Min Hu Jehovah?
“MIN hu Jehovah?” Dik il-mistoqsija saret 3,500 sena ilu minn Farawni l-kburi, sultan tal-Eġittu. Milli jidher biex jisfida żied: “Jien lanqas xejn ma nafu lil Jehovah.” Żewġt irġiel li dak inhar kienu weqfin quddiem Farawni kienu jafu Jehovah min kien. Kienu l-aħwa Mosè u Aronne, mit-tribù Iżraelit taʼ Levi. Jehovah kien bagħathom biex jitolbu lill-ħakkiem tal-Eġittu ħalli jibgħat lill-Iżraeliti fix-xagħri biex jiċċelebraw festa reliġjuża.—Eżodu 5:1, 2.
Farawni ma ried ebda tweġiba għall-mistoqsija tiegħu. Bl-awtorità tiegħu, il-qassisin ġabu ’l quddiem il-qima taʼ mijiet taʼ allat foloz. Wara kollox, Farawni nnifsu kien meqjus bħala alla! Skond il-mitoloġija Eġizzjana, hu kien iben l-alla xemx Ra u l-inkarnazzjoni tal-alla Ħorus li kellu rasu taʼ falkun. Farawni ġie indirizzat b’titli bħal “l-alla setgħan” u “l-etern.” Mela mhux taʼ b’xejn li kien jistaqsi bi stmerrija: “Min hu Jehovah, biex għandi nobdi lil leħnu?”
Mosè u Aronne ma kellhomx bżonn iwieġbu dik il-mistoqsija. Farawni kien jaf li Jehovah kien dak Alla li kien meqjum mill-Iżraeliti, li dak iż-żmien kienu qegħdin isofru taħt il-jasar Eġizzjan. Imma Farawni u l-Eġittu kollu malajr kienu se jitgħallmu li Jehovah hu l-veru Alla. L-istess illum, Jehovah se jgħarraf ismu u d-divinità tiegħu lil kulħadd fuq l-art. (Eżekjel 36:23) Mela nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw kif Alla Jehovah kabbar lil ismu fl-Eġittu tal-qedem.
Superjuri għall-Allat Eġizzjani
Meta Farawni staqsa bi sfida min kien Jehovah, ma stenniex il-konsegwenzi li ġarrab. Jehovah innifsu wieġeb billi ġab il-għaxar kastigi fuq l-Eġittu. Dawk il-kastigi ma kinux sempliċement daqqiet taʼ ħarta kontra l-ġens. Kienu daqqiet taʼ ħarta kontra l-allat tal-Eġittu.
Il-kastigi wrew is-superjorità taʼ Jehovah fuq l-allat Eġizzjani. (Eżodu 12:12; Numri 33:4) Immaġina l-frattarija li qamet meta Jehovah bidel ix-Xmara Nil u l-ilmijiet kollha tal-Eġittu f’demm! Permezz taʼ dan il-miraklu, Farawni u l-poplu tiegħu saru jafu li Jehovah kien superjuri għall-alla tan-Nil, Ħapi. Il-mewt tal-ħut fin-Nil kienet daqqa taʼ ħarta wkoll għar-reliġjon Eġizzjana, minħabba li ċerti tipi taʼ ħut kienu jiġu meqjumin.—Eżodu 7:19-21.
Imbagħad, Jehovah ġab kastig taʼ żrinġijiet fuq l-Eġittu. Dan skredita lill-alla żrinġa Eġizzjana, Ħeqt. (Eżodu 8:5-14) It-tielet kastig ikkonfonda lill-qassisin li kienu jipprattikaw il-maġija u li ma kellhomx il-ħila jidduplikaw il-miraklu taʼ Jehovah li biddel it-trab f’nemus. “Huwa s-sabaʼ t’Alla!” bdew igħajtu. (Eżodu 8:16-19) L-alla Eġizzjan Tot, li kienu tawh il-kredtu għall-invenzjoni tal-arti tal-maġija, ma kellux il-ħila jgħin lil dawk l-impusturi.
Farawni kien qiegħed jitgħallem min kien Jehovah. Jehovah kien dak Alla li setaʼ jħabbar l-iskop tiegħu permezz taʼ Mosè u mbagħad iwettqu billi jġib kastigi mirakolużi fuq l-Eġizzjani. Jehovah setaʼ wkoll jibda u jispiċċa d-daqqiet taʼ ħarta skond kif irid hu. Dan il-għarfien, madankollu, ma qanqalx lil Farawni biex jissottometti ruħu lejn Jehovah. Minflok, il-ħakkiem kburi tal-Eġittu b’mod stinat kompla jirreżisti lil Jehovah.
