LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 8 p. 107-p. 110 para. 2
  • Leħen Adattat

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Leħen Adattat
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Modulazzjoni
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Varjazzjoni fil-leħen
    Irsisti fil-qari u t-tagħlim
  • Appendiċi—Il-Ġenituri Jistaqsu . . .
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Kuntatt Viżwali
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 8 p. 107-p. 110 para. 2

STUDJU 8

Leħen Adattat

X’hemm bżonn tagħmel?

Tkellem b’leħen għoli biżżejjed jew b’intensità fil-​vuċi. Meta tiġi biex tara x’inhu adattat, agħti kas (1) id-​daqs tal-​udjenza li għandek u minn min hi magħmula, (2) xi ħsejjes li jtellfu, (3) il-​materjal li qed jiġi diskuss, u (4) l-​għan tiegħek.

Għala importanti?

Jekk in-​nies ma jisimgħukx faċilment, moħħhom jistaʼ jiġi aljenat, u l-​informazzjoni li tippreżenta tistaʼ ma tkunx ċara għalihom. Jekk titkellem b’leħen għoli wisq, in-​nies jistgħu jsibu li dan hu irritanti—saħansitra li qed turi nuqqas taʼ rispett.

JEKK kelliemi pubbliku ma jgħollix u jbaxxi leħnu kemm hemm bżonn, xi wħud fl-​udjenza jistgħu jibdew jonogħsu. Jekk pubblikatur jitkellem b’leħen baxx wisq fil-​ministeru tal-​għalqa, jistaʼ ma jżommx l-​attenzjoni tal-​inkwilin. U fil-​laqgħat fejn il-​kummenti tal-​udjenza ma jingħatawx b’leħen adattat, dawk preżenti ma jirċivux l-​inkuraġġiment meħtieġ. (Ebr. 10:24, 25) Mill-​banda l-​oħra, jekk kelliemi jgħolli leħnu fil-​ħin żbaljat, l-​udjenza tistaʼ tibda tħossha skomda—saħansitra irritata.—Prov. 27:14.

Qis l-​Udjenza li Għandek. Lil min qed tkellem? lil persuna waħda? lil xi familja? lil grupp żgħir li qed jiltaqaʼ għas-​servizz tal-​għalqa? lill-​kongregazzjoni kollha kemm hi? jew lin-​nies f’konvenzjoni kbira? Wieħed jistaʼ jifhem li leħen adattat f’sitwazzjoni waħda jistaʼ ma jkunx adattat f’oħra.

Il-​qaddejja taʼ Alla kellmu lil udjenzi kbar f’diversi okkażjonijiet. Fl-​inawgurazzjoni tat-​tempju f’Ġerusalemm fi żmien Salamun, ma kien hemm ebda apparat tas-​sawnd. B’hekk, Salamun qagħad fuq platform fl-​għoli u bierek lin-​nies “b’leħen għoli.” (1 Slat. 8:55; 2 Kron. 6:13) Sekli iktar tard, wara li tferraʼ l-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., folla taʼ nies, fosthom uħud interessati u oħrajn biex iwaqqgħu għaċ-​ċajt, inġabru madwar il-​ġemgħa żgħira taʼ Kristjani f’Ġerusalemm. Pietru wera għerf prattiku, meta “qam bil-​wieqfa u għolla leħnu.” (Atti 2:14) Ngħatat xhieda effettiva.

Kif tistaʼ tgħid jekk il-​leħen li qed tuża huwiex adattat f’sitwazzjoni partikulari? Ir-​reazzjoni tal-​udjenza hija wieħed mill-​aqwa indikaturi. Jekk tinnota li xi wħud fl-​udjenza qed ibatu biex jisimgħu, għandek tistinka biex tgħolli ftit leħnek.

Sew jekk tkun qed tkellem lil individwu wieħed u sew jekk tkun qed tkellem grupp taʼ nies, ikun għaqli li tqis minn min hi magħmula l-​udjenza. Jekk xi ħadd ibati bis-​smigħ, forsi jkun hemm bżonn li tgħolli leħnek. Iżda bl-​għajjat mhux se togħġob lin-​nies li forsi jirreaġixxu iktar bil-​mod minħabba l-​età avanzata. L-​għajjat jistaʼ jitqies bħala nuqqas taʼ manjieri tajbin. F’xi kulturi, leħen għoli żżejjed jitqies bħala evidenza li persuna hi rrabjata jew bla paċenzja.

Agħti Kas il-​Ħsejjes li Jtellfu. Meta tieħu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa, iċ-​ċirkustanzi li ssib ruħek fihom żgur jeffettwaw il-​leħen meħtieġ biex tagħti xhieda. Għandek mnejn ikollok tissielet mal-​ħsejjes tat-​traffiku, tfal storbjużi, klieb jinbħu, mużika għolja, jew televixin b’volum għoli. Mill-​banda l-​oħra, fi nħawi fejn id-​djar huma iktar qrib xulxin, jistaʼ jkun imbarazzanti għall-​inkwilin jekk titkellem tgħajjat tant li tiġbed l-​attenzjoni tal-​ġirien.

L-​aħwa rġiel li jagħtu taħditiet fil-​kongregazzjoni jew f’konvenzjonijiet ukoll jistgħu jkollhom ikampaw maʼ varjetà kbira taʼ ċirkustanzi. Hemm differenza kbira bejn li titkellem quddiem udjenza barra fil-​miftuħ u li tagħti taħdita f’sala fejn hemm sistema tas-​sawnd adattata. Fl-​Amerika Latina, żewġ missjunarji kienu qed jagħtu taħdita fit-​terrazzin tad-​dar taʼ persuna interessata waqt li kien hemm xi logħob tan-​nar fi pjazza fil-​viċin u serduq kien qed jidden bla waqfien f’dawk l-​inħawi!

F’nofs taħdita, tistaʼ tinqalaʼ xi ħaġa li tkun tirrikjedi pawsa jew li tgħolli ftit leħnek sakemm tbatti l-​interruzzjoni. Pereżempju, jekk qed tinżamm laqgħa f’bini b’saqaf tal-​landa, ħalba xita f’salt wieħed tistaʼ tagħmilha kważi impossibbli għall-​udjenza li tismaʼ l-​kelliemi. Tarbija tibki jew xi interruzzjoni kaġunata minn xi wħud li jaslu tard żgur se tkun taʼ sfida. Tgħallem patti għad-​distrazzjonijiet sabiex l-​udjenza li għandek tkun tistaʼ tibbenefika bis-​sħiħ mill-​informazzjoni li qed tippreżenta.

It-​tagħmir tas-​sawnd se jkun taʼ għajnuna jekk inhu disponibbli, iżda dan ma jeliminax il-​bżonn li l-​kelliemi jgħolli ftit leħnu meta s-​sitwazzjoni titlob hekk. F’xi nħawi fejn jinqataʼ d-​dawl spiss, il-​kelliema jkollhom ikomplu jagħtu t-​taħdita mingħajr mikrofonu.

Qis il-​Materjal li Qed Jiġi Diskuss. In-​natura tal-​materjal fit-​taħdita tiegħek ukoll tiddetermina l-​leħen meħtieġ. Jekk is-​suġġett jitlob il-​qawwa, iddgħajjifx it-​taħdita tiegħek billi titkellem b’leħen baxx wisq. Pereżempju, meta tkun qed taqra kliem taʼ kundanna mill-​Iskrittura, leħnek għandu jkun iktar qawwi minn meta tkun qed taqra xi parir dwar li nuru mħabba. Adatta leħnek għall-​materjal, iżda oqgħod attent li tagħmel dan b’mod li ma tiġbidx attenzjoni lejk.

Qis l-​Għan Tiegħek. Jekk trid tistimula l-​udjenza tiegħek għal attività żeluża, għandek mnejn ikollok tgħolli xi ftit iktar leħnek. Jekk trid tibdel il-​mod taʼ kif jaħsbuha, tirritahomx billi tgħolli leħnek wisq. Jekk qed tipprova tikkonsla, leħen iktar baxx spiss ikun aħjar.

Kif Tgħolli Leħnek b’Mod Effettiv. Meta tkun qed tipprova tiġbed l-​attenzjoni taʼ xi ħadd li għandu x’jagħmel, spiss jgħin jekk tgħolli ftit leħnek. Il-​ġenituri jafuh dan, għalhekk jgħollu leħinhom biex isejħu lil uliedhom meta jkun sar il-​ħin biex jieqfu jilagħbu u jidħlu lura d-​dar. Leħen ogħla jistaʼ wkoll ikun meħtieġ meta ċ-​chairman iħeġġeġ biex ikun hemm l-​ordni qabel tibda l-​laqgħa tal-​kongregazzjoni jew f’assemblea. Hekk kif il-​pubblikaturi jieħdu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa, għandhom mnejn isellmu b’leħen għoli lin-​nies li jiltaqgħu magħhom u li jkunu qed jaħdmu barra.

Anki wara li tkun ġbidt l-​attenzjoni taʼ xi ħadd, huwa importanti li tkompli tgħolli leħnek biżżejjed. Vuċi baxxa ħafna tagħti l-​impressjoni li l-​kelliemi mhuwiex preparat sew jew li mhuwiex konvint.

Jekk tuża leħen għoli biex tlissen kmand tistaʼ tqanqal lin-​nies biex jieħdu azzjoni. (Atti 14:9, 10) B’mod simili, kmand li jitlissen b’għajta jistaʼ jevita diżastru. F’Filippi, kalzrier kien kważi se joqtol lilu nnifsu għax ħaseb li l-​ħabsin tiegħu kienu ħarbu. “Pawlu għajjat b’leħen għoli u qallu: ‘Tagħmilx ħsara lilek innifsek, għax aħna kollha qegħdin hawnhekk!’” B’hekk ġie evitat suwiċidju. Pawlu u Sila mbagħad taw xhieda lill-​kalzrier u lin-​nies taʼ daru, li kollha ħaddnu l-​verità.—Atti 16:27-​33.

Kif Ittejjeb Leħnek. Għal xi wħud, jeħtieġ iktar minn sempliċi sforz biex jitgħallmu kif jużaw leħen adattat. Individwu jistaʼ ma jgħollix leħnu biżżejjed meta jitkellem minħabba li għandu leħnu debboli. Madankollu, bi ftit sforz, jistaʼ jkun hemm titjib, għalkemm xorta jibqaʼ leħnu baxx. Agħti attenzjoni għan-​nifs u għal kif toqgħod. Ipprattika kif toqgħod dritt meta tkun bilqiegħda u meta tkun bilwieqfa. Iġbed spallejk lura, u ħu n-​nifs fil-​fond. Kun żgur li timla l-​parti taʼ isfel tal-​pulmun. Hija din l-​arja, li tkun regolata sewwa, li tagħmilha possibbli għalik li tikkontrolla leħnek int u titkellem.

Għal oħrajn, il-​problema hi li jitkellmu jgħajtu wisq. Forsi huma żviluppaw din id-​drawwa minħabba li jaħdmu fuq barra jew f’xi ambjent storbjuż. Mill-​banda l-​oħra, jistgħu jkunu trabbew f’ambjent fejn hu komuni li kulħadd jgħajjat u jinterrompi lil xulxin. B’hekk, iħossuhom li l-​uniku mod kif jieħdu sehem f’konversazzjoni hu billi jgħajtu iżjed minn ħaddieħor. Hekk kif b’mod progressiv jobdu l-​parir tal-​Bibbja biex jilbsu “sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul,” huma se jagħmlu aġġustamenti f’leħinhom meta jitħaddtu maʼ oħrajn.—Kol. 3:12.

Preparazzjoni tajba, esperjenza li tiġi minn parteċipazzjoni regulari fis-​servizz tal-​għalqa, u talb lil Ġeħova se jgħinuk titkellem b’leħen adattat. Sew jekk titkellem mill-​platform u sew jekk titkellem maʼ xi ħadd fil-​ministeru tal-​għalqa, stinka biex tiffoka l-​ħsibijiet tiegħek fuq kif il-​persuna l-​oħra tistaʼ tiġi megħjuna billi tismaʼ dak li qed tgħid int.—Prov. 18:21.

META JKOLLOK BŻONN TGĦOLLI FTIT LEĦNEK

  • Biex iżżomm l-​attenzjoni taʼ grupp akbar taʼ nies.

  • Biex tpatti għal xi ħsejjes li jtellfu.

  • Biex tiġbed l-​attenzjoni meta tgħid xi ħaġa importanti ħafna.

  • Biex tistimula għall-​azzjoni.

  • Biex tiġbed l-​attenzjoni taʼ individwu jew grupp taʼ nies.

KIF TITJIEB

  • Osserva r-​reazzjonijiet taʼ dawk li titkellem magħhom; uża leħen adattat sabiex ikunu jistgħu jisimgħu sew.

  • Tgħallem imla l-​parti taʼ isfel tal-​pulmun int u tieħu n-​nifs.

TAĦRIĠ: L-​ewwel aqra f’qalbek Atti 19:23-​41, u ifhem is-​sitwazzjoni kif inhi murija fir-​rakkont. Agħti kas taʼ min qed jitkellem u l-​attitudni li qed juri. Imbagħad, aqra b’leħen għoli li jkun adattat għal kull silta.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja