STUDJU 51
Jinżamm il-Ħin bir-Reqqa, Jitqassam Sew
WAQT li l-enfasi prinċipali għandha titpoġġa fuq il-kwalità tat-tagħlim tiegħek, il-kalkolu tal-ħin tat-taħditiet tiegħek jistħoqqlu l-attenzjoni wkoll. Il-laqgħat tagħna għandhom skeda speċifika tal-ħinijiet li fihom jibdew u jintemmu. Biex dan jinkiseb hemm bżonn tal-kooperazzjoni taʼ kull min ikollu sehem fil-programm.
Fiż-żminijiet tal-Bibbja, il-ħarsa tan-nies lejn il-ħajja kienet differenti minn dik tan-nies f’ħafna postijiet illum. Il-ħin kien jiġi kalkulat b’termini mhux eżatti bħal “madwar it-tielet siegħa” jew “madwar l-għaxar siegħa.” (Mt. 20:3-6; Ġw. 1:39) Rari kienu jinkwetaw dwar xi ħin preċiż għall-attivitajiet taʼ kuljum. Illum, f’xi partijiet tad-dinja għad għandhom l-istess ħarsa lejn il-ħin.
Madankollu, avolja d-drawwa lokali jew il-preferenza persunali tistaʼ ġġiegħel lin-nies ikunu kemxejn rilassati dwar il-ħin, nistgħu nibbenefikaw jekk nitgħallmu kif nagħtuh l-attenzjoni xierqa. Meta jkun hemm diversi partijiet fi programm, irid jiġi kunsidrat il-ħin imwarrab għal kull parti tal-programm. Il-prinċipju “ħa jsir kollox bid-deċenza u bl-ordni” jistaʼ tassew japplika għal meta jinżamm il-ħin fl-inkarigi tal-laqgħat tagħna.—1 Kor. 14:40.
Kif Iżżomm Sew mal-Ħin. Il-preparazzjoni hi fundamentali. Ġeneralment, il-kelliema li jsibuha diffiċli biex iżommu mal-ħin ma jkunux ippreparaw biżżejjed. Forsi jkunu kunfidenti żżejjed. Jew forsi sempliċement iħallu l-preparazzjoni għall-aħħar minuta. Il-bażi fundamentali biex iżżomm sew mal-ħin hi li tapprezza l-inkarigu tiegħek u li tkun lest li tipprepara sew.
Għandek inkarigu taʼ qari? L-ewwel, irrivedi Studji 4 sa 7, li jinvolvu l-fatt li tkun fluwenti, il-pawsi, l-enfasi biex tagħti s-sens, u li tenfasizza l-ideat prinċipali. Imbagħad applika dawn il-pariri int u taqra b’leħen għoli l-materjal inkarigat lilek. Żomm il-ħin. Għandek bżonn taqra iktar malajr ħalli tispiċċa fil-ħin li ngħatalek? Żid il-pass fil-porzjonijiet li huma inqas importanti, imma kompli uża l-pawsi u naqqas il-pass meta tenfasizza ideat importanti. Ipprattika għal darba wara l-oħra. Hekk kif issir iktar fluwenti, se jkun iktar faċli għalik li tirregola l-ħin.
Se titkellem bl-għajnuna tan-noti? M’għandekx għalfejn tagħmel noti dettaljati ħafna—kważi manuskritt—biex tkun ċert li żżomm mal-ħin. Meta ħdimt fuq Studju 25, int tgħallimt mod aħjar. Żomm f’moħħok dawn il-ħames punti: (1) Ħejji materjal tajjeb, imma tħejjix iżżejjed. (2) Żomm l-ideat prinċipali ċari f’moħħok, imma titgħallimx bl-amment sentenzi sħaħ. (3) Fuq l-outline tiegħek immarka kemm ħin qed tippjana li tuża għal kull parti tat-taħdita tiegħek jew kemm għandu jkun għadda ħin meta tkun wasalt għal ċerti punti. (4) Meta tipprepara, ikkunsidra liema dettalji tistaʼ tneħħi jekk tara li tkun se taqbeż il-ħin. (5) Ipprattika kif se tagħti t-taħdita.
Huwa importanti li tipprattika minn qabel. Int u tipprattika, ara kemm qed tieħu ħin għal kull sezzjoni tat-taħdita tiegħek. Irrivedi t-taħdita tiegħek għal darba wara l-oħra sakemm it-taħdita kollha tidħol eżatt fil-ħin mogħti. Ipprova ddaħħalx iżżejjed materjal. Ħalli ftit ħin żejjed għaliex meta tagħti t-taħdita tiegħek quddiem udjenza tistaʼ tieħu ftit iktar ħin milli meta tipprattikaha fil-privat.
Kif Tqassam il-Partijiet tat-Taħdita. Il-fatt li żżomm tajjeb mal-ħin hu konness mill-qrib maʼ li tqassam il-partijiet tat-taħdita tiegħek kif suppost. Ħafna mill-ħin għandu jintuża għall-qalba tat-taħdita. Dan hu meta tiddiskuti l-punti prinċipali taʼ istruzzjoni. L-introduzzjoni għandha tkun twila biżżejjed biex tilħaq it-tliet miri diskussi fi Studju 38. Il-qalba tat-taħdita m’għandhiex tkun tant twila li ma jkunx hemm biżżejjed ħin għal konklużjoni effettiva, fi qbil maʼ Studju 39.
L-isforzi tiegħek biex iżżomm sew mal-ħin se jirriżultaw f’taħdita aħjar u int se turi r-rispett tiegħek lejn oħrajn li għandhom sehem fil-programm kif ukoll lejn il-kongregazzjoni kollha.