LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ia kap. 8 pp. 67-75
  • Hu Ssaporta Minkejja d-Diżappunti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hu Ssaporta Minkejja d-Diżappunti
  • Imita l-Fidi Tagħhom
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Wettaq il-​Ġustizzja’
  • “Uliedek Ma Mxewx fi Triqatek”
  • “Aħtrilna Sultan”
  • “Kemm Se Ddum Issewwed Qalbek Minħabba Sawl?”
  • Samwel Jippromwovi l-Qima Vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Hu “Kompla Jikber Quddiem Ġeħova”
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • L-ewwel sultan taʼ Iżrael
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Ewwel Samwel
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Imita l-Fidi Tagħhom
ia kap. 8 pp. 67-75
Samwel bħala raġel xwejjaħ

KAPITLU TMIENJA

Issaporta Minkejja d-​Diżappunti

1. Silo għala kien mimli diqa minħabba l-​mewt?

SAMWEL setaʼ jħoss id-​diqa li kien hemm f’Silo. Fil-​belt kien hemm bosta tixrid taʼ dmugħ minħabba n-​niket. Min jaf kemm instemaʼ biki u lfiq taʼ mrar min-​nisa u t-​tfal malli ħadu l-​aħbar li l-​missirijiet, l-​irġiel miżżewġin, l-​ulied u l-​aħwa subien ma kinux ġejjin lura d-​dar! Nafu biss li Iżrael kien tilef madwar 30,000 suldat f’telfa terribbli f’idejn il-​Filistin mhux wisq wara t-​telfa taʼ 4,000 suldat f’battalja oħra.—1 Sam. 4:1, 2, 10.

2, 3. Liema serje taʼ traġedji kienu ġabu għajb fuq Silo?

2 Din kienet biss waħda minn serje taʼ traġedji. Ħofni u Fineħas, iż-​żewġ ulied subien mill-​agħar tal-​Qassis il-​Kbir Għeli, kienu ħarġu minn Silo bl-​arka sagra tal-​patt. Din l-​arka prezzjuża li normalment kienet tinżamm fit-​taqsima qaddisa tat-​tabernaklu—li kien tempju f’għamla taʼ tinda—kienet simbolu tal-​preżenza t’Alla. In-​nies imbagħad ħadu l-​Arka għall-​battalja għax bi bluha ħasbu li kienet se ġġibilhom ir-​risq u twassalhom għar-​rebħa. Imma l-​Filistin ħatfu l-​Arka u qatlu lil Ħofni u Fineħas.—1 Sam. 4:3-​11.

3 It-​tabernaklu f’Silo kien onorat bil-​preżenza tal-​Arka għal sekli sħaħ. Imma issa ma kinitx għadha hemmhekk. Meta semaʼ b’din l-​aħbar, ix-​xwejjaħ Għeli taʼ 98 sena waqaʼ għal dahru minn fuq is-​siġġu u miet. Il-​mara taʼ ibnu, li romlot proprju dakinhar, mietet waqt il-​ħlas. Fl-​aħħar nifs taʼ ħajjitha qalet: “Il-​glorja telqet minn Israel u marret fl-​eżilju.” Tabilħaqq, il-​belt taʼ Silo qatt ma kellha terġaʼ tkun l-​istess.—1 Sam. 4:12-​22.

4. X’se niddiskutu f’dan il-​kapitlu?

4 Samwel kif kien se jirreaġixxi għal dawn id-​diżappunti kbar? Kienet se tkun b’saħħitha biżżejjed il-​fidi tiegħu biex hu jgħin lill-​ġens li kien tilef il-​protezzjoni u l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova? Kultant ilkoll kemm aħna għandna mnejn inħabbtu wiċċna maʼ tbatijiet u diżappunti li jgħaddu l-​fidi tagħna minn prova. Mela ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu iktar minn Samwel.

‘Wettaq il-​Ġustizzja’

5, 6. Ir-​rakkont tal-​Bibbja fuqiex jiffoka rigward il-​perijodu tʼ20 sena, u Samwel kif qattagħhom dawn is-​snin?

5 Hawnhekk, ir-​rakkont tal-​Bibbja ma jibqax jiffoka fuq Samwel imma fuq l-​Arka sagra billi jurina kif il-​Filistin batew talli ħaduha u ġew imġegħlin jirritornawha. Kienu laħqu għaddew madwar 20 sena meta l-​Bibbja reġgħet semmiet lil Samwel. (1 Sam. 7:2) Kif qattagħhom dawk is-​snin kollha? Il-​Bibbja tgħidilna.

Samwel ifarraġ lil nisa u tfal imnikkta

Samwel kif setaʼ jgħin lin-nies tiegħu jkampaw mat-telfa terribbli u mad-diżappunti?

6 Aħna nitgħallmu li qabel bdew dawn l-​20 sena, “Samwel wassal il-​kelma lil Israel kollu.” (1 Sam. 4:1) Ir-​rakkont jgħid li wara li għadda dan il-​perijodu, Samwel ħadha drawwa li jżur tlett ibliet f’Iżrael u jdurhom kull sena biex jirranġa xi kwistjonijiet u jwieġeb xi mistoqsijiet. Imbagħad kien imur lura lejn raħal twelidu, Rama. (1 Sam. 7:15-​17) B’mod ċar, Samwel baqaʼ dejjem medhi f’xogħlu, u matul dawk l-​20 sena taʼ intervall, kellu ħafna x’jagħmel.

Għalkemm ir-rakkont tal-Bibbja ma jsemmix lil Samwel għal perijodu taʼ 20 sena, nistgħu nibqgħu ċerti li hu baqaʼ jaħdem iebes fis-servizz taʼ Ġeħova

7, 8. (a) Samwel liema messaġġ wassal lin-​nies wara 20 sena taʼ xogħol iebes? (b) In-​nies kif irreaġixxew għall-​assiguranza taʼ Samwel?

7 L-​immoralità u l-​korruzzjoni taʼ wlied Għeli kienu ħassru l-​fidi tan-​nies. Milli jidher, kien għalhekk li ħafna wħud daru għall-​idolatrija. Iżda wara 20 sena taʼ xogħol iebes, Samwel wassal dan il-​messaġġ lin-​nies: “Jekk qed terġgħu lura lejn Ġeħova b’qalbkom kollha, neħħu minn nofskom l-​allat barranin kif ukoll ix-​xbihat t’Għastoret, u dawru qalbkom b’mod sod lejn Ġeħova u aqdu lilu biss, u hu jeħliskom minn id il-​Filistin.”—1 Sam. 7:3.

8 “Id il-​Filistin” kienet qed tgħakkes lin-​nies. Peress li l-​Filistin ħarġu rebbieħa kontra l-​armata taʼ Iżrael, huma ħasbu li setgħu jaħqru lin-​nies t’Alla mingħajr ma jiġu kastigati. Imma Samwel assigura lin-​nies li l-​affarijiet kienu se jinbidlu jekk biss iduru lura lejn Ġeħova. Kienu lesti li jagħmlu hekk? Iva, huma neħħew l-​idoli tagħhom u “bdew jaqdu lil Ġeħova biss.” Samwel ħa pjaċir meta ra dan u ħejja laqgħa f’Mispa, raħal fir-​reġjun muntanjuż lejn it-​Tramuntana taʼ Ġerusalemm. In-​nies inġabru flimkien, samu, u nidmu mill-​ħafna dnubiet taʼ idolatrija.—Aqra l-​1 Samwel 7:4-​6.

Il-Filistin ħasbu li ġabra taʼ nies nedmin mill-poplu taʼ Ġeħova kienet opportunità biex jagħmlulhom oppressjoni

9. Il-​Filistin innotaw li kien hemm liema opportunità, u n-​nies t’Alla kif irreaġixxew xħin semgħu bil-​periklu?

9 Madankollu, il-​Filistin saru jafu b’din il-​laqgħa kbira u nnotaw li kien hemm opportunità. Huma bagħtu l-​armata tagħhom f’Mispa biex jgħaffġu taħt saqajhom lil dawn l-​aduraturi taʼ Ġeħova. L-​Iżraelin semgħu l-​aħbar li kien riesaq dan il-​periklu. Bi msarinhom f’saqajhom, huma qalu lil Samwel jitlob għalihom. Hu hekk għamel, u offra sagrifiċċju wkoll. Matul din iċ-​ċerimonja sagra, l-​armata tal-​Filistin ħabtet għal Mispa. Ġeħova mbagħad wieġeb it-​talba taʼ Samwel. Kien bħallikieku Ġeħova esprima l-​korla tiegħu. Hu “ġiegħel li jriegħed b’ħoss qawwi dakinhar kontra l-​Filistin.”—1 Sam. 7:7-​10.

10, 11. (a) Għala żgur li kien hemm xi ħaġa mhux tas-​soltu dwar ir-​ragħad li Ġeħova uża kontra l-​armata tal-​Filistin? (b) X’kien ir-​riżultat tal-​battalja li bdiet f’Mispa?

10 Issa, għandna aħna nimmaġinaw li dawn il-​Filistin kienu bħal tfal żgħar li jaħarbu jiġru wara ommhom meta jisimgħu r-​ragħad? Le, dawn kienu suldati b’saħħithom u tas-​sengħa. Allura, dan ir-​ragħad żgur li qatt ma kienu semgħu bħalu. Kienu konfużi għax il-​volum taʼ dan il-​“ħoss qawwi” kien għoli? Għax kien ġej minn sema ikħal nir? Jew għax beda jidwi madwar l-​għoljiet? Kien x’kien, dan ir-​ragħad werwer lill-​Filistin. F’dik il-​konfużjoni kollha, minn attakkanti malajr spiċċaw l-​uħud taħt attakk. L-​irġiel taʼ Iżrael ħarġu jiġru minn Mispa, rebħulhom, u ġrew warajhom għal distanza twila, lejn post fil-​Lbiċ taʼ Ġerusalemm.—1 Sam. 7:11.

11 Din il-​battalja kienet bidla importanti ħafna għan-​nies t’Alla. Il-​Filistin komplew jitilfu matul il-​bqija taʼ jiem Samwel bħala mħallef. Il-​bliet, waħda wara l-​oħra, kollha ngħataw lura f’idejn in-​nies t’Alla.—1 Sam. 7:13, 14.

12. Xi jfisser li Samwel ‘wettaq il-​ġustizzja,’ u liema kwalitajiet għenuh jibqaʼ effettiv?

12 Ħafna sekli wara, l-​appostlu Pawlu semma lil Samwel fost l-​imħallfin u l-​profeti leali li “wettqu l-​ġustizzja.” (Ebr. 11:32, 33) Tabilħaqq, Samwel għamel dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Alla u ħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu l-​istess. Hu baqaʼ jkun effettiv għax stenna bil-​paċenzja lil Ġeħova biex jaġixxi, u b’lealtà baqaʼ għaddej b’xogħlu minkejja d-​diżappunti. Hu wera wkoll li hu persuna grata. Wara r-​rebħa f’Mispa, Samwel għamel monument b’tifkira tal-​mod kif Ġeħova għen lin-​nies tiegħu.—1 Sam. 7:12.

13. (a) Liema kwalitajiet għandna bżonn sabiex nimitaw lil Samwel? (b) Meta taħseb li jkun żmien tajjeb biex tiżviluppa kwalitajiet bħal taʼ Samwel?

13 Tixtieq int ‘twettaq il-​ġustizzja’? Jekk iva, tagħmel tajjeb jekk titgħallem mill-​paċenzja, l-​umiltà, u l-​apprezzament taʼ Samwel. (Aqra l-​1 Pietru 5:6.) Min minna m’għandux bżonn dawn il-​kwalitajiet? Lil Samwel swielu taʼ ġid li jikseb u juri kwalitajiet bħal dawn meta kien għadu pjuttost żgħir għax hu ffaċċja diżappunti akbar tul is-​snin taʼ wara.

“Uliedek Ma Mxewx fi Triqatek”

14, 15. (a) Liema diżappunt serju ffaċċja Samwel wara li “kien xjaħ”? (b) Kien Samwel missier ħażin bħalma kien Għeli? Spjega.

14 Meta nerġgħu naqraw dwar Samwel, hu “kien xjaħ.” Samwel kellu żewġ ulied subien li kienu kibru sa dak iż-​żmien—Ġoel u Abija—u fdalhom f’idejhom ir-​responsabbiltà li jgħinuh fix-​xogħol tiegħu bħala mħallef. Iżda b’sogħba, hu wera fiduċja fil-​persuni żbaljati. Għalkemm Samwel kien bniedem onest u ġust, uliedu pprofittaw ruħhom mill-​pożizzjonijiet tagħhom billi għawġu l-​ħaqq u aċċettaw it-​tixħim.—1 Sam. 8:1-​3.

15 Darba minnhom, l-​irġiel ixjeħ taʼ Iżrael avviċinaw lill-​profeta xwejjaħ biex jilmentaw. Huma qalu: “Uliedek ma mxewx fi triqatek.” (1 Sam. 8:4, 5) Kien Samwel konxju tal-​problema? Ir-​rakkont ma jgħidx. Iżda, għall-​kuntrarju taʼ Għeli, Samwel ċertament li ma kienx missier ħażin. Ġeħova kien ċanfar u kkastiga lil Għeli talli naqas li jikkoreġi l-​ħażen taʼ wliedu u talli ġab lil uliedu qabel Alla. (1 Sam. 2:27-​29) Ġeħova qatt ma sab nuqqas bħal dan f’Samwel.

L-irġiel ixjeħ taʼ Iżrael jitkellmu maʼ Samwel dwar il-kondotta mill-agħar taʼ wliedu

Samwel kif kampa mad-diżappunt li wliedu qabdu triq ħażina?

16. Liema sentimenti jifnu lill-​ġenituri taʼ tfal ribellużi, u l-​ġenituri kif għandhom mnejn isibu xi ftit tal-​faraġ u gwida fl-​eżempju taʼ Samwel?

16 Ir-​rakkont ma jirrivelax l-​għajb, l-​ansjetà, jew id-​diżappunt agonizzanti taʼ Samwel meta sar jaf bil-​kondotta mill-​agħar taʼ wliedu. Madankollu, ħafna ġenituri faċilment jistgħu jifhmu u jagħdru lil Samwel. Fiż-​żminijiet ebsin li qed ngħixu llum, ir-​ribelljoni kontra l-​awtorità u d-​dixxiplina tal-​ġenituri teffettwa lil ħafna nies. (Aqra t-​2 Timotju 3:1-​5.) Ġenituri li qed ikampaw maʼ dan it-​tip taʼ wġigħ jistgħu jsibu xi ftit tal-​faraġ u gwida fl-​eżempju taʼ Samwel. Avolja wliedu għażlu li ma jibqgħux leali, Samwel baqaʼ leali. Ftakar, anki jekk il-​kliem u d-​dixxiplina ma jilħqux il-​qlub xierfa, l-​eżempju jkaxkar. U l-​ġenituri dejjem għandhom l-​opportunità li lil Missierhom stess, Alla Ġeħova, iġegħluh iħossu kburi, bħalma għamel Samwel.

“Aħtrilna Sultan”

17. L-​irġiel ixjeħ taʼ Iżrael x’rikjesta għamlulu lil Samwel, u hu kif irreaġixxa?

17 Ulied Samwel ma setgħux jimmaġinaw kemm kienu se jkunu kbar l-​effetti tar-​regħba u l-​egoiżmu tagħhom. L-​irġiel ixjeħ taʼ Iżrael komplew jgħidu lil Samwel: “Aħtrilna sultan biex jiġġudikana bħall-​ġnus kollha.” Kienet din ir-​rikjesta bħallikieku qed jirrifjutaw lil Samwel? Wara kollox, hu kien ilu jiġġudika lil dawn in-​nies f’isem Ġeħova għal għaxriet taʼ snin. Issa huma ma ridux sempliċi profeta bħal Samwel, imma sultan biex ikun l-​imħallef tagħhom. Il-​ġnus tal-​madwar kellhom is-​slaten, u l-​Iżraelin riedu wieħed ukoll! Samwel kif irreaġixxa? Naqraw li “din il-​ħaġa kienet ħażina” f’għajnejn Samwel.—1 Sam. 8:5, 6.

