19 ĠEFTA U T-TIFLA TIEGĦU
Huma Għamlu Dak li Wiegħdu Avolja Kien Diffiċli
GĦAL darb’oħra, is-sitwazzjoni kienet ħażina f’Iżrael minħabba li n-nies reġgħu waqfu jaqdu lil Ġeħova. Għalhekk, Ġeħova ħalla lill-Għammonin jaħqru lill-Iżraelin għal 18-il sena. (Imħ. 10:8) Fl-aħħar, in-nies t’Alla ddispjaċiehom, neħħew l-allat foloz minn fosthom, u reġgħu bdew jaqdu lil Ġeħova. Imma ftit wara, l-Għammonin iltaqgħu f’Gilegħad biex jattakkaw lill-Iżraelin.
L-anzjani taʼ Gilegħad staqsew lil raġel jismu Ġefta biex ikun il-kmandant tagħhom u jgħinhom jiġġieldu. Milli jidher, ftit mill-anzjani kienu jiġu ħutu mill-missier. Fil-passat, huma kienu keċċew lil Ġefta minn Gilegħad. Baqaʼ hu rrabjat jew iżomm fil-komma? Le, anzi Ġefta aċċetta li jmur lura u jiġġieled magħhom. Imma l-ewwel, hu pprova jagħmel paċi mal-Għammonin. Ġefta bagħat messaġġiera li spjegaw lir-re tal-Għammonin għala hu ma kellux dritt li jieħu l-art tal-Iżraelin. B’dak li qal, Ġefta wera li hu kien jaf ħafna dwar kif Ġeħova ta l-Art Imwiegħda lill-Iżraelin u kif għenhom jirbħu lill-popli tal-madwar. Madankollu, ir-re tal-Għammonin ma riedx jismaʼ. Hu kien determinat li jiġġildilhom!
Għalhekk, Ġefta lesta biex jiġġieled. Hu għamel wegħda ma’ Ġeħova u qal: “Jekk int tagħti lill-Għammonin f’idejja, min joħroġ mill-bieb taʼ dari biex jiltaqaʼ miegħi meta nerġaʼ lura rebbieħ, isir tiegħek, Ġeħova, u jien noffrih bħala offerta tal-ħruq.” Aħna nafu li Ġefta ħasibha sew u m’għaġġilx biex jagħmel din il-wegħda għax l-ispirtu taʼ Ġeħova kien fuqu.
Dak li qal Ġefta kien ifisser li ried jissagrifika persuna? Le. Ġeħova kien jobgħod meta kienu jiġu offruti n-nies bħala sagrifiċċju, u hu stess kien ikkmanda biex dan ma jsirx. (Dewt. 18:10, 12) Minflok, Ġefta ried ifisser li l-persuna li toħroġ l-ewwel mill-bieb taʼ daru kienet se tkun iddedikata lil Ġeħova u taqdih fit-tabernaklu li kien jinsab f’Silo. Ġefta kien jaf li din il-wegħda setgħet tkun diffiċli għalih. Hu kellu tifla waħda biss u hi setgħet tkun il-waħda li toħroġ l-ewwel biex tilqgħu.
Wara li għamel il-wegħda, Ġefta mill-ewwel mar għall-gwerra. B’kuraġġ, hu mexxa lill-irġiel li kienu miegħu għall-battalja. Ġeħova berikhom bil-kbir, għax hu għenhom jirbħu! “Il-qatla kienet kbira ħafna,” u wara komplew jirbħu 20 belt oħra fit-territorju tagħhom.
Ġefta wasal lura d-dar ferħan ħafna. Forsi hu beda jaħseb li kien se jkun qaddej li joħroġ l-ewwel. Imma hu malajr irrealizza li mhux hekk ġara. L-ewwel persuna li ħarġet kienet it-tifla tiegħu! Hi ħarġet tiżfen u ddoqq it-tanburlin. Ġefta kien imdejjaq ħafna, ċarrat ħwejġu, u qal: “Jaħasra binti! Int qsamtli qalbi, għax se jkolli nibagħtek ’il bogħod. Jien għamilt wegħda lil Ġeħova, u ma nistax nerġaʼ lura minnha.”
Ġefta u t-tifla tiegħu kellhom wegħda xi jżommu, imma dan kien ifisser li kellhom jagħmlu sagrifiċċju kbir
It-tifla taʼ Ġefta kienet taf li l-ħajja tagħha kienet se tinbidel kompletament. Hi kienet se tkun dedikata f’li taqdi lil Ġeħova fit-tabernaklu tiegħu. B’hekk, hi ma setgħetx tiżżewweġ jew ikollha t-tfal. Għan-nisa t’Iżrael din kienet xi ħaġa taʼ wġigħ kbir. Imma din it-tfajla kuraġġuża qalet lil missierha: “Jekk għamilt wegħda lil Ġeħova, agħmel bija bħalma wegħedt.” Kulma riedet hu li tqattaʼ xi ħin mal-ħbieb tfajliet tagħha biex tkun tistaʼ tibki l-fatt li qatt ma tistaʼ tiżżewweġ jew ikollha tfal.
It-tifla taʼ Ġefta kienet tfajla kuraġġuża u mhux egoista. Minħabba f’hekk, kull sena, il-ħbieb tagħha kienu jmorru jqattgħu erbat ijiem magħha biex jinkuraġġuha u jfaħħruha. Kien privileġġ kbir li setgħet taqdi fit-tabernaklu. Forsi f’dak iż-żmien kien jgħix hemm it-tfajjel Samwel. Jistaʼ jkun ukoll li t-tifla taʼ Ġefta għallmet lil Samwel fuq Ġeħova u l-livelli tiegħu, u kompliet tinkuraġġih hekk kif kien qed jikber. Imma ma nistgħux inkunu ċerti. Jekk dan kien minnu, dan setaʼ taha ferħ kbir peress li hi qatt ma kien se jkollha tfal. Li nafu fiċ-ċert hu li hi baqgħet leali avolja xi rġiel u nisa kienu qed jieħdu sehem fl-immoralità sesswali fit-tabernaklu. (1 Sam. 2:22) Hi qatt m’għamlet hekk. Il-Bibbja tgħid: “Hi qatt ma kellha x’taqsam maʼ raġel.”
L-appostlu Pawlu semma lil Ġefta ma’ ismijiet taʼ rġiel u nisa taʼ fidi kbira. (Lhud 11:32) Kemm Ġefta u kemm it-tifla tiegħu huma eżempju eċċellenti taʼ kuraġġ. Hu ġġieled għan-nies t’Alla u hi kienet lesta li titlaq mid-dar u taqdi lil Alla fit-tabernaklu. Flimkien huma għamlu dak li wiegħdu lil Ġeħova avolja kien diffiċli!
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Ġefta u t-tifla tiegħu kif urew kuraġġ?
Fittex Iktar
1. X’juri li l-Għammonin kienu qed jiġġieldu mal-Iżraelin biex jiħdulhom l-art u anki biex iwaqqfuhom milli jaqdu lil Alla kif irid hu? (it “Ġefta” ¶6-wcgr) A
Stampa A: “Neħħew l-allat barranin minn ġo nofshom u qdew lil Ġeħova.”—Imħ. 10:16.
2. L-attitudni taʼ Ġefta kif kienet tixbah lil dik taʼ Ġakobb meta għamel wegħda lil Ġeħova? (it “Ġefta” ¶11-wcgr)
3. Għala kien diffiċli ħafna biex Ġefta jżomm il-wegħda tiegħu? (w17.04 4 ¶6)
4. Il-profeta Samwel twieled madwar is-sena 1180 QK. X’jistaʼ juri li hu u t-tifla taʼ Ġefta setgħu qdew fit-tabernaklu fl-istess żmien? (it “Ġefta” ¶2-wcgr; ara d-dati “Minn Żmien Enok sa Żmien l-Imħallfin.”)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Meta l-ġenituri juru l-kuraġġ bħal Ġefta, kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom?
Il-Kristjani llum kif jistgħu jimitaw lit-tfajliet li marru jinkuraġġixxu lit-tifla taʼ Ġefta u għenuha biex tibqaʼ kuraġġuża? B
Stampa B
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wrew Ġefta u t-tifla tiegħu?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Ġefta u lit-tifla tiegħu, x’nixtieq insaqsihom?
Tgħallem Iktar
L-eżempju tat-tifla taʼ Ġefta kif jistaʼ jgħin lill-Kristjani li mhumiex miżżewġin?
Ara x’jgħallmuna Ġefta u t-tifla tiegħu dwar kif nibqgħu leali lejn Ġeħova.
“Il-lealtà tagħna twassal biex ikollna l-approvazzjoni t’Alla” (w16.04 3-8)