Samwel Jippromwovi l-Qima Vera
PROFETA jwiddeb lill-kredenti sħabu li talbu biex ikollhom sultan uman u jħeġġiġhom biex jobdu lil Alla. Sabiex jurihom l-awtorità li kellu minn Alla, hu jitlob lil Ġeħova għal sinjal permezz taʼ maltempata. Il-maltempati tax-xita tistaʼ tgħid li kienu rari ħafna f’Iżrael matul dak iż-żmien tas-sena, żmien il-ħsad tal-qamħ. Madankollu, Alla jibgħat ir-ragħad u x-xita. B’riżultat taʼ dan, in-nies jibdew jibżgħu ħafna minn Ġeħova u mir-rappreżentant tiegħu, Samwel.—1 Samwel 12:11-19.
Samwel il-profeta kien kittieb ukoll. Ir-rakkonti storiċi tiegħu mimlijin azzjoni jiġbru fihom madwar 330 sena u jinkludu għemejjel taʼ l-għaġeb taʼ l-Imħallfin taʼ Iżrael. Per eżempju, l-istorja vera taʼ Sansun, l-iktar raġel b’saħħtu li qatt għex, ipprovdiet l-ispirazzjoni għal poeżiji u drammi kif ukoll għal produzzjonijiet oħra tal-palk u tal-films. (Imħallfin, kapitli 13–16) Samwel kiteb ukoll dwar Rut u l-kunjata tagħha Nagħomi, li t-tnejn li huma kienu romol u fqar. Din l-istorja vera li għandha tmiem sabiħ hija interessanti daqs l-oħra.—Rut, kapitli 1–4.
Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-kitbiet taʼ Samwel u minn ħajtu? Kif ippromwova l-qima vera?
Is-Snin Bikrin Tiegħu
Missier Samwel, Elkana, kien aduratur taʼ Ġeħova u kien raġel li jħobb ħafna lil martu. Anna, il-mara t’Elkana, kienet mara b’saħħitha spiritwalment. Fid-dar taʼ Ġeħova f’Silo, Anna, li ma kellhiex tfal, talbet mill-qalb u għamlet din il-wegħda: “Mulej taʼ l-eżerċti, jekk inti tħares lejn l-hemm tal-qaddejja tiegħek u tiftakar fija, u ma twarrabx il-qaddejja tiegħek, u tagħtiha tifel, hija tagħtih lill-Mulej il-jiem kollha taʼ ħajtu, u minn fuq rasu ma jgħaddix il-mus.” (1 Samwel 1:1-11) Dan kien ifisser li t-tifel kien se jitwarrab għas-servizz taʼ Ġeħova.
Anna bdiet titlob minn taħt l-ilsien. “Xufftejha biss kienu jitħarrku,” jgħid ir-rakkont. Għeli, il-Qassis il-Kbir, assuma ħażin li hi kienet fis-sakra u ċanfarha. Madankollu, Anna bir-rispett kollu spjegat is-sitwazzjoni tagħha, u Għeli qalilha: “Mur bis-sliem. Alla taʼ Iżrael samaʼ t-talba tiegħek, u jagħtik kull ma tlabtu.” Ġeħova hekk għamel, għax bħalma jkompli r-rakkont: “Tqalet, u meta wasal żmienha wildet iben u semmietu Samwel ‘għaliex,’ kif qalet hi, ‘tlabtu lill-Mulej.’”—1 Samwel 1:12-20.
Samwel trabba “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Hekk kif Samwel infatam, Anna ħaditu fid-dar t’Alla f’Silo biex tippreżentah lil Għeli, il-Qassis il-Kbir. Taħt għajnejn Għeli, it-tifel “baqaʼ jaqdi [lil Ġeħova].” Il-ferħ kbir t’Anna ntwera fil-kliem imqanqal tagħha taʼ ringrazzjament li tniżżel bil-miktub minn Samwel innifsu.—1 Samwel 2:1-11.
Jekk int ġenitur, qed tinkuraġġixxi lil uliedek biex jaqbdu karriera fis-servizz taʼ Ġeħova? L-aħjar użu li persuna tistaʼ tagħmel bl-enerġija tagħha huwa li tippromwovi l-qima vera.
Samwel adatta lilu nnifsu sew għall-ħajja fis-santwarju. Hu “baqaʼ jikber quddiem il-Mulej” u “kien dejjem . . . jinġieb quddiem il-Mulej u quddiem il-bnedmin.” Hu kien maħbub min-nies minħabba l-kwalitajiet divini li wera.—1 Samwel 2:21, 26.
Ma setax jingħad l-istess dwar ulied Għeli, Ħofni u Fineħas, li ma kienu tajbin għal xejn u “ma kinux iqisu lill-Mulej.” Huma kienu jipprattikaw l-immoralità sesswali u kienu jieħdu għalihom infushom l-aħjar partijiet mis-sagrifiċċji li n-nies kienu jġibu s-santwarju. Alla kien diġà bagħtilhom profeta biex iħabbar il-kastig li kien se jiġi fuq Għeli, u dan kien jinkludi l-mewt taż-żewġ uliedu subien. (1 Samwel 2:12, 15-17, 22-25, 27, 30-34) Ġeħova kien se juża lil Samwel biex iwassal messaġġ taʼ ġudizzju ieħor.
Samwel Jaqdi Bħala Profeta
Alla qal lil Samwel: ‘Ħabbarlu [lil Għeli] li jien għad nagħmel ħaqq minn daru għal dejjem, talli hu kien jaf li wliedu qed jagħmlu l-ħażen u jżebilħu ’l Alla, u hu ma ċanfarhomx.’ Dan ma kienx messaġġ faċli biex jitwassal, u Għeli insista biex Samwel ma jaħbilu lanqas kelma waħda minnu. Għalhekk, Samwel irrakkontalu dak kollu li kien qal Ġeħova. Verament kellu bżonn il-kuraġġ!—1 Samwel 3:10-18.
Hekk kif Samwel immatura u sar adult, Iżrael kollu sar jaf li Samwel kien il-profeta t’Alla. (1 Samwel 3:19, 20) Il-ġudizzju li ħabbar Samwel beda meta Iżrael sofra telfa kbira meta safa attakkat mill-Filistin. Ħofni u Fineħas mietu fil-battalja, u l-Filistin ħatfu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. Kif semaʼ bit-telfa taʼ wliedu u taʼ l-Arka, Għeli waqaʼ lura mis-siġġu tiegħu, kiser għonqu, u miet.—1 Samwel 4:1-18.
Għoxrin sena wara, Samwel ħeġġeġ lill-Iżraelin biex iwarrbu l-qima falza. Huma wieġbu billi eliminaw l-idoli, samu, u stqarrew dnubiethom. Samwel talab u ppreżenta offerta tal-ħruq għan-nom tagħhom. X’kien ir-riżultat? Meta attakkawhom il-Filistin, Alla ħarbathom, u Iżrael mar għalihom u farrakhom. Bil-barka taʼ Ġeħova, il-kundizzjoni taʼ l-Iżraelin tjiebet sew, u huma reġgħu kisbu t-territorju li kienu ħadulhom il-Filistin.—1 Samwel 7:3-14.
Samwel tassew ippromwova l-qima vera. Per eżempju, hu ħa ħsieb li xi ftit mill-priża tal-battalja tintuża għall-manutenzjoni tat-tabernaklu. Hu għen biex jiġu organizzati ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Qbiż u s-servizz tal-Leviti li joqogħdu għassa mal-bibien. (1 Kronaki 9:22; 26:27, 28; 2 Kronaki 35:18) Minn daru f’Rama, kull sena Samwel kien jivvjaġġa lejn diversi bliet biex jagħmilha taʼ mħallef. Hu bena isem taʼ bniedem onest li ma jagħmilx preferenzi. Minħabba li n-nies kienu jirrispettaw lil Samwel, hu setaʼ jgħinhom spiritwalment. (1 Samwel 7:15-17; 9:6-14; 12:2-5) L-onestà u l-ispiritwalità tiegħu bla dubju immotivaw lil ħafna nies biex isegwu l-eżempju tiegħu. Għandha l-ħajja taʼ Samwel l-istess effett fuqek?
L-Iżraelin Jitolbu biex Ikollhom Sultan
Fi xjuħitu, Samwel ħatar lil uliedu, Ġoel u Abija, bħala mħallfin. Huma “ma mxewx bħalu; ħsiebhom kien li jagħmlu kull xorta taʼ qligħ, jieħdu r-rigali, u jgħawwġu l-ġustizzja.” L-imġiba tagħhom wasslet lix-xjuħ taʼ Iżrael jitolbu biex ikollhom sultan. (1 Samwel 8:1-5) Din kienet xi ħaġa ħażina f’għajnejn Samwel. Madankollu, meta talab dwarha, Ġeħova qal: “Mhux lilek warrbu, iżda lili warrbu, biex ma nsaltanx fuqhom.” (1 Samwel 8:6, 7) Alla qal lil Samwel biex jaqtaʼ x-xewqa tal-poplu u jwissihom li taħt monarkija huma kienu se jitilfu ċerta libertà. Meta n-nies komplew jinsistu, Ġeħova għamel arranġament biex Samwel jaħtar lil Sawl bħala sultan.—1 Samwel 8:6-22; 9:15-17; 10:1.
Samwel appoġġa dan l-arranġament minkejja li ma ħassux konvint minnu. Wara r-rebħa li Iżrael kellu fuq l-Għammonin, hu ġabar lill-poplu f’Gilgal biex jikkonferma l-kariga taʼ Sawl bħala sultan. (1 Samwel 10:17-24; 11:11-15) Samwel tkellem dwar l-istorja taʼ Iżrael u wissa lis-sultan u lill-poplu biex jobdu lil Ġeħova. Alla wieġeb it-talba taʼ Samwel b’maltempata taʼ ragħad barra mill-istaġun bħalma ssemma fil-bidu. Dik il-maltempata ġagħlet lin-nies jammettu l-iżball tagħhom li warrbu lil Ġeħova. Meta staqsew lil Samwel biex jitlob għalihom, hu wieġeb: “Ma jkun qatt li nidneb u ma nitlobx għalikom quddiem il-Mulej, u ma nurikomx it-triq it-tajba u s-sewwa.” X’eżempju taʼ mħabba leali lejn Ġeħova u l-poplu tiegħu! (1 Samwel 12:6-24) Tħossok int daqstant dispost biex tappoġġa l-arranġamenti teokratiċi u biex titlob għan-nom taʼ sħabek fit-twemmin?
L-Ewwel Żewġ Slaten Umani taʼ Iżrael
Sawl kien bniedem modest u approvat minn Alla. (1 Samwel 9:21; 11:6) Madankollu, maż-żmien hu ma baqax jagħti kas id-direzzjoni minn Alla. Per eżempju, Samwel widdbu talli hu qabad u offra sagrifiċċju minflok ma qagħad jistenna, bħalma kien ġie kmandat. (1 Samwel 13:10-14) Meta Sawl kien salva l-ħajja tas-Sultan Agag t’Għamalek kuntrarju għall-kmand li kien irċieva, Samwel qallu: “Il-Mulej illum ċarrat is-saltna taʼ Iżrael minn fuqek, u taha lil wieħed aħjar minnek.” Samwel innifsu qatel lil Agag u sewwed qalbu għal Sawl.—1 Samwel 15:1-35.
Fl-aħħar Ġeħova qal lil Samwel: “Kemm se ddum qalbek sewda għal Sawl, meta jien neħħejtu minn sultan fuq Iżrael?” Għal dan, Ġeħova bagħat lil Samwel Betlehem biex jaħtar iben minn ulied Ġesse bħala sultan. Samwel ikkunsidra lil ulied Ġesse wieħed wieħed sakemm Ġeħova wera li kien japprova lil David, l-iżgħar wieħed, biex ikun midluk. Dakinhar, Samwel tgħallem lezzjoni importanti: “Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.”—1 Samwel 16:1-13.
Ladarba d-diżubbidjenza taʼ Sawl weġġgħetu ħafna lil Samwel, min jaf kemm tnikket iktar meta Sawl rabba mibegħda qattiela għal David! Minkejja provi bħal dawn, Samwel baqaʼ attiv fi xjuħitu u għamel dak li setaʼ fis-servizz taʼ Ġeħova.—1 Samwel 19:18-20.
Dak li Samwel Ħalla Warajh
Meta Samwel miet, Iżrael tnikket ħafna għat-telfa taʼ dan il-profeta umli u kuraġġuż li influwenza l-ħajjiet taʼ ħafna nies. (1 Samwel 25:1) Samwel kien imperfett, u kultant ħa xi żbalji fil-ġudizzju tiegħu. Però, minkejja l-limitazzjonijiet tiegħu, Samwel ta devozzjoni esklużiva lil Ġeħova u ħadem bla heda biex jgħin lil oħrajn jagħmlu l-istess ħaġa.
Ħafna affarijiet inbidlu minn żmien Samwel, imma r-rakkont taʼ ħajtu jiġbor fih ħafna lezzjonijiet prezzjużi għalina. Fuq kollox, Samwel ipprattika u ppromwova l-qima vera taʼ Ġeħova. Int qed tagħmlu dan?
[Kaxxa f’paġna 16]
AĦSEB FUQ IL-ĦAJJA TAʼ SAMWEL
• Bħalma l-ġenituri taʼ Samwel għallmuh il-kelma t’Alla, rabbi lil uliedek “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.”—Efesin 6:4.
• Inkuraġġixxi lil uliedek ikunu bħal Samwel billi jagħmlu s-servizz lil Ġeħova l-karriera tagħhom.
• Samwel kien maħbub min-nies minħabba l-kwalitajiet divini li wera, u b’hekk ħalla eżempju tajjeb għalina.
• Samwel għamel dak kollu li setaʼ biex jippromwovi l-qima vera, bħalma rridu nagħmlu aħna.
[Stampa f’paġna 15]
Samwel ippromwova l-qima vera u minn jeddu pprovda għajnuna spiritwali lil oħrajn