“Oqogħdu Attenti Kif Tisimgħu”
IS-SMIGĦ hu fattur importanti fit-tagħlim. Ukoll, jistaʼ jinfluwenza l-prospetti taʼ salvazzjoni taʼ individwu. Meta Ġeħova kien qed iħejji biex jeħles lill-poplu tiegħu mill-jasar fl-Eġittu, hu ta istruzzjonijiet lil Mosè li qal lix-xjuħ taʼ Israel x’għandhom jagħmlu biex jeħilsu lill-ewwel imwieled tagħhom mill-anġlu tal-mewt. (Eżo. 12:21-23) Ix-xjuħ għaddew din l-informazzjoni lil kull familja. Dan sar bil-kliem. In-nies kellhom jisimgħu b’attenzjoni. Kif wieġbu? Il-Bibbja tgħid: “L-ulied kollha taʼ Israel għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè u Aron. Għamlu preċiż hekk.” (Eżo. 12:28, 50, 51) Minħabba f’hekk, Israel esperjenza ħelsien tal-għaġeb.
Illum, Ġeħova qed iħejjina għal ħelsien saħansitra akbar. Żgur li l-istruzzjoni li jipprovdi jistħoqqilha l-attenzjoni sħiħa tagħna. Din l-istruzzjoni tingħata fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Qiegħed int tibbenefika bis-sħiħ minn dawn il-laqgħat? Dan jiddependi ħafna minn kif tismaʼ.
Iżżomm f’moħħok il-punti prinċipali tal-istruzzjoni li tingħata fil-laqgħat? Hija d-drawwa tiegħek li, ġimgħa wara ġimgħa, tfittex modi kif tapplika f’ħajtek stess l-istruzzjoni li tingħata jew kif taqsamha maʼ oħrajn?
Ħejji Qalbek
Jekk irridu nibbenefikaw bis-sħiħ mill-istruzzjoni provduta fil-laqgħat Kristjani, irridu nħejju qalbna. L-importanza taʼ dan tiġi enfasizzata minn dak li seħħ matul il-ħakma tas-Sultan Ġeħosafat taʼ Ġuda. Ġeħosafat ħa waqfa qalbiena għall-qima vera. Hu “neħħa l-postijiet għall-qima u l-arbli sagri minn Ġuda” u inkariga prinċpijiet, Leviti, u qassisin biex jgħallmu l-Liġi taʼ Ġeħova lin-nies fil-bliet kollha taʼ Ġuda. Xorta waħda, “il-postijiet għall-qima ma tneħħewx.” (2 Kron. 17:6-9; 20:33) Il-qima tal-allat foloz u l-qima taʼ Ġeħova mhix awtorizzata li kienu prattikati fil-postijiet għall-qima pagana tant kienu stabbiliti fis-sod li ma nqerdux għalkollox.
L-istruzzjoni maħruġa minn Ġeħosafat għala ma kellhiex influwenza dejjiema? Ir-rakkont ikompli: “In-nies kienu għadhom ma ħejjewx qalbhom għall-Alla taʼ missirijiethom.” Huma semgħu imma m’aġixxewx fuq dak li ntqalilhom. Forsi ħassew li ma kienx konvenjenti għalihom li jivvjaġġaw lejn it-tempju f’Ġerusalemm ħalli joffru s-sagrifiċċji. Kien x’kien il-każ, qalbhom ma kinitx imqanqla mill-fidi.
Biex nevitaw li ninġarru mill-mogħdijiet tad-dinja taʼ Satana, irridu nippreparaw qlubna ħalli nirċievu l-istruzzjoni li jipprovdi Ġeħova llum. Kif? Mod importanti hu permezz tat-talb. Għandna nitolbu li nirċievu l-istruzzjoni divina bi spirtu taʼ gratitudni. (Salm 27:4; 95:2) Dan se jgħinna napprezzaw l-isforzi taʼ ħutna li, għalkemm huma imperfetti, jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex Ġeħova jużahom ħalli jgħallem lill-poplu tiegħu. Dan se jqanqalna biex nirringrazzjaw lil Ġeħova mhux biss għall-affarijiet ġodda li qed nitgħallmu imma wkoll għall-opportunità biex inkabbru l-apprezzament tagħna għall-affarijiet li tgħallimna qabel. Minħabba li nixtiequ nagħmlu r-rieda taʼ Alla iktar bis-sħiħ, aħna nitolbu: “Istruwini, O Ġeħova, dwar triqtek. . . . Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek.”—Salm 86:11.