18. Ġeħova kif farraġ lil Samwel u madankollu kixef kemm kien serju d-​dnub taʼ Iżrael?

18 Innota kif irreaġixxa Ġeħova meta Samwel talab dwar din il-​kwistjoni: “Ismaʼ minn leħen in-​nies f’kulma jgħidulek; għax mhux lilek ċaħdu, imma lili ċaħdu milli nkun sultan fuqhom.” Filwaqt li dan kien taʼ faraġ għal Samwel, kien insult ikrah min-​nies lejn Alla li Jistaʼ Kollox! Ġeħova qal lill-​profeta tiegħu biex iwissi lill-​Iżraelin dwar il-​konsegwenzi li kellhom ibatu talli jkollhom sultan uman. Meta Samwel obda, huma insistew: “Le, imma sultan ikun fuqna.” Ubbidjenti lejn Alla tiegħu bħal dejjem, Samwel mar u ħatar lis-​sultan li Ġeħova kien għażel.—1 Sam. 8:7-​19.

19, 20. (a) Samwel b’liema modi obda d-​direzzjoni taʼ Ġeħova biex jidlek lil Sawl bħala sultan taʼ Iżrael? (b) Samwel kif kompla jgħin lin-​nies taʼ Ġeħova?

19 Iżda Samwel kif obda? Kontra qalbu? B’mod indifferenti? Ħalla hu d-​diżappunt iħassarlu qalbu u jġiegħlu jimtela bl-​imrar? Ħafna għandhom mnejn jirreaġixxu b’dan il-​mod f’sitwazzjoni bħal din—imma mhux Samwel. Hu dilek lil Sawl u rrikonoxxa li r-​raġel kien ġie magħżul minn Ġeħova nnifsu. Hu bies lil Sawl bħala sinjal taʼ merħba u bħala sottomissjoni lejn is-​sultan il-​ġdid. U hu qal lin-​nies: “Rajtuh lil dak li ntgħażel minn Ġeħova, li m’hemm ħadd bħalu fost in-​nies kollha?”—1 Sam. 10:1, 24.

20 Samwel ma qagħadx ifittex ix-​xagħra fl-​għaġina, iżda ffoka fuq it-​tajjeb tar-​raġel li Ġeħova kien għażel. Hu nnifsu ffoka fuq ir-​rekord tiegħu taʼ integrità lejn Alla minflok fuq l-​approvazzjoni taʼ nies li jduru maʼ kull riħ. (1 Sam. 12:1-​4) Barra minn hekk, hu ħadem b’lealtà fl-​inkarigu tiegħu u ta pariri lin-​nies t’Alla dwar il-​perikli spiritwali li ffaċċjaw u inkuraġġiehom jibqgħu leali lejn Ġeħova. Il-​parir laqathom fil-​laħam il-​ħaj u n-​nies talbu lil Samwel bil-​ħniena biex jitlob għan-​nom tagħhom. Hu tahom din it-​tweġiba mill-​isbaħ: “Jien ma jgħaddilix minn moħħi, min-​naħa tiegħi, li nidneb kontra Ġeħova billi ma nibqax nitlob għan-​nom tagħkom; u rrid ngħallimkom it-​triq li hi tajba u sewwa.”—1 Sam. 12:21-​24.

L-eżempju taʼ Samwel ifakkarna biex qatt ma nħallu l-għira jew l-imrar irabbi l-għeruq f’qalbna

21. L-​eżempju taʼ Samwel kif jistaʼ jkun t’għajnuna jekk qatt tħossok diżappuntat meta xi ħadd ieħor jingħata xi pożizzjoni jew privileġġ?

21 Qatt ħassejtek diżappuntat meta xi ħadd ieħor ingħata xi pożizzjoni jew privileġġ? L-​eżempju taʼ Samwel iservi taʼ tfakkira ħajja li m’għandna qatt inħallu l-​għira jew l-​imrar irabbi l-​għeruq f’qalbna. (Aqra Proverbji 14:30.) Alla għandu ħafna xogħol premjanti u sodisfaċenti għal kull wieħed u waħda mill-​qaddejja leali tiegħu.

“Kemm Se Ddum Issewwed Qalbek Minħabba Sawl?”

22. Samwel għall-​bidu għala kellu raġun jara t-​tajjeb f’Sawl?

22 Samwel kellu raġun jara t-​tajjeb f’Sawl; dan kien raġel mill-​aħjar. Kien fih raġel, qalbieni, kapaċi, u għall-​bidu kien modest u ma jippretendihiex. (1 Sam. 10:22, 23, 27) Barra minn dawn l-​għotjiet sbieħ, hu kellu għotja prezzjuża—il-​libertà tal-​għażla dwar ħajtu u dwar id-​deċiżjonijiet tiegħu. (Dt. 30:19) Użaha sew din l-​għotja?

23. Liema kienet l-​ewwel kwalità prezzjuża li tilef Sawl, u kif wera l-​arroganza tiegħu li kienet qed tiżdied?

23 B’sogħba, meta l-​poter jitlaʼ għal ras dak li jkun, il-​modestja tkun l-​ewwel kwalità li tgħib. F’kemm ilna ngħidu, Sawl sar arroganti. Hu għażel li ma jobdix l-​ordnijiet taʼ Ġeħova li għaddielu Samwel. Darba, Sawl tilef il-​paċenzja u offra sagrifiċċju li Samwel kellu l-​ħsieb li joffri. Samwel kellu jikkoreġih b’mod sod u bassar li d-​dritt li jsaltan ma kellux jibqaʼ fil-​familja taʼ Sawl. Minflok ma tgħallem mid-​dixxiplina, Sawl ikkommetta atti taʼ diżubbidjenza iktar gravi.—1 Sam. 13:8, 9, 13, 14.

24. (a) Sawl b’liema mod m’obdiex lil Ġeħova fil-​gwerra kontra l-​Għamalekin? (b) Sawl kif irreaġixxa għall-​korrezzjoni, u x’kienet id-​deċiżjoni taʼ Ġeħova?

24 Permezz taʼ Samwel, Ġeħova qal lil Sawl biex jaħbat għall-​Għamalekin. L-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova inkludew ordni biex joqtol lis-​sultan mill-​agħar tagħhom, Agag. Madankollu, Sawl ħeles lil Agag kif ukoll l-​aqwa fost il-​priża li kellha tinqered. Meta Samwel ġie biex jikkoreġih, Sawl irrivela kemm kien inbidel. Minflok ma aċċetta l-​korrezzjoni bil-​modestja, hu ġġustifika lilu nnifsu, ġab l-​iskużi, iġġustifika l-​azzjonijiet tiegħu, evita l-​kwistjoni, u pprova jwaħħal f’ħaddieħor. Meta Sawl ipprova jxejjen id-​dixxiplina billi jistqarr li xi ftit mill-​priża kienet intenzjonata għas-​sagrifiċċju lil Ġeħova, Samwel lissen il-​kliem famuż: “Ara! Li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju.” B’kuraġġ, Samwel ċanfar lir-​raġel u wera x’kienet id-​deċiżjoni taʼ Ġeħova: Id-​dritt tal-​ħakma kellu jittieħed mingħand Sawl u jingħata lil xi ħadd ieħor.a—1 Sam. 15:1-​33.

25, 26. (a) Samwel għala sewwed qalbu minħabba Sawl, u Ġeħova kif tah korrezzjoni ħafifa lill-​profeta Tiegħu? (b) Liema lezzjoni tgħallem Samwel meta mar id-​dar taʼ Ġesse?

25 Samwel kien imnikket għall-​aħħar minħabba n-​nuqqasijiet taʼ Sawl. Hu qattaʼ l-​lejl jgħajjat lil Ġeħova u jitolbu dwar il-​kwistjoni. Hu saħansitra sewwed qalbu għal dan ir-​raġel. Samwel kien ra ħafna potenzjal u kwalitajiet tajbin f’Sawl, imma issa ra li kollox kien ferħa bla temma. Ir-​raġel li xi darba kien jaf kien inbidel—kien tilef l-​aqwa kwalitajiet tiegħu u kien qed jiħodha kontra Ġeħova. Samwel ma ried jarah qatt iktar b’għajnejh lil Sawl. Iżda maż-​żmien, Ġeħova ta lil Samwel korrezzjoni ħafifa: “Kemm se ddum issewwed qalbek minħabba Sawl, filwaqt li jien, min-​naħa tiegħi, warrabtu biex ma jsaltanx fuq Israel? Imla l-​qarn tiegħek biż-​żejt u mur. Se nibagħtek għand Ġesse, il-​Betlehemi, għaliex minn fost uliedu jien għażilt sultan għalija.”—1 Sam. 15:34, 35; 16:1.

26 L-​iskop taʼ Ġeħova ma jiddependix mill-​bnedmin imperfetti li mhux dejjem ikunu leali. Jekk bniedem wieħed ma jibqax leali, Ġeħova jsib ieħor biex iwettaq ir-​rieda Tiegħu. Għalhekk, ix-​xwejjaħ Samwel ma baqax imdejjaq minħabba Sawl. Skont id-​direzzjoni taʼ Ġeħova, Samwel mar id-​dar taʼ Ġesse f’Betlehem fejn iltaqaʼ maʼ wlied Ġesse li kellhom dehra impressjonanti. Madankollu, sa mill-​ewwel wieħed, Ġeħova fakkar lil Samwel biex iħares lil hinn mill-​kwalitajiet fiżiċi. (Aqra l-​1 Samwel 16:7.) Finalment, Samwel iltaqaʼ mal-​iżgħar wieħed fost l-​aħwa, u dan kien l-​għażla taʼ Ġeħova—David!

Samwel sar jaf li ebda diżappunt mhu kbir wisq għal Ġeħova biex ifejqu, isolvih, jew saħansitra jdawru f’barka

27. (a) X’għen biex il-​fidi taʼ Samwel tibqaʼ tissoda? (b) Kif tħossok dwar l-​eżempju li ħalla Samwel?

27 Fl-​aħħar snin taʼ ħajtu, Samwel ra iktar ċar kemm kienet sewwa d-​deċiżjoni taʼ Ġeħova biex David jieħu post Sawl. Sawl żviluppa għira li ġegħlitu jrid joqtol lil David, u sar ukoll apostata. Madankollu, David wera li kellu kwalitajiet sbieħ—il-​kuraġġ, l-​integrità, il-​fidi, u l-​lealtà. Hekk kif ħajjet Samwel kienet waslet biex tintemm, il-​fidi tiegħu dejjem issodat iktar u iktar. Hu ra li ebda diżappunt mhu kbir wisq għal Ġeħova biex ifejqu, isolvih, jew saħansitra jdawru f’barka. Fl-​aħħar, Samwel miet u ħalla warajh rekord taʼ ħajja straordinarja li damet kważi 100 sena. Iżrael kollu beka t-​telfa taʼ dan ir-​raġel leali—u bir-​raġun! Sal-​ġurnata tal-​lum, il-​qaddejja taʼ Ġeħova jagħmlu tajjeb li jistaqsu, ‘Se nimitaha jien il-​fidi taʼ Samwel?’

a Samwel innifsu qatel lil Agag. La dan is-​sultan mill-​agħar u lanqas il-​familja tiegħu ma kien jistħoqqilhom li jintwerew ħniena. Sekli wara, id-​dixxendenti taʼ Agag milli jidher kienu jinkludu lil “Ħaman l-​Agagi,” li pprova jeqred lill-​poplu kollu t’Alla.—Ester 8:3; ara Kapitli 15 u 16 taʼ din il-​pubblikazzjoni.

AĦSEB DWAR DAN . . .

  • Samwel kif kampa mat-​traġedji li seħħew f’Silo?

  • X’għen lil Samwel jissaporti minkejja r-​ribelljoni taʼ wliedu subien?

  • Samwel kif irkupra mid-​diżappunti rigward is-​Sultan Sawl?

  • B’liema modi tixtieq timita l-​fidi taʼ Samwel?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja