ċentri kummerċjali fl-ibliet il-kbar, qed jinbiegħu flokkijiet bi kliem stampat fuqhom konness mat-tmiem tal-millennju.
Il-knejjes, kemm kbar u kemm żgħar, se jingħaqdu fl-attivitajiet festivi taʼ matul is-sena. Fil-bidu tas-sena d-dieħla, il-Papa Ġwanni Pawlu II hu mistenni li jivvjaġġa lejn l-Iżrael biex imexxi lill-Kattoliċi Rumani f’dik li ġiet imsejħa “ċ-ċelebrazzjoni ġubilari tal-millennju tal-Knisja Kattolika Rumana.” Huwa stmat li bejn żewġ miljuni u nofs u sitt miljun turist, mid-devoti sal-kurjużi, qed jippjanaw li jżuru l-Iżrael is-sena d-dieħla.
Għala daqstant nies qed jippjanaw li jżuru l-Iżrael? Hu u jitkellem għall-Papa, Roger Cardinal Etchegaray, uffiċjal tal-Vatikan, qal: “Is-sena 2000 hija ċelebrazzjoni taʼ Kristu u taʼ ħajtu f’dan il-pajjiż. Għaldaqstant huwa ovvju li l-Papa jiġi hawn.” Is-sena 2000 kif inhi konnessa maʼ Kristu? Ħafna jirraġunaw li s-sena 2000 timmarka eżattament 2000 sena mit-twelid taʼ Kristu. Imma huwa hekk? Se naraw.
Għal membri taʼ ċerti gruppi reliġjużi, is-sena 2000 hija saħansitra iktar sinjifikanti. Dawn jinsabu konvinti li sas-sena d-dieħla jew ftit wara, Ġesù se jirritorna fuq l-Għolja taż-Żebbuġ u l-gwerra taʼ Armageddon, imsemmija fil-ktieb t’Apokalissi, se tiġi miġġielda fil-wied taʼ Megiddo. (Apokalissi 16:14-16) Bi stennija għal dawn il-ġrajjiet, mijiet taʼ residenti Amerikani qed ibigħu d-djar tagħhom u kważi kull ma għandhom u qed imorru joqogħdu fl-Iżrael. Għall-benefiċċju taʼ dawk li ma jistgħux iħallu djarhom, evanġelista Amerikan prominenti jintqal li wiegħed li se jxandar ir-ritorn taʼ Ġesù fuq it-televiżjoni—bil-kulur!
Fil-pajjiżi tal-Punent, il-pjanijiet biex jinawguraw it-tielet millennju qed jintensifikaw. Madankollu, nies f’pajjiżi oħra għadhom għaddejjin fuq xogħolhom. Dawn in-nies—il-maġġuranza tal-popolazzjoni tad-dinja—ma jemmnux li Ġesù taʼ Nazaret kien il-Messija. U dawn mhux bilfors jaċċettaw l-istil taʼ l-iffissar taʼ dati Q.K.-A.D.a Per eżempju, ħafna Musulmani jużaw il-kalendarju tagħhom stess, u skond dan, is-sena d-dieħla se tkun l-1420—mhux l-2000. Il-Musulmani jgħoddu s-snin mid-data li fiha l-profeta Muħammad ħarab minn Mekka u mar Medina. B’kollox, in-nies jużaw xi 40 kalendarju differenti mad-dinja kollha.
Għandha s-sena 2000 ikollha xi sinjifikat għall-Kristjani? Huwa l-1 taʼ Jannar, 2000 tassew jum taʼ sinjifikat speċjali? Dawn il-mistoqsijiet se jitwieġbu fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Fis-sistema taʼ l-iffissar taʼ dati Q.K.-A.D., il-ġrajjiet li seħħew qabel iż-żmien tradizzjonali tat-twelid taʼ Ġesù huma indikati bħala s-snin “Q.K.” (qabel Kristu); dawk li seħħew wara huma mmarkati bħala s-snin “A.D.” (Anno Domini—“fis-sena tal-Mulej tagħna.”) Madankollu, xi studjużi taʼ skola jippreferu jużaw l-abbrevjazzjoni sekulari “Q.E.K.” (qabel l-Era Komuni tagħna) u “E.K.” (taʼ l-Era Komuni tagħna.)