LEZZJONI 20
Sitt kastigi oħra
Mosè u Aron marru għand il-Fargħun biex jgħidulu l-messaġġ t’Alla: ‘Jekk m’intix ħa tħalli lill-poplu tiegħi jitlaq, jien se nibgħat id-dubbien fuq l-art.’ Ammont kbir taʼ dubbien daħal fid-djar tal-Eġizzjani, sinjuri u fqar. L-art kollha mtliet bid-dubbien. Imma fl-art taʼ Gosen, fejn kienu jgħixu l-Iżraelin, ma kienx hemm dubbiena waħda. Mill-bidu tar-rabaʼ kastig, bdew jintlaqtu biss l-Eġizzjani. Il-Fargħun qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex ineħħi dan id-dubbien u n-nies tiegħek ikunu jistgħu jmorru.’ Imma xħin Ġeħova neħħa d-dubbien, il-Fargħun biddel fehmtu. Kien il-Fargħun se jitgħallem il-lezzjoni?
Ġeħova qal: ‘Jekk il-Fargħun ma jħallix lill-poplu tiegħi jitlaq, l-annimali tal-Eġizzjani kollha se jimirdu u jmutu.’ L-għada, l-annimali bdew imutu. Imma l-annimali tal-Iżraelin ma mitux. Xorta waħda, il-Fargħun webbes rasu, u ma kienx lest li jċedi.
Wara dan, Ġeħova qal lil Mosè biex imur lura għand il-Fargħun u jitfaʼ rmied fl-arja. L-irmied sar trab, mela l-arja, u dan niżel fuq l-Eġizzjani. B’dan it-trab, l-Eġizzjani u l-annimali kollha tagħhom imtlew bi msiemer kbar li weġġgħuhom ħafna. Minkejja dan, il-Fargħun irrifjuta li jħalli lill-Iżraelin jitilqu.
Ġeħova għal darb’oħra bagħat lil Mosè għand il-Fargħun b’dan il-messaġġ: ‘Għadek ma tridx tħalli lill-poplu tiegħi jitlaq? Għada, se tinżel fuq l-art xita taʼ silġ.’ L-għada, Ġeħova bagħat silġ, ragħad, u nar. Kienet l-agħar maltempata li l-Eġittu qatt ra. Is-siġar u l-ħxejjex tar-rabaʼ nqerdu, imma dawk f’Gosen ma ġralhom xejn. Il-Fargħun qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex dan jieqaf! Imbagħad tistgħu tmorru.’ Imma hekk kif is-silġ u x-xita waqfu, il-Fargħun biddel fehmtu.
Wara dan Mosè qal: ‘Issa se jiġu l-ġurati u jieklu l-ħxejjex li baqaʼ wara l-maltempata.’ Miljuni taʼ ġurati kielu kulma sabu fl-għelieqi u fis-siġar. Il-Fargħun imbagħad qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex ikeċċi l-ġurati.’ Imma anke wara li Ġeħova keċċa l-ġurati, il-Fargħun xorta baqaʼ rasu iebsa.
Ġeħova qal lil Mosè: ‘Għolli idek lejn is-smewwiet.’ Xħin Mosè għamel hekk, waqaʼ dlam ċappa. Għal tlett ijiem, l-Eġizzjani ma setgħu jaraw xejn u lil ħadd. Kien hemm id-dawl biss fejn l-Iżraelin kienu qed jgħixu.
Il-Fargħun qal lil Mosè: ‘Int u n-nies tiegħek tistgħu tmorru. Imma tridu tħallu l-annimali tagħkom hawnhekk.’ Mosè qallu: ‘L-annimali rridu niħduhom magħna biex noffruhom lil Alla tagħna.’ Il-Fargħun irrabja ħafna u għajjat: ‘Itlaq minn quddiemi! Jekk nerġaʼ narak noqtlok!’
“Intom terġgħu taraw id-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.”—Malakija 3:18