Kemm Se Ddum il-Paċenzja t’Alla?
MADWAR 3,000 sena ilu, raġel għaref kiteb: “Raġel iddomina raġel bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9) Minn mindu għamel dik l-osservazzjoni, l-affarijiet ma marrux għall-aħjar. Matul l-istorja, individwi jew gruppi ħatfu l-poter, wieħed wara l-ieħor, iddominaw u esplojtaw lil bnedmin oħra. Alla Jehovah bil-paċenzja kollha ssaporta dan.
Jehovah kien u għadu paċenzjuż waqt li gvernijiet bagħtu miljuni jmutu fil-gwerra u ħallew inġustizzji ekonomiċi kbar. Il-lum, hu għadu juri l-paċenzja hekk kif il-bniedem jeqred l-ozone layer u jniġġeż l-atmosfera u l-baħar. Kemm żgur li jħossu mweġġaʼ meta jara r-rovina taʼ art tajba u produttiva u l-qerda sfrenata taʼ foresti u l-annimali selvaġġi!
Alla Għala Huwa Daqshekk Paċenzjuż?
Tixbieha sempliċi tistaʼ tgħinna biex inwieġbu din il-mistoqsija. Ikkunsidra l-effett fuq negozju meta impjegat jiġi dejjem tard. Is-sid x’għandu jagħmel? Sempliċi ġustizzja tistaʼ tirrikjedi li jkeċċi immedjatament lill-impjegat. Imma forsi jiftakar il-proverbju tal-Bibbja: “Dak li bil-mod biex jirrabja hu abbundanti fid-dehen, imma wieħed bla paċenzja qed jeżalta fil-bluha.” (Proverbji 14:29) Id-dehen jistaʼ jġiegħlu jistenna qabel ma jaġixxi. Hu jistaʼ jiddeċiedi li jħalli ftit taż-żmien biex wieħed li jissostitwih jiġi mħarreġ sabiex in-negozju ma jiġix imfixkel saħansitra iktar.
Li jkun wieħed li jħoss għal oħrajn ukoll jistaʼ jġiegħlu jistenna. Xi ngħidu dwar li jwissi lill-impjegat traskurat biex jara jekk jirranġax? Għala ma jkellmux biex jara jekk id-drawwa tiegħu taʼ li jkun tard hijiex ikkaġunata minn xi problema li tistaʼ tiġi solvuta jew jekk hijiex ġejja minn attitudni ħażina bla fejqan? Waqt li sid in-negozju jistaʼ jiddeċiedi biex jeżerċita paċenzja, il-paċenzja tiegħu, madankollu, ma tkunx bla limitu. L-impjegat jew ikollu jirranġa jew fl-aħħar mill-aħħar jiffaċċja t-tkeċċija. Hekk ikun xieraq għan-negozju nnifsu u għall-impjegati li jsegwu r-regoli.
B’mod kważi simili, Alla Jehovah jeżerċita l-paċenzja meta jkun iffaċċjat bil-ħażin sabiex iħalli żmien biex ikun hemm soluzzjoni ġusta għal ċerti problemi. Barra minn hekk, il-paċenzja tiegħu tagħti opportunità lil dawk li jagħmlu l-ħażin biex ibiddlu l-mogħdijiet tagħhom u jakkwistaw benefiċċji eterni. B’hekk, il-Bibbja tinkuraġġixxi lilna biex ma nkunux imdejqin bil-paċenzja t’Alla. Minflok, tgħidilna: “Ikkunsidraw il-paċenzja tal-Mulej tagħna bħala salvazzjoni.”−2 Pietru 3:15.
Eżempju tal-Paċenzja t’Alla
Alla Jehovah kien paċenzjuż qabel id-Dulluvju l-kbir taʼ żmien Noè. Id-dinja taʼ dak iż-żmien kienet mimlija bil-vjolenza u kienet ħażina ħafna. Naqraw: “Jehovah ra li l-ħażen tal-bniedem kien kotran fl-art . . . Mela Jehovah qal: ‘Jien sejjer niknes lill-bnedmin li lilhom jien ħlaqt lil hemm minn fuq wiċċ l-art.’” (Ġenesi 6:5, 7) Iva, Jehovah kellu f’moħħu soluzzjoni aħħarija għall-problema tal-ħażen lura f’dak iż-żmien: it-tneħħija tan-nies ħżiena. Imma hu ma aġixxiex immedjatament. Għala le?
Għaliex mhux kulħadd kien ħażin. Noè u l-familja tiegħu kienu twajbin f’għajnejn Alla. Għalhekk minħabba fihom, Jehovah stenna bil-paċenzja kollha biex iħalli lil dawk il-ftit individwi twajbin biex jagħmlu l-preparamenti għas-salvazzjoni. Barra minn hekk, dik l-istennija twila tat l-opportunità lil Noè biex ikun “predikatur tat-tjieba,” billi ta lil dawk in-nies mill-agħar l-opportunità li jbiddlu mogħdijiethom. Il-Bibbja tgħid: “[I]l-paċenzja t’Alla kienet qiegħda tistenna f’jiem Noè, waqt li l-arka kienet qiegħda tinbena, li fiha ftit nies, jiġifieri, tmien erwieħ, inġarru qawwijin u sħaħ minn ġol-ilma.”−2 Pietru 2:5; 1 Pietru 3:20.
Alla Għala Huwa Paċenzjuż Issa
Illum, is-sitwazzjoni hija simili. Id-dinja għal darb’oħra hija mimlija bil-vjolenza. Kif kien fi żmien Noè, Alla diġà ġġudika lil din id-dinja, li, il-Bibbja tgħid, hija ‘merfugħa għal jum il-ġudizzju u taʼ qerda għan-nies taʼ mingħajr Alla.’ (2 Pietru 3:7) Meta jiġri dan, ma jkunx hemm iktar rovinar tal-ambjent, oppressjoni tad-dgħajfin, jew abbuż rgħib tal-poter.
Alla għala, allura, ma qeridx lil nies taʼ mingħajr Alla żmien ilu? Minħabba li kien hemm kwistjonijiet li riedu jiġu solvuti u affarijiet importanti biex jiġu rranġati. Tabilħaqq, Jehovah qed joqrob lejn soluzzjoni permanenti għall-problema tal-ħażen li tinvolvi ħafna affarijiet, inkluża s-salvazzjoni taʼ bnedmin taʼ qalb tajba mill-irbit tal-mard u l-mewt.
B’dan tal-aħħar f’moħħu, Jehovah kellu l-għan li jipprovdi Salvatur li kellu joffri rahan għal dnubietna. Dwaru, il-Bibbja tgħid: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Ħa eluf taʼ snin biex jipprepara l-mogħdija għal Ġesù biex jiġi u jissagrifika ħajtu f’isem l-umanità. Matul dawk is-snin kollha, Alla kien paċenzjuż bl-imħabba kollha. Imma ma kienx taʼ min jistennieh provvediment bħal dan?
Ġesù pprovda r-rahan għall-umanità kważi elfejn sena ilu. Alla għala, allura, għadu jeżerċita l-paċenzja? L-ewwelnett, għax il-mewt taʼ Ġesù tat bidu għal kampanja edukattiva. Il-bnedmin riedu jitgħallmu dwar dan il-provvediment taʼ mħabba u jingħataw l-opportunità biex jaċċettawh jew jirrifjutawh. Dak kien jieħu ż-żmien, imma kien ikun żmien mhux moħli. Il-Bibbja tgħid: “Jehovah ma jeħodhiex bil-lajma rigward il-wegħda tiegħu, bħalma xi nies jikkunsidraw il-lajma, imma hu paċenzjuż magħkom għaliex ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.”−2 Pietru 3:9.
Il-Kwistjoni taʼ Gvern
Kwistjoni importanti oħra kienet ukoll tieħu ż-żmien. Kien hemm il-ħtieġa biex tissolva l-problema taʼ gvern għall-umanità. Fil-bidu, il-bniedem kien taħt gvern divin. Imma fil-ġnien taʼ Għeden, l-ewwel ġenituri tagħna tawh daharhom. Huma għażlu li jkunu indipendenti minn Alla, billi riedu jaħkmu lilhom infushom. (Ġenesi 3:1-5) Verament, iżda, il-bniedem ma ġiex maħluq biex jaħkem lilu nnifsu. Il-profeta Ġeremija kiteb: “Jien naf sewwa, O Jehovah, li għall-bniedem tal-art il-mogħdija tiegħu ma tappartjenix lilu. Ma jappartjenix lill-bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-pass tiegħu.”−Ġeremija 10:23; Proverbji 20:24.
Minkejja dan, ladarba l-kwistjoni taʼ gvern ġiet imqajma, Jehovah bil-paċenzja ħalla żmien biex isolviha. Tabilħaqq, hu ħalla b’mod ġeneruż eluf taʼ snin biex il-bniedem jipprova kull forma konċepibbli taʼ gvern. B’liema riżultat? Sar evidenti li l-ebda gvern uman ma jistaʼ jneħħi l-oppressjoni, l-inġustizzja, jew kaġuni oħra taʼ dwejjaq.
Tabilħaqq, meta tħares lejn l-istorja umana, jistaʼ xi ħadd verament jgħid li Alla huwa inġust meta jħabbar l-intenzjoni tiegħu li jneħħi l-gvernijiet umani kollha u jissostitwihom bi gvern tiegħu stess? Żgur li le! Aħna b’mod pożittiv nilqgħu t-twettieq taʼ din il-profezija tal-Bibbja: “Fil-jiem taʼ dawk is-slaten dak Alla tas-sema se jwaqqaf saltna li qatt ma se tinġieb f’rovina. U s-saltna nfisha mhix se tiġi mgħoddija lil xi poplu ieħor. Hi se tfarrak u ġġib fi tmiem lil dawn is-saltniet kollha, u hija nfisha se tieqaf għal żminijiet indefiniti.”−Danjel 2:44.
Is-Sultan tas-sema taʼ dik is-Saltna huwa Ġesù rxoxtat. Biex jippreparah għal dik il-pożizzjoni—kif ukoll billi għażel bnedmin biex ikunu ħakkiema bi sħab miegħu—ħa ż-żmien. Matul dak iż-żmien kollu, Alla eżerċita l-paċenzja.
Ibbenefika Issa mill-Paċenzja t’Alla
Illum, miljuni taʼ individwi f’mhux inqas minn 212-il art jibbenefikaw mill-paċenzja t’Alla. Huma saru magħqudin fix-xewqa tagħhom li jobdu lil Alla u jaqdu lill-gvern tas-sema tiegħu. Meta huma jiltaqgħu flimkien fil-Kingdom Halls, huma jitgħallmu kemm hu wisq aħjar li japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjithom. Huma ma jiħdux sehem fil-politika li tifred taʼ din id-dinja, għalkemm huma jissottomettu rwieħhom għall-gvernijiet umani sakemm Alla bil-paċenzja kollha jħallihom jiffunzjonaw.—Mattew 22:21; Rumani 13:1-5.
Koperazzjoni bħal din fost tant nies tivvindika lil Jehovah bħala Dak li jistaʼ jġib l-armonija fost in-nies li huma liberi li jitgħallmu jħobbuh u li jridu jaqduh. Bla dubju int iltqajt maʼ dawn hekk kif huma jkomplu l-istess xogħol li Ġesù nnifsu beda, dak taʼ li jippubblikaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Ġesù bassar il-quċċata taʼ dan ix-xogħol meta qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
Ma Baqax Wisq Iktar!
Evidenza viżibbli tagħti prova li l-arranġamenti għall-gvern taʼ tjieba t’Alla biex jieħu f’idejh il-ħakma minn jum għal jum tal-art huma kważi kompluti. Wara li jiddeskrivi r-riżultati terribbli tal-falliment tal-gvern mill-bniedem li aħna rajna matul dan is-seklu, Ġesù qal: “Meta taraw dawn l-affarijiet iseħħu, kunu afu li s-saltna t’Alla hija qrib.”−Luqa 21:10, 11, 31.
Dalwaqt, Alla se jneħħi l-ħżiena minn fuq wiċċ l-art. Il-kliem tas-salmista se jkollu applikazzjoni litterali: “Dawk li jagħmlu l-ħażen infushom se jinqatgħu . . . Ftit ieħor biss, u l-wieħed mill-agħar mhux se jkun iżjed; u int ċertament li tagħti kas taʼ postu, u mhux se jkun.” (Salm 37:9, 10) Tistaʼ timmaġina dinja mingħajr ħażen? Min se jmexxi l-affarijiet dak in-nhar? Il-Bibbja tgħid: “Sultan [Kristu Ġesù mqiegħed fuq it-tron fis-smewwiet] se jsaltan għat-tjieba nfisha; u nkwantu għal prinċpijiet [il-maħturin leali tiegħu fuq l-art], huma se jaħkmu bħala prinċpijiet għall-ġustizzja nfisha. U x-xogħol tat-tjieba vera jrid isir paċi; u s-servizz tat-tjieba vera, kwiet u sigurtà għal żmien indefinit. U l-poplu tiegħi jrid igħammar f’post li jżomm il-paċi u f’residenzi taʼ fiduċja sħiħa u f’postijiet taʼ mistrieħ bla tfixkil.”−Isaija 32:1, 17, 18.
B’hekk, il-gvern tas-sema t’Alla se jirranġa l-effetti ħżiena tal-ħażen li għamel il-bniedem u jorganizza lil dawk li jittamaw fiH f’soċjetà umana armonjuża. Billi tiddeskrivi din l-armonija, il-Bibbja tgħid: “Il-lupu se jgħammar attwalment għal ftit żmien mal-ħaruf, u mal-gidi se jimtedd il-lijupard innifsu, u l-għoġol u l-iljun żagħżugħ muxgħar u l-annimal mitmugħ sewwa lkoll flimkien; u naqra taʼ tifel ċkejken se jkun mexxej fuqhom . . . Ma se jagħmlu ebda ħsara jew jikkaġunaw xi rovina fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi; għaliex l-art ċertament li se tkun mimlija bil-għarfien taʼ Jehovah bħalma l-ilmijiet qed jiksu lill-istess baħar.”−Isaija 11:6-9.
X’riżultat meraviljuż talli Alla eżerċita l-paċenzja! B’hekk, minflok ma tilmenta li Alla stenna żżejjed, għala ma tiħux opportunità mill-paċenzja tiegħu biex tissottometti ruħek lejn is-Saltna tiegħu? Tgħallem mill-Bibbja x’inhuma l-livelli tiegħu u imxi magħhom. Issieħeb maʼ oħrajn li huma sottomessi b’mod armonjuż lejh. Imbagħad, il-paċenzja t’Alla se tirriżulta f’barkiet dejjiema għalik.