LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Iddefendiet lill-Poplu t’Alla
    Imita l-Fidi Tagħhom
    • Ester

      KAPITLU ĦMISTAX

      Iddefendiet lill-​Poplu t’Alla

      1-3. (a) Ester għala setgħet ħassitha beżgħana dwar il-​prospett li tavviċina lil żewġha? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu dwar Ester?

      ESTER ipprovat tikkalma lilha nfisha hekk kif resqet lejn il-​bitħa tal-​palazz f’Susan. Ma kinitx xi ħaġa faċli. Il-​kastell kien imżejjen biex inissel stagħġib—skulturi mnaqqxin taʼ barrin bil-​ġwienaħ, arċieri, u ljuni magħmulin mill-​briks u miksijin b’lostru kulurit, u kellu kolonni tal-​ġebel skanalat u statwi impressjonanti. Kien jinsab fuq pjattaformi kbar ħdejn il-​Muntanji Zagros miksijin bis-​silġ u kien jagħti għal fuq l-​ilmijiet puri tax-​Xmara Choaspes. Dan kollu kien intenzjonat li jfakkar lil kull viżitatur fil-​qawwa immensa tar-​raġel li Ester kienet sejra tara, dak li sejjaħ lilu nnifsu “s-​sultan il-​kbir.” Kien ukoll żewġha.

      2 Żewġha? Kemm kien differenti Aħasweru mit-​tip taʼ raġel li kwalunkwe tfajla Lhudija leali għandha mnejn stenniet!a Dan ma imitax eżempji bħal t’Abraham, raġel li bl-​umiltà aċċetta d-​direzzjoni t’Alla biex jismaʼ minn martu, Sara. (Ġen. 21:12) Is-​sultan ftit li xejn kien jaf dwar l-​Alla taʼ Ester, Ġeħova, jew dwar il-​Liġi Tiegħu. Iżda Aħasweru kien jafha sew il-​liġi Persjana, inkluż il-​liġi li kienet tipprojbixxi l-​istess ħaġa li Ester kienet sejra tagħmel. Din x’kienet? Il-​liġi kienet tgħid li kull min kien jidher quddiem il-​monarka Persjan mingħajr ma jsejjaħlu s-​sultan kien ikun ħaqqu l-​mewt. Ester ma kinitx ġiet imsejħa, imma xorta waħda kienet sejra għand is-​sultan. Hekk kif qorbot lejn il-​bitħa taʼ ġewwa, fejn setgħet tidher mit-​tron tas-​sultan, għandha mnejn ħassitha riesqa lejn mewtha.—Aqra Ester 4:11; 5:1.

      3 Għala ħadet riskju bħal dan? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi taʼ din il-​mara rimarkevoli? L-​ewwel, ejja naraw kif Ester spiċċat f’din il-​pożizzjoni mhix komuni bħala sultana fil-​Persja.

      L-​Isfond taʼ Ester

      4. X’kien l-​isfond taʼ Ester, u kif spiċċat tgħix maʼ kuġinuha Mordekaj?

      4 Ester kienet orfni. Ftit li xejn nafu dwar il-​ġenituri li semmewha Ħadassa, kelma Ebrajka għal “riħana,” pjanta sabiħa li tagħmel fjuri bojod. Meta mietu l-​ġenituri taʼ Ester, wieħed mill-​qraba tagħha, raġel qalbu tajba jismu Mordekaj, ġietu ħniena minnha. Kien kuġinuha, imma Mordekaj kien ħafna akbar minnha. Lil Ester ħadha f’daru u ttrattaha daqslikieku kienet bintu.—Est. 2:5-​7, 15.

      Ester tagħti l-ikel lil Mordekaj ġo daru

      Mordekaj kellu raġuni tajba biex ikun kburi bit-tifla adottata tiegħu

      5, 6. (a) Mordekaj kif rabbieha lil Ester? (b) X’tip taʼ ħajja gawdew Ester u Mordekaj f’Susan?

      5 Mordekaj u Ester għexu bħala eżiljati Lhud f’dik il-​belt kapitali Persjana, fejn x’aktarx li kellhom jiffaċċjaw ċerta stmerrija minħabba r-​reliġjon tagħhom u l-​Liġi li pprovaw isegwu. Imma Ester ċertament li resqet eqreb lejn kuġinuha hekk kif għallimha dwar Ġeħova, l-​Alla taʼ ħniena li kien ħeles lill-​poplu Tiegħu mill-​inkwiet bosta drabi fil-​passat—u kien se jerġaʼ jeħilsu. (Lev. 26:44, 45) B’mod ċar, bejn Ester u Mordekaj żviluppat rabta taʼ mħabba u lealtà.

      6 Milli jidher, Mordekaj kien jaħdem bħala tip taʼ uffiċjal fil-​palazz f’Susan, u spiss kien ikun bilqiegħda f’bieb il-​palazz, flimkien maʼ qaddejja oħrajn tas-​sultan. (Est. 2:19, 21; 3:3) Ma nafux kif it-​tfajla Ester kienet tqattaʼ l-​ħin tagħha hi u tikber, għalkemm nistgħu ngħidu li ħadet ħsieb kuġinuha, li kien akbar minnha, u daru, li x’aktarx kienet dar żgħira fin-​naħa tal-​belt li kienet iktar fqira, in-​naħa l-​oħra tax-​xmara mill-​palazz irjali. Forsi kienet tieħu gost tmur is-​suq f’Susan, fejn arġentieri tad-​deheb u tal-​fidda, u merkanti oħrajn kienu jbigħu l-​prodotti tagħhom. Ester żgur li m’għaddilhiex minn moħħha li dawn l-​affarijiet lussużi kellhom isiru affarijiet normali għaliha fil-​futur; ma kellhiex idea dwar dak li kien hemm jistennieha.

      “Wiċċha Ħelu”

      7. Vasti għala tneħħiet mill-​kariga tagħha bħala sultana, u x’kien ir-​riżultat?

      7 Ġurnata minnhom, f’Susan qamet għagħa għax kulħadd kien qed jitkellem dwar l-​inkwiet li kien inqalaʼ fid-​dar tas-​sultan. F’festa kbira, li fiha Aħasweru pprovda ikel u nbid tajjeb għall-​irġiel nobbli tiegħu, is-​sultan iddeċieda li jsejjaħ lis-​sultana sabiħa tiegħu, Vasti, li wkoll kienet għamlet ikla kbira għan-​nisa. Imma Vasti rrifjutat li tmur. Umiljat u rrabjat ħafna, is-​sultan staqsa lill-​konsulenti tiegħu kif għandu jikkastiga lil Vasti. X’kien ir-​riżultat? Hi tneħħiet mill-​kariga tagħha bħala sultana. Imbagħad il-​qaddejja tas-​sultan bdew ifittxu tfajliet verġni li kienu sbieħ madwar l-​art kollha; minn fosthom is-​sultan kien se jagħżel sultana ġdida.—Est. 1:1–2:4.

      8. (a) Mordekaj għala setaʼ ħassu xi ftit imħasseb dwar Ester hi u tikber? (b) Kif taħseb li nistgħu napplikaw il-​ħarsa bilanċjata tal-​Bibbja dwar is-​sbuħija fiżika? (Ara wkoll Proverbji 31:30.)