Iffoka l-Attenzjoni Tiegħek
Hemm ħafna x’jistaʼ jfixkilna milli nisimgħu b’attenzjoni. Moħħna jistaʼ jkun imtaqqal bl-ansjetajiet. Ħsejjes u ċaqliq fl-udjenza jew barra l-post tal-laqgħa jistgħu jtellfuna. Xi skumdità fiżika tistaʼ tagħmilhielna diffiċli biex nikkonċentraw. Dawk li għandhom it-tfal żgħar spiss iħossu li l-attenzjoni tagħhom tkun maqsuma. X’jistaʼ jgħinna nżommu l-attenzjoni tagħna ffokata fuq il-programm?
L-għajnejn jinfluwenzaw ħafna fejn niffokaw l-attenzjoni tagħna. Uża għajnejk biex jgħinuk tikkonċentra billi żżommhom fuq il-kelliemi. Meta jsemmi vers Bibliku—anki wieħed familjari—fittxu, u segwi miegħu hu u jaqrah. Irreżisti t-tentazzjoni li ddawwar rasek fid-direzzjoni taʼ kull ħoss jew ċaqliqa. Jekk għajnejk jimlewlek moħħok b’informazzjoni li ttellfek, se titlef ħafna minn dak li jiġi preżentat minn fuq il-platform.
Jekk xi ‘ħsibijiet li jinkwetawk’ jagħmluhielek diffiċli biex tiffoka fuq il-programm, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tkun kalm biżżejjed f’moħħok u f’qalbek biex tikkonċentra. (Salm 94:19; Flp. 4:6, 7) Agħmel dan ripetutament jekk inhu meħtieġ. (Mt. 7:7, 8) Il-laqgħat tal-kongregazzjoni huma provvediment mingħand Ġeħova. Tistaʼ tkun ċert li hu jridek tibbenefika minnhom.—1 Ġw. 5:14, 15.
Agħti Widen għat-Taħditiet
X’aktarx li tistaʼ tiftakar punti li għoġbuk ħafna f’xi taħditiet li smajt. Madankollu, biex tagħti widen għal taħdita trid tagħmel iktar milli sempliċement tiġbor punti li jispikkaw. Taħdita hi bħal vjaġġ. Għalkemm jistaʼ jkun hemm affarijiet interessanti x’tara mat-triq, l-iktar ħaġa importanti hi d-destinazzjoni, il-mira. Il-kelliemi għandu mnejn ikun qed jipprova jwassal lill-udjenza lejn ċerta konklużjoni jew iqanqalha tieħu xi tip taʼ azzjoni.
Ikkunsidra t-taħdita li Ġożwè ta lill-ġens taʼ Israel, kif inhi mniżżla f’Ġożwè 24:1-15. Il-mira tiegħu kienet li jqanqal lin-nies jieħdu waqfa soda għall-qima vera billi jisseparaw ruħhom kompletament mill-idolatrija tal-ġnus taʼ madwarhom. Dan għala kien daqshekk importanti? Il-qima falza tant kienet komuni madwarhom li kienet thedded serjament ir-reputazzjoni tajba li l-ġens kellu maʼ Ġeħova. In-nies wieġbu għat-talba taʼ Ġożwè billi qalu: “Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna, min-naħa tagħna, li nitilqu lil Ġeħova sabiex naqdu allat oħrajn. . . . Aħna . . . se naqdu lil Ġeħova.” U hekk għamlu!—Ġoż. 24:16, 18, 31.
Int u tismaʼ taħdita, ipprova agħraf x’inhi l-mira tagħha. Ikkunsidra kif il-punti li joħroġ il-kelliemi jgħinu biex tintlaħaq dik il-mira. Staqsi lilek innifsek x’azzjoni teħtieġ minnek din l-informazzjoni.
Agħti Widen Matul id-Diskussjonijiet
L-Istudju tat-Torri tal-Għassa, l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, u partijiet mil-Laqgħa tas-Servizz isiru bħala diskussjonijiet f’għamla taʼ mistoqsija u tweġiba dwar il-materjal stampat ibbażat fuq il-Bibbja.
Meta tismaʼ waqt diskussjoni, f’ċerti aspetti jkun bħal li tieħu sehem f’konversazzjoni. Biex tibbenefika bis-sħiħ, ismaʼ b’attenzjoni. Osserva liema direzzjoni tkun qed tieħu d-diskussjoni. Innota kif il-wieħed li jmexxiha jenfasizza t-tema u l-punti prinċipali. Wieġeb f’qalbek il-mistoqsijiet tiegħu. Agħti widen hekk kif oħrajn jispjegaw u juru kif japplika l-materjal. Meta tħares lejn l-informazzjoni skont l-opinjoni taʼ oħrajn tistaʼ tikseb fehma ġdida dwar suġġett familjari. Agħti sehmek fid-diskussjoni billi tesprimi l-fidi tiegħek.—Rum. 1:12.
Jekk tistudja l-materjal assenjat minn qabel se tiġi megħjun tidħol sew fid-diskussjoni u ssegwi l-kummenti li jagħmlu l-oħrajn. Jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek jagħmluhielek diffiċli biex tistudja l-materjal bir-reqqa, għallinqas ħu ftit minuti biex tieħu idea ġenerali tal-informazzjoni qabel il-laqgħa. Jekk tagħmel dan se tkun tistaʼ tibbenefika iktar mid-diskussjoni.
Agħti Widen fl-Assembleat u l-Konvenzjonijiet
Fl-assembleat u l-konvenzjonijiet, x’aktarx li jkun hemm iktar tfixkil milli fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Dan jistaʼ jagħmilha iktar taʼ sfida biex wieħed jagħti widen. X’jistaʼ jgħinna?
Fattur importanti hu li torqod biżżejjed billejl. Kuljum, qabel jibda l-programm, daħħal it-tema sew f’moħħok. Ħares lejn it-titlu taʼ kull taħdita u pprova antiċipa dak li se jiġi preżentat. Uża l-Bibbja tiegħek sew. Ħafna nies isibu li jekk jieħdu noti qosra tal-punti prinċipali jiġu megħjunin iżommu moħħhom iffokat fuq il-programm. Ħu nota tal-istruzzjoni li qed tippjana li tapplika fil-ħajja jew fil-ministeru tiegħek. Iddiskuti ftit punti int u tivvjaġġa lejn l-assemblea u lura kuljum. Dan se jgħinek tibqaʼ tiftakar l-informazzjoni.
Ħarreġ lil Uliedek Biex Jagħtu Widen
Il-ġenituri Kristjani jistgħu jgħinu lil uliedhom—anki miċ-ċokon—biex isiru ‘għorrief għas-salvazzjoni’ billi jiħduhom il-laqgħat tal-kongregazzjoni, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet. (2 Tim. 3:15) Ladarba t-tfal huma differenti fl-attitudni u l-konċentrazzjoni tagħhom, trid tuża d-dehen biex tgħinhom jisimgħu b’attenzjoni. Is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jkunu taʼ għajnuna għalik.
Id-dar, agħmel ħin biex it-tfal żgħar tiegħek joqogħdu bilqiegħda għall-kwiet jaqraw jew iħarsu lejn l-istampi fil-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna. Fil-laqgħat tużax ġugarelli biex iżżomm liċ-ċkejknin okkupati. Bħalma kien minnu f’Israel tal-qedem, hekk ukoll illum it-tfal ikunu preżenti “sabiex jisimgħu u sabiex jitgħallmu.” (Dt. 31:12) Kull meta jkun prattiku, xi ġenituri jipprovdu saħansitra lit-tfal żgħar ħafna kopji persunali tal-pubblikazzjonijiet li jkunu qed jiġu kunsidrati. Hekk kif it-tfal jikbru ftit, għinhom jippreparaw ħalli jieħdu sehem fil-programmi li jitolbu l-parteċipazzjoni tal-udjenza.
L-Iskrittura turi li hemm rabta mill-qrib bejn li nisimgħu dak li jgħid Ġeħova u li nobduh. Dan nistgħu narawh minn kliem Mosè lill-ġens taʼ Israel: “Qegħedt il-ħajja u l-mewt quddiemek, il-barka u s-saħta; u trid tagħżel il-ħajja . . . billi tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu, u billi tintrabat miegħu.” (Dt. 30:19, 20) Illum, huwa essenzjali li nagħtu widen għall-istruzzjoni li jipprovdi Ġeħova u napplikawha b’ubbidjenza biex ikollna l-approvazzjoni taʼ Alla u l-barka tal-ħajja taʼ dejjem. Mela, kemm hu vitali li nagħtu kas it-twissija taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu.”—Lq. 8:18.