Matul ir-rabaʼ kastig, ix-xidji rvinaw l-art, invadew id-djar, u probabbilment imlew l-arja, li kienet hija nfisha oġġett taʼ qima ppersonifikata fl-alla Xu jew fl-alla mara Isis, sultana tas-sema. Il-kelma Ebrajka għal dan l-insett ġiet mogħtija bħala “xidja,” “dog fly,” u “ħanfusa.” (New World Translation; Septuagint; Young) Jekk f’dan kien involut il-ħanfus Skarabew, l-Eġizzjani kienu kkastigati bl-insetti li huma kienu jikkunsidraw bħala sagri, u n-nies ma setgħux jimxu mingħajr ma jirfsuhom taħt saqajhom. Kien x’kien, dan il-kastig lil Farawni għallmu xi ħaġa ġdida dwar Jehovah. Għalkemm l-allat tal-Eġittu ma setgħux jipproteġu mix-xidji lil dawk li kienu jqimuhom, Jehovah setaʼ jipproteġi lill-poplu tiegħu. Dan il-kastig u l-oħrajn li ġew warajh laqtu lill-Eġizzjani imma mhux lill-Iżraeliti.—Eżodu 8:20-24.
Il-ħames kastig kien pesta fuq il-bhejjem tal-Eġizzjani. Din id-daqqa taʼ ħarta ġiegħlet jistħu lil Ħator, lil Apis, u lil Nut li kienet l-alla mara fis-sema forma taʼ baqra. (Eżodu 9:1-7) Is-sitt kastig ġab infafet fuq il-bniedem u l-bhima, billi umilja lill-allat Tot, Isis, u Ptaħ, li b’mod żballjat kienu jieħdu l-kredtu talli kienu kapaċi jfejqu.—Eżodu 9:8-11.
Is-sebaʼ kastig kien ix-xita bil-qliel taʼ silġ, b’nar iriegħed fost is-silġ. Din id-daqqa taʼ ħarta ġiegħlet jistħu lill-alla Rexpu, li suppost kien is-sid tas-sajjetti, u lil Tot, li kien jingħad li kien jikkmanda lix-xita u lir-ragħad. (Eżodu 9:22-26) It-tmien daqqa taʼ ħarta, kastig tal-ġurati, uriet is-superjorità taʼ Jehovah fuq l-alla tal-fertilità Min, li suppost kien il-protettur tal-uċuħ tar-rabaʼ. (Eżodu 10:12-15) Id-disaʼ daqqa taʼ ħarta, dlam għal tlett ijiem fuq l-Eġittu, ġabet stmerrija fuq l-allat Eġizzjani bħalma huma l-allat tax-xemx Ra u Ħorus.—Eżodu 10:21-23.
Minkejja disaʼ kastigi qerrieda, Farawni baqaʼ jirrifjuta li jeħles lill-Iżraeliti. L-ebusija taʼ qalbu swiet ħafna lill-Eġittu meta Alla ġab il-għaxar u l-aħħar kastig—il-mewt tal-ewwel imwieled tal-bniedem u tal-bhima. Saħansitra l-ewwel tifel imwieled taʼ Farawni nqered, għalkemm kien meqjus bħala alla. B’hekk Jehovah ‘esegwixxa ġudizzji fuq l-allat kollha tal-Eġittu.’—Eżodu 12:12, 29.
Farawni issa sejjaħ lil Mosè u lil Aronne u qal: “Qumu, oħorġu minn ġo nofs il-poplu tiegħi, kemm intom u kemm l-ulied l-oħra taʼ Iżrael, u morru, aqdu lil Jehovah, sewwa sew bħalma stqarrejtu. Ħudu kemm l-imrieħel tagħkom u kemm il-baqar tagħkom, sewwa sew bħalma stqarrejtu, u morru. Ukoll, tridu tbierku lili minbarra dan.”—Eżodu 12:31, 32.
Dak li Jippreserva lill-Poplu Tiegħu
L-Iżraeliti telqu, imma Farawni malajr deherlu li kienu qed jiġġerrew bla ma jafu fejn sejrin fix-xagħri. Hu u l-qaddejja tiegħu issa staqsew: “X’inhu dan li għamilna, f’li bagħatna lil Iżrael lil hinn milli jitjassru għalina?” (Eżodu 14:3-5) It-telfa taʼ dan il-ġens irsir kien se jkun daqqa taʼ ħarta kbira għall-ekonomija tal-Eġittu.
Farawni ġabar l-armata tiegħu u ġera wara Iżrael sa ma waslu Piħaħirot. (Eżodu 14:6-9) Militarment, is-sitwazzjoni kienet tidher tajba għall-Eġizzjani minħabba li l-Iżraeliti kienu msakkrin bejn il-baħar u l-muntanji. Imma Jehovah aġixxa biex jipproteġi lill-Iżraeliti billi poġġa sħaba bejnhom u bejn l-Eġizzjani. Fuq in-naħa tal-Eġizzjani, “tat prova li hi sħaba flimkien mad-dlam,” u b’hekk żammithom milli jattakkaw. Fuq in-naħa l-oħra, is-sħaba kienet tiddi, “iddawwal il-lejl” għal Iżrael.—Eżodu 14:10-20.
L-Eġizzjani kienu ddeterminati li jisirqu u jeqirdu imma ġew imfixklin mis-sħaba. (Eżodu 15:9) Meta telqet, x’ħaġa tal-għaġeb! L-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar kienu ġew mifruqin, u l-Iżraeliti kienu qegħdin jaqsmu għan-naħa l-oħra fuq art niexfa! Farawni u l-armati tiegħu irħewlha jirbombjaw minn fuq qiegħ-il baħar, iddeterminati li jaqbdu u jisirqu lill-irsiera taʼ qabel tagħhom. Madankollu, il-ħakkiem kburi tal-Eġittu ma kienx ikkalkulah lil dak Alla tal-Ebrej. Jehovah beda jitfaʼ lill-Eġizzjani f’konfużjoni sħiħa, billi jaqlgħalhom ir-roti tal-karrijiet tagħhom.—Eżodu 14:21-25a.
“Ejjew naħarbu minn kwalunkwe kuntatt maʼ Iżrael!” għajtu l-irġiel taʼ ħila tal-Eġittu, “għaliex Jehovah ċertament li jiġġieled għalihom kontra l-Eġizzjani.” Farawni u l-irġiel tiegħu rrealizzawh dan meta kien tard wisq. Qawwi u sħiħ fuq in-naħa l-oħra, Mosè ħareġ idu ’l barra għal fuq il-baħar, u l-ilmijiet reġgħu lura, billi qatlu lil Farawni u l-armati tiegħu.—Eżodu 14:25b-28.
Lezzjonijiet Imgħallmin mill-Esperjenza
Mela, allura, min hu Jehovah? Farawni l-kburi ħa t-tweġiba għal dik il-mistoqsija. Il-ġrajjiet fl-Eġittu wrew li Jehovah huwa l-uniku veru Alla, totalment differenti mill-“allat bla valur” tal-ġnus. (Salm 96:4, 5) Bil-qawwa tal-għaġeb tiegħu, Jehovah ‘għamel is-smewwiet u l-art.’ Huwa wkoll il-Ħellies il-Kbir, il-Wieħed li ‘ħareġ lill-poplu tiegħu Iżrael ’il barra mill-art tal-Eġittu, b’sinjali, mirakli, id b’saħħitha, u biżaʼ kbir.’ (Ġeremija 32:17-21) Xi prova ċara ta dan li Jehovah jistaʼ jipproteġi lill-poplu tiegħu!
Farawni tgħallem dawk il-lezzjonijiet permezz taʼ esperjenza qarsa. Fil-fatt, l-aħħar lezzjoni swietlu ħajtu. (Salm 136:1, 15) Kien ikun bil-wisq iktar għaqli li kieku wera l-umiltà meta staqsa, “Min hu Jehovah?” Imbagħad dak il-ħakkiem kien setaʼ jaġixxi fi qbil mat-tweġiba li rċieva. Bil-ferħ, ħafna nies umlin illum qegħdin jitgħallmu min hu Jehovah. U liema xorta taʼ personalità għandu Hu? X’jitlob minna? Jalla l-artiklu li jmiss ikabbar l-apprezzament tiegħek lejn il-Wieħed li hu biss jismu Jehovah.—Salm 83:18.