      8 Nistgħu nimmaġinaw lil Mordekaj minn żmien għal żmien iħares b’affezzjoni lejn Ester u jinnota, bejn bi kburija u bejn bi tħassib, li l-​kuġina ż-​żgħira tiegħu kienet kibret—u kienet saret sabiħa ħafna. Naqraw: “It-​tfajla kienet sabiħa f’suritha u wiċċha ħelu.” (Est. 2:7) Il-​Bibbja tpinġi stampa bilanċjata tas-​sbuħija fiżika—hi pjaċevoli, imma trid tkun marbuta mal-​għerf u l-​umiltà. Inkella, tistaʼ tnissel il-​vanità, il-​kburija, u kwalitajiet koroh oħrajn. (Aqra Proverbji 11:22.) Qatt rajt dan jiġri? Fil-​każ taʼ Ester, is-​sbuħija x’kienet se tkun—t’għajnuna jew taʼ xkiel? Iż-​żmien kellu jagħti parir.

      9. (a) X’ġara meta l-​qaddejja tas-​sultan innotaw lil Ester, u għala nistgħu nkunu ċerti li l-​firda minn Mordekaj kienet diffiċli għaliha? (b) Mordekaj għala ħalla lil Ester tiżżewweġ lil xi ħadd pagan li ma kienx tal-​istess twemmin? (Inkludi l-kaxxa.)

      9 Il-​qaddejja tas-​sultan innotaw lil Ester. Fit-​tfittxija tagħhom firduha minn Mordekaj u ħaduha fil-​palazz grandjuż in-​naħa l-​oħra tax-​xmara. (Est. 2:8) Żgur li l-​firda kienet diffiċli għalihom it-​tnejn, għax kienu bħal missier u bint. Mordekaj ċertament li ma riedx li t-​tifla adottata tiegħu tiżżewweġ lil xi ħadd li ma kellux l-​istess twemmin, anki jekk kien sultan, imma ma kellux kontroll fuq is-​sitwazzjoni.b Min jaf kemm Ester semgħet b’attenzjoni l-​pariri taʼ Mordekaj qabel ma firduhom! Hekk kif ittieħdet lejn il-​kastell taʼ Susan, moħħha kien mimli mistoqsijiet. X’tip taʼ ħajja kien se jkollha?

      Intgħoġbot “Minn Kulmin Kien Jaraha”

      10, 11. (a) L-​ambjent il-​ġdid taʼ Ester kif setaʼ effettwaha faċilment? (b) Mordekaj kif wera li kien konċernat dwar Ester?

      10 Ester sabet ruħha f’dinja li kienet ġdida għalkollox u stramba għaliha. Kienet fost “ħafna tfajliet” li kienu nġabru minn ħafna postijiet fl-​Imperu Persjan. Id-​drawwiet, il-​lingwi, u l-​attitudnijiet tagħhom żgur li kienu jvarjaw ħafna. It-​tfajliet ġew fdati f’idejn uffiċjal jismu Ħegaj, u kellu jsirilhom trattament estensiv taʼ sbuħija—programm taʼ sena sħiħa li kien jinkludi massaġġi bi żjut ifuħu. (Est. 2:8, 12) Ambjent u mod taʼ ħajja bħal dan faċilment setgħu jġiegħlu lil dawn it-​tfajliet isiru ossessjonati bid-​dehra persunali tagħhom, kif ukoll vanitużi u kompetittivi. Ester kif ġiet effettwata?

      11 Ħadd ma setaʼ kien iktar konċernat dwar Ester milli kien Mordekaj. Naqraw li jum wara l-​ieħor kien imur kemm jistaʼ jkun viċin id-​dar tan-​nisa u jipprova jitkixxef kif kienet Ester. (Est. 2:11) Hekk kif semaʼ xi tagħrif dwarha, forsi mingħand qaddejja fid-​dar li kienu lesti jikkooperaw miegħu, hu żgur li ħassu kburi ħafna biha. Għala?

      12, 13. (a) Ester x’impressjoni ħalliet fuq dawk taʼ madwarha? (b) Mordekaj għala ħa pjaċir li Ester ma kinitx tkellmet dwar il-​wirt Lhudi tagħha?

      12 Ester tant impressjonat lil Ħegaj li ttrattaha b’qalb tajba bl-​imħabba kbira, u taha sebaʼ tfajliet biex ikunu qaddejja tagħha u l-​aqwa post fid-​dar tan-​nisa. Ir-​rakkont saħansitra jgħid: “Sadanittant Ester baqgħet tingħoġob minn kulmin kien jaraha.” (Est. 2:9, 15) Kienet is-​sbuħija waħedha se timpressjona lil kulħadd b’mod daqstant profond? Le, Ester ma kinitx biss sabiħa fl-​għajn.

      Ester tħares lejn in-natura hekk kif nisa żgħażagħ oħra jsebbħu lilhom infushom

      Ester kienet taf li l-umiltà u l-għerf kienu ħafna iktar importanti mid-dehra fiżika

      13 Pereżempju, naqraw: “Ester ma kienet qalet xejn dwar il-​poplu tagħha u qrabatha, għax Mordekaj stess kien ikkmandaha biex ma titkellimx.” (Est. 2:10) Mordekaj kien wissa lit-​tfajla biex tkun diskreta dwar il-​wirt Lhudi tagħha; bla dubju ra li fost il-​membri rjali Persjani kien hemm ħafna preġudizzju kontra l-​poplu tiegħu. Kemm feraħ Mordekaj meta sar jaf li issa, avolja Ester ma kinitx miegħu, xorta waħda wriet l-​istess spirtu għaqli u ubbidjenti!

      14. Iż-​żgħażagħ illum kif jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Ester?

      14 Iż-​żgħażagħ illum jistgħu bl-​istess mod iferrħu qalb il-​ġenituri jew lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Meta l-​ġenituri tagħhom ma jkunux qed jarawhom—anki jekk ikunu mdawrin b’nies li huma superfiċjali, immorali, jew kattivi—jistgħu jirreżistu influwenzi ħżiena u jżommu mal-​livelli li jafu li huma sewwa. Meta jagħmlu hekk, bħal Ester, iferrħu qalb Missierhom tas-​sema.—Aqra Proverbji 27:11.

      15, 16. (a) Ester kif rebħet l-​imħabba tas-​sultan? (b) Liema bidliet fil-​ħajja taʼ Ester setgħu kienu taʼ sfida għaliha?

      15 Meta wasal il-​waqt biex Ester tittieħed quddiem is-​sultan, ngħatat l-​opportunità tagħżel kwalunkwe ħaġa li ħasbet li setaʼ kellha bżonn, forsi biex tkompli ssebbaħ lilha nfisha. Però, bil-​modestja ma talbet xejn ħlief dak li semmielha Ħegaj. (Est. 2:15) Probabbilment intebħet li s-​sbuħija waħedha ma kinitx se tirbaħ qalb is-​sultan; iktar kien se jispikka spirtu modest u umli f’dak il-​palazz. Sewwa ħasbet?

      16 Ir-​rakkont iwieġeb: “Is-​sultan sar iħobb lil Ester iżjed min-​nisa l-​oħrajn kollha, u b’hekk inġibed lejha u wrieha qalb tajba bl-​imħabba iktar mill-​verġni l-​oħrajn kollha. U hu poġġa l-​velu rjali fuq rasha u għamilha sultana minflok Vasti.” (Est. 2:17) Bilfors li ma kienx faċli għal din it-​tfajla Lhudija umli biex tidra din il-​bidla f’ħajjitha—kienet is-​sultana l-​ġdida, mart l-​iktar monarka setgħan fuq l-​art dak iż-​żmien! Kibritilha rasha minħabba l-​pożizzjoni l-​ġdida tagħha? ’Il bogħod minn hekk!

      17. (a) Ester b’liema modi baqgħet ubbidjenti lejn missierha adottiv? (b) L-​eżempju taʼ Ester għala hu importanti għalina llum?

      17 Ester baqgħet tobdi lill-​missier adottiv tagħha, Mordekaj. Ir-​rabta tagħha man-​nies Lhud żammitha sigrieta. Iżjed minn hekk, meta Mordekaj sar jaf bi pjan biex Aħasweru jiġi assassinat, Ester b’ubbidjenza qalet lis-​sultan bit-​twissija tiegħu, u dawk li kienu fasslu l-​pjan inqabdu. (Est. 2:20-​23) Xorta waħda hi wriet il-​fidi f’Alla tagħha billi wriet spirtu umli u ubbidjenti. Kemm għandna bżonn nimitaw l-​eżempju taʼ Ester fid-​dinja tal-​lum fejn l-​ubbidjenza ma tantx titqies bħala virtù u fejn id-​diżubbidjenza u r-​ribelljoni huma komuni! Imma nies taʼ fidi ġenwina jgħożżu l-​ubbidjenza, kif kienet tagħmel Ester.

      Il-​Fidi taʼ Ester Tgħaddi Minn Prova

      18. (a) Mordekaj għala għandu mnejn irrifjuta li jmil quddiem Ħaman? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) Illum il-​ġurnata, irġiel u nisa taʼ fidi kif jimitaw l-​eżempju taʼ Mordekaj?

      18 Raġel jismu Ħaman kiseb il-​prominenza fil-​palazz taʼ Aħasweru. Is-​sultan ħatru bħala l-​prim ministru, u b’hekk għamlu l-​konsulent ewlieni tiegħu u t-​tieni l-​akbar persuna fl-​imperu. Is-​sultan saħansitra ħareġ digriet li kull min jara lil dan l-​uffiċjal għandu jmil quddiemu. (Est. 3:1-​4) Din il-​liġi kienet problema għal Mordekaj. Hu kien jemmen li kellu jobdi lis-​sultan imma mhux jekk dan kien ifisser li kien se juri nuqqas taʼ rispett lejn Alla. Ħaman kien Agagi. Dan milli jidher ifisser li kien dixxendent t’Agag, is-​sultan Għamaleki li nqatel minn Samwel, il-​profeta t’Alla. (1 Sam. 15:33) L-​Għamalekin tant kienu mill-​agħar li għamlu lilhom infushom għedewwa taʼ Ġeħova u taʼ Iżrael. Bħala poplu, l-​Għamalekin kienu kundannati minn Alla.c (Dt. 25:19) Lhudi leali kif setaʼ jmil quddiem Għamaleki? Mordekaj ma setax. Hu ma mielx quddiemu. Sal-​ġurnata tal-​lum, irġiel u nisa taʼ fidi ssograw ħajjithom biex iżommu maʼ dan il-​prinċipju: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.”—Atti 5:29.

      19. Ħaman x’ried jagħmel, u x’għamel biex jipperswadi lis-​sultan?

      19 Ħaman kien inkorlat. Imma ma kienx biżżejjed għalih li jsib mod kif joqtol lil Mordekaj. Hu ried jeqred lill-​poplu kollu taʼ Mordekaj! Ħaman ipperswada lis-​sultan billi tefaʼ dell ikrah fuq il-​Lhud. Mingħajr ma semmiehom b’isimhom, hu ta x’jifhem li ma kienu jiswew għal xejn, poplu “mxerred u separat fost il-​popli.” Saħansitra agħar minn hekk, hu qal li ma kinux jobdu l-​liġijiet tas-​sultan; għaldaqstant kienu ribelli perikolużi. Hu offra li jagħti kemxa flus ġmielha lit-​teżorerija tas-​sultan biex tkopri l-​ispejjeż tal-​qtil tal-​Lhud kollha fl-​imperu.d Aħasweru ta lil Ħaman iċ-​ċurkett tas-​siġill tas-​sultan innifsu biex jissiġilla kwalunkwe ordni li kellu f’moħħu.—Est. 3:5-​10.

      20, 21. (a) Il-​proklamazzjoni taʼ Ħaman x’effett kellha fuq il-​Lhud fl-​Imperu Persjan, inkluż Mordekaj? (b) Mordekaj x’talabha bil-​ħrara biex tagħmel lil Ester?

      20 Fi żmien qasir, xi messaġġiera kienu għaddejjin bil-​ħeffa fuq iż-​żwiemel sejrin f’kull rokna tal-​imperu vast biex iwasslu dak li bażikament kien sentenza tal-​mewt lin-​nies Lhud. Immaġina l-​impatt taʼ din il-​proklamazzjoni meta waslet f’Ġerusalemm li kienet ’il bogħod. Hemmhekk kien hemm fdal Lhudi li kien mar lura mill-​eżilju f’Babilonja u li kien qed jitħabat biex jerġaʼ jibni belt li kien għad ma kellhiex sur biex jiddefendiha. Forsi Mordekaj ħaseb fih, kif ukoll fi sħabu u qrabatu stess f’Susan, meta semaʼ bl-​aħbar terribbli. Imnikket għall-​aħħar, ċarrat ħwejġu, libes ilbies magħmul mill-​ixkora u tefaʼ l-​irmied fuq rasu, u beda jgħajjat għajjat kbir f’nofs il-​belt. Madankollu, Ħaman qagħad jixrob mas-​sultan, u xejn ma ddispjaċieh għan-​niket li kien ikkaġuna fost il-​ħafna Lhud u l-​ħbieb tagħhom f’Susan.—Aqra Ester 3:12–4:1.

      21 Mordekaj kien jaf li ma setax joqgħod b’idejh fuq żaqqu. Imma x’setaʼ jagħmel? Ester semgħet bl-​għali tiegħu u bagħtitlu xi ħwejjeġ, imma Mordekaj ma riedx jitfarraġ. Forsi kien ilu jaħseb għala Alla tiegħu, Ġeħova, kien ħalla lill-​għażiża Ester tittiħidlu u ssir is-​sultana taʼ ħakkiem pagan. Issa r-​raġuni donnha kienet qed tfiġġ. Mordekaj bagħat messaġġ lis-​sultana, u fih talab lil Ester bil-​ħrara biex tmur quddiem is-​sultan ħalli tiddefendi lill-​“poplu tagħha.”—Est. 4:4-​8.

      22. Ester għala beżgħet tidher quddiem żewġha s-​sultan? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

      22 Ester bilfors li ħasset qtigħ il-​qalb meta semgħet il-​messaġġ. Din kienet l-​akbar prova tal-​fidi tagħha. Ħassitha mbeżżgħa, kif uriet b’mod ċar fir-​risposta tagħha lil Mordekaj. Fakkritu fil-​liġi tas-​sultan. Jekk xi ħadd kien jidher quddiem is-​sultan mingħajr ma jkun sejjaħlu kien jingħata s-​sentenza tal-​mewt. Kien biss jekk is-​sultan imidd ix-​xettru tad-​deheb tiegħu li l-​ħati kien jinħeles. U Ester, kellha xi raġuni għala setgħet tistenna li tintwera ħniena bħal din, speċjalment meta tqis dak li ġara lil Vasti meta kienet irrifjutat il-​kmand tas-​sultan biex tmur quddiemu? Ester qalet lil Mordekaj li s-​sultan kien ilu 30 jum ma jistidinha tmur ħdejh! Ladarba kien ilu żmien twil ma jsejħilha, bir-​raġun setgħet iddubitat jekk kienx għad kellha l-​favur tas-​sultan li kien qisu pinnur.e—Est. 4:9-​11.

