MISTOQSIJA 2
Għala ninkwieta dwar kif nidher?
INT KIEKU X’TAGĦMEL?
Immaġina din ix-xena: Meta Julia tħares lejn il-mera, hi tara lilha nfisha ħoxna. “Hemm bżonn li nonqos,” tgħid bejnha u bejn ruħha—minkejja li l-ġenituri tagħha u sħabha jgħidulha li hi “niexfa għuda.”
Dan l-aħħar, Julia bdiet taħseb dwar li tmur fl-estrem biex tonqos biss ftit żgħira oħra. Kulma trid tagħmel hu li ma tiekol xejn għal ftit ġranet . . .
Jekk ġieli ħassejtek bħalma ħassitha Julia, int kieku x’tagħmel?
IEQAF U AĦSEB!
Il-mod kif tħares lejk innifsek jistaʼ jkun bħal meta tħares lejn mera li turi kollox mgħawweġ
Ma fiha xejn ħażin li jkun jimpurtak dwar kif tidher. Infatti l-Bibbja titkellem b’mod pożittiv fuq l-apparenza fiżika taʼ diversi rġiel u nisa, inkluż Sara, Rakele, Abigajl, Ġużeppi, u David. Il-Bibbja tgħid li mara jisimha Abisag kienet “sabiħa ferm.”—1 Slaten 1:4.
Madankollu, ħafna żgħażagħ huma ffissati dwar kif jidhru. Dan jistaʼ jwassal għal problemi serji. Aħseb dwar dan:
Fi stħarriġ wieħed, 58 fil-mija tat-tfajliet qalu li kellhom piż żejjed, meta fil-fatt kien hemm biss 17 fil-mija li kellhom piż żejjed.
Fi studju ieħor, 45 fil-mija li fil-fatt kienu jiżnu inqas milli suppost ħasbu li kienu ħoxnin wisq!
Hekk kif ipprovaw jonqsu, xi żgħażagħ spiċċaw vittma tal-anoreksja—marda qerrieda konnessa mal-ikel li twassal lil dak li jkun biex joqtol lilu nnifsu bil-ġuħ.
Jekk għandek xi sintomu tal-anoreksja jew taʼ xi marda oħra konnessa mal-ikel, fittex l-għajnuna. Ibda billi tiftaħ qalbek maʼ ġenitur jew m’adult ieħor li tafda. Il-Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.
L-AQWA TITJIB LI TISTAʼ TAGĦMEL!
Fir-realtà, hu dak li persuna tkun minn ġewwa li jagħmilha attraenti jew le. Aħseb dwar Absalom, bin is-Sultan David. Il-Bibbja tgħid:
“Ma kienx hemm raġel ieħor daqstant sabiħ u taʼ min ifaħħru. . . . Ma kien hemm ebda difett fih.”—2 Samwel 14:25.
Madankollu, dan iż-żagħżugħ kien kburi, jippretendiha, u qarrieq! Għaldaqstant, il-Bibbja ma tantx tagħti stampa tajba tiegħu; tiddeskrivih bħala raġel li kien żleali b’mod sfaċċat u li kellu mibegħda qattiela.
Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tagħtina dawn il-pariri:
“Ilbsu l-personalità l-ġdida.”—Kolossin 3:10.
“Tħallux it-tiżjin tagħkom ikun dak minn barra . . . , imma ħa jkun dak tal-persuna minn ġewwa, fil-qalb.”—1 Pietru 3:3, 4.
Filwaqt li m’hemm xejn ħażin imbilli tkun tixtieq tidher tajjeb, ħafna iktar importanti mid-dehra tiegħek hi l-personalità tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar, kwalitajiet taʼ min ifaħħarhom se jagħmluk tidher isbaħ f’għajnejn ħaddieħor milli jkollok ġisem immuskolat jew figura sabiħa. “L-ewwel ma tiekol l-għajn hi s-sbuħija,” tgħid żagħżugħa jisimha Phylicia, “imma l-persuna li int minn ġewwa u l-kwalitajiet mill-aħjar tiegħek huma l-affarijiet li ħaddieħor se jiftakar l-iktar dwarek.”
ĦARSA LEJN KIF TIDHER
Tkun spiss imdejjaq bil-mod kif tidher?
Ġieli għaddielek minn moħħok li tagħmel xi operazzjoni jew dieta estrema biex tirranġa xi difett fiżiku?
Kieku tistaʼ tbiddel xi ħaġa mid-dehra tiegħek, xi tkun? (Agħżel kulma tbiddel.)
TUL
PIŻ
XAGĦAR
FIGURA
WIĊĊ
IL-KULUR TAL-ĠILDA
Jekk wiġibt iva għall-ewwel żewġ mistoqsijiet u jekk għażilt tlieta jew iktar fit-tielet mistoqsija, ikkunsidra dan: Wisq probabbli oħrajn ma jarawkx b’mod negattiv daqskemm int tara lilek innifsek. Hu faċli li tmur fl-estrem u tinkwieta żżejjed dwar kif tidher.—1 Samwel 16:7.