“Jeħtieġ li Aħna Nobdu lil Alla Bħala Ħakkiem Iktar milli lill-Bnedmin”
“[Ġeħova] Għalija Sar is-Salvazzjoni”
IL-POPLU taʼ Ġeħova ried jagħmel għażla. Kien se jobdi lill-ħakkiem mill-agħar taʼ l-Eġittu tal-qedem? Jew kien se jobdi lil Alla Ġeħova, iħalli l-post tal-jasar, u jmur joqgħod fl-Art Imwiegħda?
Minħabba li l-Fargħun taʼ l-Eġittu sfida lil Ġeħova u ma riedx jeħles lill-poplu Tiegħu, Alla bagħat l-Għaxar Kastigi fuq il-pajjiż. Kemm wera l-qawwa tiegħu b’dan! L-allat taʼ l-Eġizzjani ma setgħu jagħmlu xejn biex iwaqqfu dawn il-kastigi.
Meta lill-Fargħun intqallu biex iħalli lill-poplu t’Alla jitlaq, hu b’disprezz qal: “Min hu [“Ġeħova,” NW], biex jien nismaʼ minn kliemu u nħalli lil Iżrael jitlaq? [“Ġeħova,” NW] ma nafx min hu, u ’l Iżrael ma nħallihx jitlaq.” (Eżodu 5:2) B’riżultat taʼ dan, l-Eġittu ġarrab dawn il-kastigi: (1) l-ilma sar demm, (2) iż-żrinġijiet, (3) in-nemus, (4) id-dubbien, (5) il-pesta fuq l-imrieħel, (6) l-infafet fuq in-nies u l-annimali, (7) is-silġ, (8) il-ġradijiet, (9) id-dlam, u (10) il-mewt taʼ l-ewwel imwieled taʼ l-Eġizzjani, fosthom bin il-Fargħun. Fl-aħħar, il-Fargħun mhux biss ħalla lill-Ebrej jitilqu, imma saħansitra ħeġġiġhom biex jitilqu!—Eżodu 12:31, 32.
Xi tliet miljun ruħ—irġiel, nisa, u tfal Iżraelin kif ukoll kotra kbira taʼ nies oħra—telqu malajr. (Eżodu 12:37, 38) Madankollu, il-Fargħun ma damx ma mar għal warajhom bl-eżerċtu tal-biżaʼ tiegħu. L-Iżraelin dehru li kienu maqbudin bejn il-Baħar l-Aħmar, id-deżert kiefer, u l-armata tal-Fargħun. Madankollu, Mosè qal lin-nies: “La tibżgħux! Żommu sħiħ, u taraw is-salvazzjoni [tal-Mulej].”—Eżodu 14:8-14.
Ġeħova fired l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar b’mod mirakoluż sabiex l-Iżraelin ikunu jistgħu jaħarbu. Imma meta l-Eġizzjani marru għal warajhom, Alla ġiegħel l-ilmijiet jerġgħu lura. “L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu [Ġeħova] tefagħhom fil-baħar.” (Eżodu 14:26-28; 15:4) It-tmiem diżastruż tal-Fargħun kburi ġie fuqu minħabba li rrifjuta li jonora lil Ġeħova.
Ħdejn il-Baħar l-Aħmar, Ġeħova wera li kien “gwerrier.” (Eżodu 15:3) “Ra Iżrael kull ma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa taʼ driegħu,” jgħid ir-rakkont ispirat, “u beżaʼ l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej.” (Eżodu 14:31; Salm 136:10-15) Huma esprimew il-gratitudni tagħhom lil Alla minn qalbhom hekk kif l-irġiel ngħaqdu maʼ Mosè f’għanja tar-rebħa, u oħtu Mirjam idderiġiet lin-nisa biex jiżfnu.a
Ġeħova Għadu Ħellies
Il-qaddejja taʼ Ġeħova llum jistgħu jisiltu tagħlim li jsaħħaħ il-fidi minn dan il-ħelsien tant speċjali minn Alla. Tagħlima waħda hi li Ġeħova għandu qawwa bla limitu u jistaʼ jagħti appoġġ totali lill-poplu tiegħu. Fl-għanja tar-rebħa tagħhom, Mosè u l-Iżraelin kantaw b’vittorja: “Lemintek, Mulej, issebbħet fil-qawwa, lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu.”—Eżodu 15:6.
Tagħlima oħra hi li Dak li jistaʼ kollox minn qalbu jixtieq li jipproteġi lill-poplu tiegħu. L-Iżraelin kantaw: “Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni. Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar.” Jerġaʼ tagħlima oħra hi li ħadd ma jistaʼ jirnexxilu jopponi r-rieda t’Alla Ġeħova. Fl-għanja tar-rebħa tiegħu, il-poplu meħlus t’Alla kanta: “Min hu bħalek, Mulej, fost l-allat? Min hu bħalek? Int kbir fil-qdusija, tal-biżaʼ fit-tifħir, int li tagħmel l-għeġubijiet.”—Eżodu 15:2, 11.
Bħall-Fargħun taʼ l-Eġittu tal-qedem, il-ħakkiema fid-dinja taʼ żmienna jippersegwitaw lill-poplu taʼ Ġeħova. Mexxejja arroganti għandhom mnejn ‘jgħidu kliem kontra Alla l-Għoli biex jifnu lill-qaddisin taʼ l-Għoli.’ (Danjel 7:25; 11:36) Imma Ġeħova jiżgura lill-poplu tiegħu: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati. Din hi x-xorti tal-qaddejja tal-Mulej.”—Isaija 54:17.
Min jopponi lil Alla se jfallilu, eżatt bħalma fallielhom il-Fargħun u l-armata tiegħu. L-atti taʼ ħelsien li jwettaq Ġeħova, bħall-Eżodu mill-Eġittu, jagħtu evidenza li jkun tajjeb li nsegwu l-prinċipju li stqarrew l-appostli taʼ Ġesù meta qalu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2006 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Jannar/Frar.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
KONT TAF?
• Ġeħova qajjem riħ qawwi matul il-lejl kollu sabiex Iżrael ikun jistaʼ jaqsam il-Baħar l-Aħmar fuq art niexfa.—Eżodu 14:21, 22
• Kien hemm bżonn triq wiesgħa kilometru u nofs jew iktar sabiex il-miljuni taʼ Iżraelin setgħu jgħaddu minn ġol-Baħar l-Aħmar f’ħin daqshekk qasir.
[Stampi f’paġna 9]
L-allat foloz taʼ l-Eġittu ma setgħux iwaqqfu l-Għaxar Kastigi minn Ġeħova
[Sors]
It-tliet figurini: Photograph taken by courtesy of the British Museum