      23. (a) Mordekaj x’qal biex isaħħaħ il-​fidi taʼ Ester? (b) Mordekaj għala jistħoqqlu jiġi imitat?

      23 Mordekaj wieġeb b’mod sod biex lil Ester isaħħilha l-​fidi. Hu assiguraha li jekk ma tiħux azzjoni hi, il-​Lhud kienu se jiksbu salvazzjoni minn sors ieħor. Imma kif setgħet tistenna li tinħeles meta l-​persekuzzjoni kienet se tiħrax? Hawnhekk Mordekaj wera l-​fidi kbira tiegħu f’Ġeħova, li qatt ma kien se jħalli lill-​poplu Tiegħu jinqered għalkollox u l-​wegħdi Tiegħu ma jitwettqux. (Ġoż. 23:14) Imbagħad Mordekaj staqsa lil Ester: “Min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ksibt dinjità rjali?” (Est. 4:12-​14) Ma taqbilx int li Mordekaj jistħoqqlu jiġi imitat? Kellu fiduċja sħiħa f’Alla tiegħu, Ġeħova. Xi ngħidu għalina?—Prov. 3:5, 6.

      Fidi Iktar b’Saħħitha mill-​Biżaʼ mill-​Mewt

      24. Ester kif uriet il-​fidi u l-​kuraġġ?

      24 Għal Ester kien wasal il-​mument biex tieħu deċiżjoni. Staqsiet lil Mordekaj biex jgħid lil-​Lhud ħalli jsumu magħha għal tlett ijiem, u temmet il-​messaġġ tagħha bi stqarrija sempliċi taʼ fidi u kuraġġ li dwiet tul is-​sekli: “Fil-​każ li għandi mmut, immut.” (Est. 4:15-​17) Żgur li f’ħajjitha qatt ma kienet talbet b’daqstant ħerqa daqskemm talbet f’dawk it-​tlett ijiem. Però, fl-​aħħar kien wasal il-​waqt. Libset l-​isbaħ ilbies irjali tagħha ħalli tagħmel l-​almu tagħha biex togħġob lis-​sultan. Imbagħad marret.

      Ester tidħol fil-palazz tas-Sultan Aħasweru liebsa lbies irjali

      Ester issograt ħajjitha biex tipproteġi lill-poplu t’Alla

      25. Iddeskrivi kif żvolġew l-​affarijiet hekk kif Ester dehret quddiem żewġha.

      25 Bħalma ġie deskritt fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu, Ester resqet lejn il-​palazz tas-​sultan. Nistgħu biss nimmaġinaw il-​ħsibijiet taʼ ansjetà u t-​talb bil-​ħrara li kienu għaddejjin minn moħħha u qalbha. Ħarġet fil-​bitħa, minn fejn setgħet tara lil Aħasweru fuq it-​tron tiegħu. Forsi pprovat taqra l-​espressjoni taʼ wiċċu. Jekk kellha tistenna, żgur li l-​ħin ratu eternità. Imma l-​mument għadda—żewġha raha. Veru, ma kienx qed jistennieha, imma l-​espressjoni tiegħu rtabet. Medd ix-​xettru tad-​deheb tiegħu!—Est. 5:1, 2.

      26. Il-​Kristjani veri għala jeħtieġu kuraġġ bħal taʼ Ester, u għala nistgħu ngħidu li xogħolha kien għadu jibda?

      26 Ester kien irnexxielha tidher quddiem is-​sultan. Kienet ħadet waqfa għal Alla tagħha u għall-​poplu tagħha, u b’hekk ħalliet eżempju taʼ fidi mill-​isbaħ għall-​qaddejja kollha t’Alla tul iż-​żminijiet. Il-​Kristjani veri llum jgħożżu eżempji bħal dawn. Ġesù qal li s-​segwaċi veri tiegħu kellhom ikunu identifikati mill-​imħabba mhix egoistika. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) Spiss ikun meħtieġ kuraġġ bħal taʼ Ester biex turi mħabba bħal din. Imma anki wara li Ester iddefendiet lin-​nies t’Alla dakinhar, xogħolha kien għadu jibda. Kif kienet se tikkonvinċi lis-​sultan li l-​kunsillier favorit tiegħu, Ħaman, kien qed jagħmel konfoffa mill-​agħar? Kif setgħet tgħin biex issalva lil niesha? Se nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet fil-​kapitlu li jmiss.

      a Hu mifhum minn ħafna li Aħasweru hu Serse I, li ħakem fuq l-​Imperu Persjan kmieni fil-​ħames seklu Q.E.K.

      b Ara l-​kaxxa “Mistoqsijiet Dwar Ester,” f’Kapitlu 16.

      c Ħaman għandu mnejn kien fost l-​aħħar ftit Għamalekin, ladarba l-​“fdal” tagħhom kien inqered lura fi żmien is-​Sultan Ħeżekija.—1 Kron. 4:43.

      d Ħaman offra 10,000 talent tal-​fidda, li llum jiswew mijiet taʼ miljuni taʼ ewro. Jekk Aħasweru kien Serse I, il-​flus għandhom mnejn għamlu l-​offerta taʼ Ħaman saħansitra iktar attraenti. Serse kien tilef fortuna kbira fil-​gwerra diżastruża tiegħu kontra l-​Griegi, milli jidher qabel ma żżewweġ lil Ester.

      e Serse I kien magħruf li jbiddel ħsiebu u li jitilgħulu. L-​istorjografu Grieg Erodotu niżżel bil-​miktub xi eżempji mill-​gwerra taʼ Serse kontra l-​Greċja. Is-​sultan ordna li jinbena pont fuq l-​istrett tal-​Ellespont. Meta l-​pont iġġarraf minħabba maltempata, Serse ordna li l-​inġiniera tinqatgħalhom rashom u saħansitra qabbad lill-​irġiel tiegħu “jikkastigaw” lill-​Ellespont billi jsawtu l-​ilma bil-​frosta filwaqt li nqrat b’leħen għoli proklamazzjoni insolenti. Fl-​istess kampanja, meta raġel għani talab bil-​ħrara biex ibnu jiġi skużat milli jingħaqad mal-​armata, Serse ordna li l-​iben jinqasam fi tnejn, u mbagħad ġismu jitqiegħed fejn jidher bħala twissija.

      AĦSEB DWAR DAN . . .

      • Ester kif uriet li kienet umli u ubbidjenti?

      • Mordekaj kif għen lil Ester taġixxi b’lealtà?

      • Liema azzjonijiet juru li Ester kienet kuraġġuża?

      • B’liema modi tixtieq timita l-​fidi taʼ Ester?

  • Aġixxiet b’Għaqal, b’Kuraġġ, u bla Egoiżmu
    Imita l-Fidi Tagħhom
    • Is-Sultana Ester

      KAPITLU SITTAX

      Aġixxiet b’Għaqal, b’Kuraġġ, u bla Egoiżmu

      1-3. (a) Kif ħassitha Ester hi u tavviċina t-​tron taʼ żewġha? (b) Is-​sultan kif irreaġixxa għaż-​żjara taʼ Ester?

      ESTER resqet bil-​mod lejn it-​tron, qalbha tħabbat sitta sitta. Immaġina l-​ħemda li waqgħet fil-​kamra rjali kbira fil-​palazz Persjan taʼ Susan, tant li Ester setgħet tismaʼ l-​passi ħfief tagħha stess u t-​tħaxwix tal-​ilbies irjali li kellha fuqha. Kien importanti li ma tintilifx tħares lejn il-​lussu tal-​palazz irjali li kellu kolonni eleganti u s-​saqaf bit-​tinqix rikk fuq l-​injam taċ-​ċedru importat mill-​pajjiż imbiegħed tal-​Libanu. Għajnejha ma qalgħethomx minn fuq ir-​raġel li kien bilqiegħda fuq it-​tron—ir-​raġel li ħajjitha kienet f’idejh.

      2 Is-​sultan ħares lejn Ester b’attenzjoni hekk kif avviċinatu, u medd ix-​xettru tiegħu tad-​deheb lejha. Kien ġest sempliċi, imma dan salvalha ħajjitha għax kien ifisser li s-​sultan kien skużaha talli kienet għadha kif kisret regola—dik li tidher quddiemu mingħajr stedina rjali. Xħin waslet quddiem it-​tron, Ester ħarġet idha u messet tarf ix-​xettru bħala sinjal taʼ gratitudni.—Est. 5:1, 2.

      Is-Sultana Ester tavviċina t-tron tas-Sultan Aħasweru hekk kif medd ix-xettru tad-deheb tiegħu

      B’umiltà, Ester irrikonoxxiet il-ħniena tas-sultan

      3 Is-​Sultan Aħasweru kien sultan għani u setgħan ħafna. Jingħad li l-​ilbies irjali tal-​monarki Persjani taʼ dak iż-​żmien kien jiswa l-​ekwivalenti taʼ mijiet taʼ miljuni taʼ ewro. Iżda Ester setgħet tara li, bil-​mod kif kien jaf hu, żewġha kien iħobbha. Hu qal: “X’għandek, O Sultana Ester, u xi trid? Anki sa nofs is-​saltna nagħtik!”—Est. 5:3.

      4. Ester liema sfidi kellha quddiemha?

      4 Ester kienet diġà wriet fidi u kuraġġ liema bħalhom; hi kienet marret quddiem is-​sultan biex tipproteġi lin-​nies tagħha minn komplott biex jinqatlu kollha. S’issa kien irnexxielha, imma l-​kbir kien għadu ġej. Hi kellha tikkonvinċi lil dan il-​monarka kburi li l-​iktar kunsillier fdat minnu kien raġel mill-​agħar li kien qarraq bih ħalli jagħti l-​kundanna tal-​mewt lin-​nies taʼ Ester. Kif kienet se tipperswadih, u x’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi tagħha?

      B’Għaqal Għażlet “Żmien li Titkellem”

      5, 6. (a) Ester kif applikat il-​prinċipju li nsibu f’​Ekkleżjasti 3:1, 7? (b) Ester kif uriet l-​għaqal bil-​mod kif kellmet lil żewġha?

      5 Kellha Ester tgħid lis-​sultan x’kienet il-​problema quddiem dawk kollha preżenti? Li kieku kellha tagħmel hekk, setgħet timbarazzah u tagħti l-​opportunità lil Ħaman il-​kunsillier biex joġġezzjona għall-​akkużi tagħha kontrih. Allura Ester x’għamlet? Sekli qabel, is-​sultan għaref Salamun ġie ispirat biex jikteb: “Għal kollox hemm żmien stabbilit; . . . żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekk. 3:1, 7) Wieħed jistaʼ jobsor li l-​missier adottiv taʼ Ester, ir-​raġel leali Mordekaj, kien jgħallem lill-​mara żagħżugħa prinċipji bħal dawn hi u tikber taħt il-​ħarsien tiegħu. Ester żgur li fehmet l-​importanza li tagħżel sew “żmien li titkellem.”

      6 Ester qalet: “Jekk is-​sultan jidhirlu li hu tajjeb, ħa jiġi llum is-​sultan maʼ Ħaman għall-​ikla kbira li għamiltlu.” (Est. 5:4) Is-​sultan qabel, u sejjaħ lil Ħaman. Tistaʼ tara kemm Ester kienet għaqlija fi kliemha? Hi wriet dinjità lejn żewġha u ħalqet opportunità iktar xierqa biex tgħidlu b’dak li kien qed jinkwetaha.—Aqra Proverbji 10:19.

      7, 8. Kif kienet l-​ewwel ikla taʼ Ester, iżda għala qagħdet tittratieni biex tkellem lis-​sultan?

      7 Bla ebda dubju, Ester għamlet it-​tħejjijiet kollha għal dik il-​festa bir-​reqqa u għamlet ċert li tinkludi kulma kien iħobb żewġha. Fl-​ikla kien hemm inkluż ukoll inbid fin biex iqajjem spirtu taʼ ferħ. (Salm 104:15) Aħasweru ħa pjaċir, u ġie mqanqal jerġaʼ jistaqsi lil Ester x’kienet it-​talba tagħha. Kien dan il-​mument li titkellem?

      8 Għal Ester ma kienx il-​mument adattat li titkellem. Minflok, hi stiednet lis-​sultan u lil Ħaman għal ikla oħra l-​għada. (Est. 5:7, 8) Għala qagħdet tittratieni? Ftakar li n-​nies kollha taʼ Ester kienu qed jiffaċċjaw il-​mewt minħabba d-​digriet tas-​sultan. Ester kellha tagħżel il-​ħin opportun biex titkellem għax kien hemm il-​ħajja taʼ ħafna nies fin-​nofs. Għalhekk, hi stenniet u reġgħet ħalqet opportunità oħra biex turi lil żewġha kemm kienet tirrispettah.

      9. Kemm hi prezzjuża l-​paċenzja, u kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ester f’dan ir-​rigward?

      9 Il-​paċenzja hi kwalità rari u prezzjuża. Għalkemm kienet inkwetata ħafna u riedet tgħid lis-​sultan b’kulma kien qed jiġri, Ester stenniet bil-​paċenzja l-​ħin opportun. Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​eżempju tagħha għax x’aktarx li lkoll kemm aħna naraw affarijiet li jkollhom bżonn jitranġaw. Jekk inkunu rridu nikkonvinċu lil xi ħadd fl-​awtorità biex jindirizza xi problema, għandu mnejn ikollna bżonn nimitaw lil Ester u nkunu paċenzjużi. Proverbji 25:15 jgħid: “Il-​paċenzja tipperswadi kmandant, u lsien ġwejjed jistaʼ jkisser għadma.” Jekk bil-​paċenzja nistennew il-​ħin opportun u nitkellmu bil-​ħlewwa, bħalma għamlet Ester, nistgħu saħansitra nipperswadu lil xi ħadd li jkun jopponi ħafna. Berikha Ġeħova, l-​Alla taʼ Ester, għall-​paċenzja u l-​għerf tagħha?

      Il-​Paċenzja Twitti t-​Triq għall-​Ġustizzja

      10, 11. X’biddillu l-​burdata lil Ħaman wara l-​ewwel ikla, u martu u ħbiebu x’ħeġġewh jagħmel?

      10 Il-​paċenzja taʼ Ester wittiet it-​triq għal serje taʼ ġrajjiet rimarkevoli. Wara l-​ewwel ikla, Ħaman kien f’burdata tajba, “kuntent u b’qalbu ferħana” għax ħaseb li s-​sultan u s-​sultana kienu jippreferu lilu iktar minn ħaddieħor. Iżda hekk kif Ħaman ħareġ mill-​bieb tal-​kastell, lemaħ lil Mordekaj, il-​Lhudi li baqaʼ jirrifjuta li jmil quddiemu. Bħalma rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, ir-​raġunijiet taʼ Mordekaj ma kellhomx x’jaqsmu mad-​diżrispett imma mal-​kuxjenza tiegħu u r-​relazzjoni li kellu m’Alla Ġeħova. Iżda Ħaman “mill-​ewwel imtela bir-​rabja.”—Est. 5:9.

      11 Meta Ħaman qal lil martu u lil ħbiebu dwar dan l-​insult, huma ħeġġewh biex jipprepara għuda kbira, b’tul taʼ iktar minn 22 metru, u mbagħad jitlob permess mingħand is-​sultan biex idendel lil Mordekaj magħha. Ħaman għoġbitu din l-​idea u minnufih ordna lil xi ħadd jagħmilha.—Est. 5:12-​14.

      12. Is-​sultan għala ried li r-​rekords uffiċjali tal-​Istat jinqrawlu b’leħen għoli, u x’tgħallem minħabba f’hekk?

      12 Sadattant, is-​sultan kellu lejl mhux tas-​soltu. Il-​Bibbja tgħidilna li “s-​sultan tarlu n-​ngħas,” u għalhekk ra li r-​rekords uffiċjali tal-​Istat jinqrawlu b’leħen għoli. Il-​qari kien jinkludi rapport taʼ komplott biex Aħasweru jiġi assassinat. Hu ftakar fil-​kwistjoni; dawk li kellhom ikunu l-​qattiela nqabdu u nqatlu. Iżda xi ngħidu għar-​raġel li kien kixef il-​komplott—Mordekaj? Is-​sultan staqsa kif Mordekaj kien ġie premjat. X’kienet it-​tweġiba? Ma kien ħa ebda premju.—Aqra Ester 6:1-​3.

      13, 14. (a) L-​affarijiet kif bdew imorru ħażin għal Ħaman? (b) Mart Ħaman u ħbiebu x’qalulu?

      13 B’rogħda fuqu, is-​sultan staqsa liema uffiċjali tal-​palazz kienu disponibbli biex jgħinuh jikkoreġi dan l-​iżball. Minn tant nies, fil-​palazz tas-​sultan kien hemm Ħaman—milli jidher kmieni filgħodu għax kien ħerqan biex jingħata permess li joqtol lil Mordekaj. Imma qabel ma Ħaman setaʼ jagħmel it-​talba tiegħu, is-​sultan staqsieh kif l-​aħjar setaʼ jagħti unur lil raġel li kellu l-​approvazzjoni tas-​sultan. Ħaman assuma li s-​sultan kellu lilu stess f’moħħu. Għalhekk, Ħaman ħareġ b’idea stravaganti kif jagħtih unur: Ilibbes lir-​raġel bi lbies irjali, u jqabbad lil uffiċjal għoli jdawru madwar Susan fuq iż-​żiemel tas-​sultan stess, filwaqt li jfaħħar lir-​raġel b’leħen għoli ħalli kulħadd jisimgħu. Immaġina l-​espressjoni fuq wiċċ Ħaman meta sar jaf li r-​raġel li kellu jingħata l-​unur kien Mordekaj! U s-​sultan lil min inkariga biex jagħti tifħir lil Mordekaj? Lil Ħaman!—Est. 6:4-​10.

      14 Kontra qalbu, Ħaman għamel dak li għalih kien dmir mistkerrah u mbagħad mar jiġri d-​dar imdejjaq. Martu u ħbiebu qalulu li l-​mod kif seħħew l-​affarijiet kien sinjal li ma kien se joħroġ ebda ġid; ma kienx se jkollu suċċess fil-​ġlieda tiegħu kontra Mordekaj il-​Lhudi.—Est. 6:12, 13.

      15. (a) X’ġid ħareġ mill-​fatt li Ester kienet paċenzjuża? (b) Għala jkun għaqli li ‘nistennew b’attitudni xierqa’?

      15 Peress li Ester kienet paċenzjuża u stenniet ġurnata oħra biex tippreżenta t-​talba tagħha lis-​sultan, Ħaman ngħata ż-​żmien biex iwaqqaʼ l-​ġebla fuq saqajh. Jistaʼ jkun li kien Alla Ġeħova li ġiegħel li s-​sultan ma jorqodx. (Prov. 21:1) Mhux taʼ b’xejn li l-​Kelma t’Alla tinkuraġġina biex ‘nistennew b’attitudni xierqa’! (Aqra Mikea 7:7.) Meta nafdaw f’Alla u nistennewh jaġixxi, nistgħu naraw li s-​soluzzjonijiet tiegħu għall-​problemi tagħna jkunu bil-​wisq aħjar minn kulma stajna nagħmlu aħna.

      Tkellmet b’Kuraġġ

      16, 17. (a) “Iż-​żmien li titkellem” meta wasal għal Ester? (b) Ester kif kienet differenti minn Vasti, il-​mara li s-​sultan kellu qabel?

      16 Ester ma ssogratx iġġarrab il-​paċenzja tas-​sultan iktar; fit-​tieni ikla li għamlet, kellha tgħidlu b’kollox, mill-​a saż-​żeta. Imma kif? Ġara li ġietha x-​xoqqa f’moxtha għax is-​sultan reġaʼ staqsieha x’kienet it-​talba tagħha. (Est. 7:2) “Iż-​żmien li titkellem” kien wasal għal Ester.

      17 Nistgħu nġibu lil Ester quddiem għajnejna tgħid talba f’qalbha lil Alla tagħha qabel ma lissnet dan il-​kliem: “Jekk għoġobtok, O sultan, u jekk is-​sultan jidhirlu li hu tajjeb, dak li qed nitlob u dak li rrid hu li jingħatawli ħajti u l-​poplu tiegħi.” (Est. 7:3) Innota li hi assigurat lis-​sultan li kienet tirrispetta l-​ġudizzju tiegħu rigward dak li kien jidher tajjeb. Kemm kienet differenti Ester minn Vasti, il-​mara li s-​sultan kellu qabel u li kienet umiljat lil żewġha apposta! (Est. 1:10-​12) Iktar minn hekk, Ester ma kkritikatx lis-​sultan talli bi bluha fada f’Ħaman. Minflok, hi talbet lis-​sultan bil-​ħrara biex jipproteġiha minn periklu għal ħajjitha stess.

      18. Ester kif qaltlu x’inhi l-​problema lis-​sultan?

      18 Dik it-​talba żgur li qanqlet lis-​sultan u ħallietu b’ħalqu miftuħ. Min kien se jażżarda jpoġġi lis-​sultana tiegħu fil-​periklu? Ester kompliet tgħid: “Aħna ġejna mibjugħin, jien u l-​poplu tiegħi biex ninġiebu fix-​xejn, ninqatlu u ninqerdu. Issa kieku ġejna mibjugħin sempliċement bħala rġiel u nisa lsiera kont nibqaʼ siekta. Imma dan in-​niket m’huwiex xieraq meta jkun bi ħsara għas-​sultan.” (Est. 7:4) Innota li Ester qalet x’inhi l-​problema bla tlaqliq, iżda żiedet tgħid li kienet se tibqaʼ siekta dwarha li kieku t-​theddida kienet sempliċement il-​jasar. Iżda s-​sultan innifsu kien imur minn taħt minħabba dan il-​ġenoċidju, u għalhekk ma setgħetx ma titkellimx.

      19. X’nistgħu nitgħallmu minn Ester dwar l-​arti tal-​persważjoni?

      19 L-​eżempju taʼ Ester jgħallimna ħafna dwar l-​arti tal-​persważjoni. Jekk qatt ikollok bżonn tkellem lil xi ħadd maħbub jew saħansitra lil persuna fl-​awtorità dwar xi problema serja, il-​paċenzja, flimkien mar-​rispett u l-​onestà, tistaʼ tkun t’għajnuna kbira.—Prov. 16:21, 23.

      20, 21. (a) Ester kif kixfet il-​komplott taʼ Ħaman, u dan qanqal liema reazzjoni mis-​sultan? (b) Ħaman kif aġixxa meta ġie akkużat li hu ġifa makakk?

      20 Aħasweru kkmanda: “Min hu dan, u fejn hu dak li kellu l-​wiċċ jagħmel hekk?” Immaġina lil Ester tipponta subgħajha hi u tgħid: “L-​avversarju u l-​għadu huwa dan ir-​raġel ħażin Ħaman.” Kif kienet se tkun ir-​reazzjoni għal din l-​akkuża serja? Ħaman niżlulu msarnu f’saqajh. Ġib quddiem għajnejk lill-​monarka hekk kif telagħlu d-​demm għal rasu xħin intebaħ li l-​kunsillier fdat kien qarraq bih biex jiffirma ordni li kienet se twassal għall-​mewt taʼ martu l-​għażiża! Is-​sultan ħareġ jiġri barra fil-​ġnien biex jikkalma ftit.—Est. 7:5-​7.

      Fit-tieni ikla tagħha, Ester tgħid lis-Sultan Aħasweru b’kollox, u b’kuraġġ tipponta lejn Ħaman

      B’kuraġġ, Ester kixfet il-ħażen taʼ Ħaman

      21 Ħaman, li kien ġie akkużat li hu ġifa makakk, beda jittallab bil-​ħniena lis-​sultana biex tgħinu. Meta s-​sultan daħal lura fil-​kamra u ra lil Ħaman fuq id-​divan taʼ Ester jitkarrbilha, fir-​rabja akkuża lil Ħaman li kien qed jipprova jistupra lis-​sultana f’dar is-​sultan stess. Din kienet id-​daqqa tal-​mewt għal Ħaman. Hu ttieħed ’l hemm b’wiċċu mgħotti. Wieħed mill-​uffiċjali tas-​sultan imbagħad tkellem u qal lis-​sultan dwar l-​għuda kbira li Ħaman kellu lesta għal Mordekaj. Aħasweru minnufih ordna li Ħaman innifsu jiġi mdendel maʼ din l-​istess għuda.—Est. 7:8-​10.

      22. L-​eżempju taʼ Ester kif jistaʼ jgħallimna biex qatt ma niddispraw, naqtgħu qalbna, jew nitilfu l-​fidi?

      22 Fid-​dinja inġusta tal-​lum huwa faċli taħseb li qatt ma se naraw li ssir ġustizzja. Qatt ħassejtek hekk? Ester qatt ma ddisprat, qatt ma qatgħet qalbha, u qatt ma tilfet il-​fidi. Meta wasal iż-​żmien, hi tkellmet b’kuraġġ għal dak li kien sewwa u għall-​kumplament ħalliet f’idejn Ġeħova. Ejja nagħmlu l-​istess! Ġeħova ma nbidilx minn żmien Ester sal-​lum. Hu għadu kapaċi jaqbad lin-​nies mill-​agħar u makakki fin-​nases tagħhom stess, sewwasew bħalma għamel lil Ħaman.—Aqra Salm 7:11-​16.

      Aġixxiet bla Egoiżmu Għal Ġeħova u għall-​Poplu Tiegħu

      23. (a) Is-​sultan kif ippremjahom lil Mordekaj u lil Ester? (b) Il-​profezija dwar Benjamin li Ġakobb bassar meta kien fuq is-​sodda tal-​mewt tiegħu kif twettqet? (Ara l-kaxxa “Profezija Mwettqa.”)

      23 Fl-​aħħar, is-​sultan sar jaf min kien Mordekaj—mhux biss il-​protettur leali tiegħu kontra l-​assassinju imma anki r-​raġel li kien rabba lil Ester. Aħasweru ħatar lil Mordekaj bħala prim ministru minflok Ħaman. Is-​sultan ta d-​dar taʼ Ħaman u l-​ġid kbir li kellu lil Ester, li min-​naħa tagħha inkarigat lil Mordekaj biex jieħu ħsiebhom.—Est. 8:1, 2.

      24, 25. (a) Ester għala xorta ma setgħetx isserraħ rasha wara li nkixef il-​komplott taʼ Ħaman? (b) Ester kif reġgħet issograt ħajjitha?

      24 Issa li Ester u Mordekaj kienu fiż-​żgur, setgħet is-​sultana sserraħ rasha? Iva, kieku kienet egoista. Dak il-​ħin, id-​digriet taʼ Ħaman biex joqtol lil-​Lhud kollha kien qed jintbagħat mal-​imperu kollu. Ħaman kien tefaʼ x-​xorti, jew il-​Pur—milli jidher forma taʼ spiritiżmu—ħalli jiddetermina l-​ħin opportun biex iwettaq dan l-​attakk aħrax. (Est. 9:24-​26) Il-​ġurnata kienet għadha ’l bogħod, iżda kienet riesqa bil-​ħeffa. Id-​diżastru setaʼ jiġi evitat?

      25 Bla egoiżmu, Ester reġgħet issograt ħajjitha u dehret quddiem is-​sultan, għal darb’oħra mingħajr stedina uffiċjali. Din id-​darba, hi bdiet tibki lin-​nies tagħha u titlob lil żewġha bil-​ħniena biex iħassar dak id-​digriet terribbli. Iżda l-​liġijiet li kienu jgħaddu f’isem il-​monarka Persjan ma setgħux jitħassru. (Dan. 6:12, 15) Għalhekk, is-​sultan ta s-​setgħa lil Ester u lil Mordekaj biex joħorġu liġi ġdida. Għalhekk, intbagħtet proklamazzjoni oħra li tat lil-​Lhud id-​dritt li jiddefendu lilhom infushom. Ir-​rikkieba marru jiġru lejn kull parti tal-​imperu, u ħadu magħhom din l-​aħbar tajba lil-​Lhud. Reġaʼ kien hemm xrara taʼ tama fost ħafna Lhud. (Est. 8:3-​16) Nistgħu nimmaġinaw lil-​Lhud taʼ dak l-​imperu vast jarmaw u jħejju ruħhom għall-​battalja li ma setgħu qatt jagħmlu mingħajr dik il-​liġi ġdida. Iżda iktar importanti minn hekk, kellu “Ġeħova taʼ l-​armati” jkun mal-​poplu tiegħu?—1 Sam. 17:45.

      Hekk kif Ester u Mordekaj jiddettaw it-tieni proklamazzjoni, raġel żagħżugħ iniżżilha bil-miktub

      Ester u Mordekaj bagħtu proklamazzjonijiet lil-Lhud tal-Imperu Persjan

      26, 27. (a) Kemm kienet kbira u kompleta r-​rebħa li Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu fuq l-​għedewwa tagħhom? (b) Liema profezija twettqet permezz tal-​qerda taʼ wlied Ħaman?

      26 Meta finalment wasal il-​jum magħżul, in-​nies t’Alla kienu lesti. Saħansitra ħafna uffiċjali Persjani kienu fuq in-​naħa tagħhom issa għax l-​aħbar dwar il-​prim ministru l-​ġdid, Mordekaj il-​Lhudi, ġriet maʼ kullimkien. Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu rebħa kbira. Bla dubju, hu għamel ċert li l-​għedewwa jkunu mirbuħin għalkollox sabiex ma jkunux jistgħu jagħmlu l-​ħsara lin-​nies tiegħu.a—Est. 9:1-​6.

      27 Iktar minn hekk, Mordekaj qatt ma kellu jkun fiż-​żgur biex jippresiedi fuq id-​dar taʼ Ħaman sakemm l-​għaxart itfal subien taʼ dak ir-​raġel mill-​agħar idumu ħajjin. Anki huma nqatlu. (Est. 9:7-​10) B’hekk, twettqet profezija tal-​Bibbja għax iktar kmieni Alla kien bassar il-​qerda kompleta tal-​Għamalekin, li taw prova li kienu għedewwa mill-​agħar tal-​poplu tiegħu. (Dt. 25:17-​19) Ulied Ħaman setgħu faċilment kienu fost dawk li kienu minn tal-​aħħar f’dak il-​ġens kundannat.

      28, 29. (a) Għala kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova li Ester u n-​nies tagħha jkunu involuti fil-​gwerra? (b) L-​eżempju taʼ Ester għala hu taʼ barka għalina llum?

      28 Anki ż-​żagħżugħa Ester kellha terfaʼ fuq spallejha piż tassew tqil—bħal pereżempju l-​liġijiet irjali rigward il-​gwerra u l-​qtil. Żgur li ma kienx faċli. Iżda r-​rieda taʼ Ġeħova kienet titlob li l-​poplu tiegħu jkun protett mill-​qerda; mill-​ġens taʼ Iżrael kellu joħroġ il-​Messija mwiegħed, l-​uniku sors taʼ tama għall-​umanità kollha! (Ġen. 22:18) Il-​qaddejja t’Alla llum jitgħaxxqu għax jafu li meta l-​Messija, Ġesù, ġie fuq l-​art, hu pprojbixxa lis-​segwaċi tiegħu minn dak iż-​żmien ’il quddiem li jieħdu sehem fi gwerer.—Mt. 26:52.

      29 Xorta waħda, il-​Kristjani jieħdu sehem fi gwerra spiritwali; Satana hu ħerqan iktar minn qatt qabel biex jeqred il-​fidi tagħna f’Alla Ġeħova. (Aqra t-​2 Korintin 10:3, 4.) X’barka hi li għandna lil Ester bħala eżempju! Bħalha, jalla nuru l-​fidi billi: nużaw il-​persważjoni b’għaqal u bil-​paċenzja, inrabbu l-​kuraġġ, u nuru li bla egoiżmu aħna lesti li niddefendu lill-​poplu t’Alla.

      Mistoqsijiet Dwar Ester

      Mordekaj għala ħalla lil Ester tiżżewweġ lil xi ħadd pagan li ma kienx tal-​istess twemmin?

      M’hemm l-​ebda bażi għal dak li jgħidu xi studjużi dwar li Mordekaj kien opportunist li ried lil Ester tiżżewweġ lis-​sultan minħabba l-​prestiġju. Bħala Lhudi leali, hu ma kienx se jkun favur dan iż-​żwieġ. (Dt. 7:3) It-​tradizzjoni Lhudija tal-​qedem tgħid li Mordekaj ipprova jżommhom milli jiżżewġu. Ma tantx jidher li hu stess jew Ester kellha għażla f’din il-​kwistjoni għax huma kienu sempliċi barranin f’pajjiż immexxi minn sultan li kien jiġi trattat daqslikieku kien xi alla. Maż-​żmien, beda jidher ċar li Ġeħova uża ż-​żwieġ taʼ Ester bħala mezz biex jipproteġi lill-​poplu tiegħu.—Est. 4:14.

      Il-​ktieb taʼ Ester għala ma jsemmix l-​isem persunali t’Alla, Ġeħova?

      Milli jidher, Mordekaj kien il-​wieħed li ġie mnebbaħ biex jikteb il-​ktieb. Forsi għall-​ewwel il-​ktieb inżamm mar-​rekords uffiċjali Persjani qabel ma ttieħed Ġerusalemm. L-​użu tal-​isem taʼ Ġeħova setaʼ qanqal lill-​aduraturi tal-​allat Persjani biex jeqirdu l-​ktieb. Kien x’kien il-​każ, bla dubju Ġeħova kien involut fl-​istorja. Huwa taʼ interess li l-​isem persunali t’Alla jinsab fit-​test oriġinali bl-​Ebrajk permezz tal-​akrostiċi, fejn il-​mod kif tpoġġa l-​kliem jidher li ġie rranġat apposta sabiex l-​ewwel jew l-​aħħar ittri tal-​kliem ħdejn xulxin jispellu l-​isem t’Alla.

      Il-​ktieb taʼ Ester mhuwiex eżatt storikament?

      Xi kritiċi jsostnu li l-​ktieb taʼ Ester mhuwiex eżatt storikament. Madankollu, xi studjużi qalu li l-​kittieb tal-​ktieb wera li kellu għarfien dettaljat b’mod rimarkevoli dwar il-​linja rjali, l-​arkitettura, u d-​drawwiet Persjani. Huwa minnu li s-​Sultana Ester ma tissemmiex f’dokumenti sekulari li għadhom jeżistu, imma Ester ma kinitx l-​unika persuna rjali li ġiet imħassra mir-​rekords pubbliċi. Iktar minn hekk, ir-​rekords sekulari juru li raġel jismu Mardukâ, l-​isem Persjan ekwivalenti għal Mordekaj, serva bħala l-​uffiċjal tal-​palazz f’Susan fiż-​żmien deskritt fil-​ktieb.

      Profezija Mwettqa

      Peress li ġġieldu favur il-​poplu t’Alla, Ester u Mordekaj wettqu profezija Biblika tal-​qedem. ’Il fuq minn 1,200 sena qabel, Ġeħova nebbaħ lill-​patrijarka Ġakobb biex ibassar dan rigward wieħed minn uliedu: “Benjamin se jibqaʼ jċarrat bħal lupu. Fil-​għodu jiekol l-​annimal maħtuf u fil-​għaxija jqassam il-​priża.” (Ġen. 49:27) “Fil-​għodu” tal-​istorja tas-​slaten taʼ Iżrael, id-​dixxendenti taʼ Benjamin inkludew lis-​Sultan Sawl u lil xi gwerriera setgħanin oħrajn li ġġieldu favur in-​nies taʼ Ġeħova. “Fil-​għaxija” taʼ din l-​istorja rjali, wara li x-​xemx kienet niżlet fuq il-​linja rjali taʼ Iżrael, Ester u Mordekaj, li t-​tnejn li huma kienu mit-​tribù taʼ Benjamin, iggwerraw b’suċċess kontra l-​għedewwa taʼ Ġeħova. Ukoll, huma qasmu l-​priża fis-​sens li l-​proprjetà vasta taʼ Ħaman ġiet f’idejhom.

      a Is-​sultan tahom ġurnata oħra lil-​Lhud biex itemmu l-​konkwista tagħhom kontra l-​għedewwa. (Est. 9:12-​14) Saħansitra llum, il-​Lhud ifakkru din ir-​rebħa kull sena fix-​xahar taʼ Adar, li jikkorrispondi għall-​perijodu li jiġi bejn l-​aħħar taʼ Frar u l-​bidu taʼ Marzu. Il-​festival jissejjaħ Purim u ġie msemmi għax-​xorti li Ħaman tefaʼ fuq it-​talba tiegħu biex jeqred lil Iżrael.

      AĦSEB DWAR DAN . . .

      • Ester kif uriet li kienet għaqlija meta ġiet biex tagħżel “iż-​żmien li titkellem”?

      • Il-​paċenzja taʼ Ester wasslet għal liema barkiet?

      • Ester kif tat prova li hi kuraġġuża u mhux egoista meta ddefendiet lin-​nies tagħha?

      • B’liema modi int determinat li timita l-​fidi taʼ Ester?

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja