STUDJU 26
Żvilupp Loġiku tal-Materjal
QABEL ma l-materjal jistaʼ jkun organizzat b’mod loġiku, irid ikollok mira f’moħħok. Hija l-mira tiegħek sempliċement li tinforma lil oħrajn dwar suġġett partikulari—xi twemmin, attitudni, kwalità, tip taʼ mġiba, jew mod taʼ ħajja? Tittama li tagħti prova taʼ ċertu ħsieb jew li turi li hu falz? Hija l-mira tiegħek li tibni l-apprezzament għal xi ħaġa jew li tqanqal għall-azzjoni? Kemm jekk se tippreżenta l-materjal tiegħek lil individwu u kemm jekk lil udjenza akbar, biex tkun effettiv, trid tikkunsidra x’jafu diġà dwar is-suġġett u x’inhi l-attitudni tagħhom lejh. Wara li tkun għamilt dan, irranġa l-materjal tiegħek f’outline b’tali mod li se jgħinek tilħaq il-mira tiegħek.
Rigward il-ministeru taʼ Sawl (Pawlu) f’Damasku, Atti 9:22 jgħid li “bil-loġika li kien juża biex juri li dan hu l-Kristu, kien ibellah lil-Lhud li kienu joqogħdu Damasku.” X’kienet tinkludi dik il-loġika? Bħalma jindika r-rakkont miktub tal-ministeru taʼ Pawlu iktar tard f’Antjokja u Tessalonika, hu l-ewwel bena fuq il-fatt li l-Lhud aċċettaw l-Iskrittura Ebrajka u kienu jgħidu li jemmnu dak li tgħid dwar il-Messija. Imbagħad minn dik l-Iskrittura, Pawlu għażel porzjonijiet konnessi mal-ħajja u l-ministeru tal-Messija. Hu kkwotahom u qabbilhom maʼ dak li seħħ verament b’konnessjoni maʼ Ġesù. Fl-aħħar nett, hu wasal għall-konklużjoni ovvja, jiġifieri li Ġesù hu l-Kristu, jew il-Messija. (Atti 13:16-41; 17:2, 3) Jekk int ukoll tippreżenta l-verità tal-Bibbja b’mod loġiku, din jistaʼ jkollha effett li tipperswadi lil ħaddieħor.
Kif Torganizza t-Taħdita. Il-materjal jistaʼ jiġi rranġat b’varjetà taʼ modi li huma loġiċi. Jekk issib li hu taʼ benefiċċju, tistaʼ tuża diversi metodi flimkien. Ikkunsidra ftit mill-possibbiltajiet.
Arranġament skont is-suġġett. Dan jinvolvi li torganizza l-materjal tiegħek f’taqsimiet, kull waħda tikkontribwixxi għall-mira tiegħek. It-taqsimiet jistgħu jkunu punti prinċipali li huma importanti biex is-suġġett tiegħek ikun mifhum. Jistgħu jkunu argumenti speċifiċi li jagħtu prova taʼ xi ħaġa jew juru li mhijiex minnha. Ċerti punti, waqt li huma konnessi mas-suġġett, jistgħu jiżdiedu jew jitneħħew, jiddependi mill-udjenza jew il-mira tiegħek.
Ikkunsidra eżempju taʼ arranġament skont is-suġġett. Preżentazzjoni qasira rigward l-isem taʼ Alla tistaʼ tinkludi (1) għala hu importanti li nkunu nafu lil Alla b’ismu, (2) x’inhu l-isem taʼ Alla, u (3) kif nistgħu nonoraw dak l-isem.
Tistaʼ titgħallem ħafna dwar kif tirranġa l-materjal skont is-suġġett billi teżamina l-pubblikazzjonijiet li huma mħejjijin mill-“ilsir leali u għaqli” biex jintużaw fl-istudji tal-Bibbja fid-djar. (Mt. 24:45) Dawn il-pubblikazzjonijiet ġeneralment jinkludu għadd taʼ suġġetti li jistgħu jgħinu lil student jieħu idea ġenerali tal-veritajiet Bibliċi bażiċi. Pubblikazzjonijiet akbar jużaw is-sottitli biex jaqsmu kull kapitlu. Kull suġġett iħejji lill-istudent għall-materjal li jkun imiss u jikkontribwixxi għall-istampa kollha kemm hi.
Il-kaġun u l-effett. L-irraġunar mill-kaġun għall-effett hu metodu ieħor kif tippreżenta l-informazzjoni b’mod loġiku.
Jekk qed tkellem lil grupp jew lil individwi li għandhom bżonn jikkunsidraw iktar bir-reqqa r-riżultat taʼ xi ħaġa li qed jagħmlu jew li bi ħsiebhom jagħmlu, dan il-metodu jistaʼ jkun effettiv. Proverbji kapitlu 7 jipprovdi eżempju eċċellenti taʼ dan. Hemmhekk insibu deskrizzjoni ħajja taʼ kif żagħżugħ nieqes mill-esperjenza li għandu “qalb belha” (il-kaġun) jinvolvi ruħu maʼ prostituta u jbati l-konsegwenzi qarsa (l-effett).—Prov. 7:7.
Biex tkompli tenfasizza, tistaʼ tagħmel kuntrast bejn ir-riżultati ħżiena li jesperjenzaw dawk li jonqsu milli jimxu fil-mogħdijiet taʼ Ġeħova u r-riżultati tajbin li jesperjenzaw dawk li jisimgħu minn Ġeħova. Imqanqal mill-ispirtu taʼ Ġeħova, Mosè għamel kuntrast bħal dan meta kellem lill-ġens taʼ Israel qabel ma daħal fl-Art Imwiegħda.—Dt., kap. 28.
Xi drabi, ikun aħjar li tibda d-diskussjoni tiegħek billi tidentifika sitwazzjoni (l-effett) u mbagħad tippreżenta l-evidenza li tipponta lejn l-affarijiet li jwasslu għaliha (il-kaġun). Dan spiss jinvolvi li tippreżenta l-problema u mbagħad is-soluzzjoni.
Il-problema u s-soluzzjoni. Fil-ministeru tal-għalqa, meta tipprova tiddiskuti problema li tikkonċerna lin-nies u turi li hemm soluzzjoni sodisfaċenti, tistaʼ tqanqal lill-persuna biex tagħti widen. Il-problema tistaʼ tkun waħda li tqajjem int jew xi ħaġa li tqajjem il-persuna l-oħra.
Problema bħal din tistaʼ tkun il-fatt li n-nies jixjieħu u jmutu, il-firxa tal-kriminalità, jew il-fatt li l-inġustizzja ssibha kullimkien. M’għandekx għalfejn tiddiskuti fil-fond dwar il-fatt li teżisti din il-problema, għaliex dan hu ovvju. Sempliċement ibda billi tirreferi għall-problema, u mbagħad ippreżenta s-soluzzjoni li tinsab fil-Bibbja.
Mill-banda l-oħra, il-problema tistaʼ tkun persunali ħafna, tinvolvi sfidi li jiffaċċja ġenitur waħdu, skuraġġiment minħabba mard serju, jew it-tbatija li qed iġġarrab persuna minħabba li tiġi trattata b’nuqqas taʼ mħabba minn persuna oħra. Biex joħroġ l-akbar ġid, l-ewwel trid tkun semmiegħ tajjeb. Il-Bibbja tipprovdi informazzjoni taʼ valur dwar dawn il-problemi kollha. Imma trid tintuża bid-dehen. Jekk id-diskussjoni tiegħek se tkun tassew taʼ benefiċċju għall-persuna l-oħra, trid tkun realistiku. Uri b’mod ċar jekk hux qed tiddiskuti soluzzjoni permanenti, serħan għal xi żmien, jew sempliċement kif wieħed ikampa maʼ sitwazzjoni li mhijiex se tinbidel f’din is-sistema. Fi kliem ieħor, kun ċert li l-irraġunar Skritturali li toffri jkun biżżejjed biex tappoġġa l-konklużjoni li toħroġ minnu. Inkella, is-soluzzjoni li tipprovdi għandha mnejn tidher li xejn mhi loġika għall-persuna l-oħra.
Ordni kronoloġiku. Xi materjal jiġi preżentat b’mod naturali skont l-ordni kronoloġiku. Pereżempju, fil-ktieb tal-Eżodu, l-Għaxar Kastigi huma preżentati fl-ordni li seħħew. F’Ebrej kapitlu 11, l-appostlu Pawlu jagħmel lista taʼ rġiel u nisa taʼ fidi eżemplari f’ordni kronoloġiku.
Jekk tirrakkonta l-ġrajjiet mill-passat f’ordni kronoloġiku, dan jistaʼ jgħin lill-udjenza tiegħek tifhem kif żviluppaw ċerti ċirkustanzi. Dan japplika għall-istorja moderna kif ukoll għal ġrajjiet minn żminijiet Bibliċi. Għalhekk, għandek mnejn tkun qed tgħaqqad is-sekwenza kronoloġika mal-irraġunar tal-kaġun u l-effett. Jekk qed tippjana li ssemmi l-ġrajjiet li l-Bibbja turi li għandhom iseħħu fil-futur, x’aktarx li preżentazzjoni kronoloġika se tkun l-iktar waħda faċli biex l-udjenza tiegħek issegwiha u tiftakarha.
Il-fatt li tuża l-metodu kronoloġiku ma jfissirx li trid tibda dejjem mill-bidu. F’xi każi, jistaʼ jkun iktar effettiv li tintroduċi rakkont f’punt drammatiku fl-istorja. Pereżempju, meta tirrakkonta esperjenza tistaʼ tagħżel li tirrakkonta dwar okkażjoni meta l-integrità taʼ xi ħadd lejn Alla ġiet imġarrba. Wara li tkun qajjimt l-interess b’dik il-parti tar-rakkont, għandek tgħid f’ordni kronoloġiku d-dettalji li wasslu għaliha.
Uża Biss Materjal li Japplika. Minkejja kif torganizza l-materjal, oqgħod attent li tuża biss dak li japplika. It-tema tat-taħdita għandha teffettwa l-għażla tiegħek. Għandek tikkunsidra wkoll minn min hi magħmula l-udjenza tiegħek. Għal udjenza waħda punt partikulari għandu mnejn ikun vitali, filwaqt li għal grupp ieħor għandu mnejn ma jkunx bżonjuż. Trid tkun ċert ukoll li l-materjal kollu tiegħek jikkontribwixxi biex tilħaq il-mira tiegħek. Inkella, il-preżentazzjoni tiegħek, għalkemm forsi tkun interessanti, tistaʼ titlef l-effettività tagħha.
Meta tagħmel riċerka, għandek mnejn issib ħafna materjal interessanti li għandu x’jaqsam mas-suġġett tiegħek. Kemm minnu għandek tuża? Jekk tagħti wisq informazzjoni lill-udjenza għandek mnejn titlef l-iskop tiegħek. Ftit ideat prinċipali li jiġu żviluppati sew se jibqgħu fil-moħħ iktar faċilment minn ħafna ideat preżentati wisq bil-ħeffa. Dan ma jfissirx li informazzjoni interessanti dwar suġġett qatt m’għandha tiġi inkluża. Imma tħallix din l-informazzjoni ċċajpar il-mira tiegħek. Innota kif dettalji bħal dawn ġew inklużi b’mod diskret fil-Bibbja f’Marku 7:3, 4 u Ġwanni 4:1-3, 7-9.
Hekk kif tgħaddi minn punt għall-ieħor, oqgħod attent li ma tagħmilx dan tant malajr li l-udjenza tiegħek titlef is-sekwenza tal-ħsieb. Sabiex l-ideat jaħdmu flimkien b’mod effettiv, jistaʼ jkollok bżonn torbot l-ideat flimkien. Biex torbothom tistaʼ tuża klawsola jew tistaʼ tuża sentenza kompluta li turi r-relazzjoni bejn iż-żewġ ħsibijiet. F’ħafna lingwi, sempliċi kelma jew frażi li torbot l-ideat tistaʼ tintuża biex turi r-relazzjoni bejn ħsieb ġdid u dak li ntqal qabel.
Se tiġi megħjun tilħaq il-mira tiegħek jekk tuża materjal li japplika biss u tirranġah f’ordni loġiku.