Tistaʼ Int Teżerċita l-Paċenzja?
JEHOVAH qal lil Abram: “Mur fi triqtek ’il barra minn pajjiżek . . . lejn il-pajjiż li se nurik jien; u jien se nagħmel ġens kbir minnek u se nbierkek u se nagħmel lil ismek kbir.” (Ġenesi 12:1, 2) Abram dak in-nhar kellu 75 sena. Hu obda u bil-għaqal eżerċita l-paċenzja għall-bqija taʼ ħajtu, billi stenna fuq Jehovah.
Eventwalment, Alla għamel din il-wegħda lil Abraham (Abram) li tant kien paċenzjuż: “Fiż-żgur li fil-barka se nbierkek, u fl-immoltiplikar se nimmoltiplikak.” L-appostlu Pawlu żied: “U b’hekk wara li Abraham kien wera l-paċenzja, hu kiseb din il-wegħda.”—Ebrej 6:13-15.
X’inhi l-paċenzja? Id-dizzjunarji jagħtu d-definizzjoni tagħha bħala l-abbiltà “li tistenna bil-kalma kollha għal xi ħaġa” jew li turi “kontroll fuqek innifsek taħt provokazzjoni jew sforz mentali.” Mela l-paċenzja tiegħek tiġi ttestjata meta jkollok tistenna lil xi ħadd jew xi ħaġa, jew meta tiġi pprovokat jew tkun taħt stress. F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-individwu paċenzjuż jibqaʼ trankwill; il-wieħed bla paċenzja jibda jferfex u jirrita ruħu.
Id-Dinja Moderna Tagħna Mingħajr Paċenzja
Speċjalment f’ħafna nħawi fl-ibliet, tiġi mogħtija premura mhux lill-paċenzja imma lill-veloċità. Għal miljuni taʼ nies li qegħdin jgħixu fi bliet iffullati, kull ġurnata tibda meta jdoqq l-iżveljarin fil-għodu. Dak jagħti bidu għal tellieqa tal-ġenn—biex wieħed jasal xi mkien, biex jara lil xi ħadd, biex jikseb xi ħaġa. Taʼ min jistagħġeb li ħafna huma nervużi u bla paċenzja?
Tħossok int irritat meta tiġi ffaċċjat min-nuqqasijiet taʼ oħrajn? “Jien ma niħux gost bin-nuqqas taʼ puntwalità,” jgħid Albert. Il-biċċa l-kbira jaqblu li meta jkunu qegħdin jistennew lil xi ħadd li ttardja jinħoloq stress, speċjalment jekk wieħed ikun marbut bil-ħin. Rigward id-Duka taʼ Newcastle, politikant Britanniku tas-seklu 18, intqal: ‘Jaħli nofs siegħa fil-għodu, u b’hekk il-ġurnata kollha jkollu jiġri wara l-ħin biex jipprova jlaħħaq bla ma jirnexxilu.’ Li kieku kellek tiddependi minn individwu bħal dan jum wara l-ieħor, kont tibqaʼ paċenzjuż?
Meta qiegħed issuq karozza, jitlagħlek malajr, tiddejjaq tistenna, jew tiġi ttantat biex issuq iżżejjed? F’ċirkostanzi bħal dawn, in-nuqqas taʼ paċenzja taʼ spiss ikun ifisser diżastru. Matul l-1989, f’dik li dak iż-żmien kienet il-Ġermanja tal-Punent, iktar minn 400,000 inċident fit-toroq prinċipali rriżultaw f’korriment jew mewt. Minn dawn, 1 minn kull 3 ġie kkaġunat b’sewqan jew eċċessiv jew qrib iżżejjed tal-vettura taʼ quddiem. Għall-inqas sa ċertu punt, għalhekk, in-nuqqas taʼ paċenzja kien responsabbli għall-korriment jew għall-mewt taʼ iktar minn 137,000 persuna. Xi prezz dak għan-nuqqas taʼ paċenzja!
“Jien insibha diffiċli biex nibqaʼ paċenzjuż meta xi ħadd jinterrompi l-ħin kollu,” tilmenta Ann, “jew meta xi ħadd jiftaħar ħafna.” Karl-Hermann jammetti li l-paċenzja tiegħu tiġi sfidata minn “żgħażagħ li m’għandhom ebda rispett għall-anzjani.”
Dawn is-sitwazzjonijiet u oħrajn jistgħu jġagħluk tkun bla paċenzja. Kif, allura, tistaʼ int tikkultiva iktar paċenzja?
Jehovah Jistaʼ Jsaħħaħ Il-Paċenzja Tiegħek
Ħafna nies jaħsbu li l-paċenzja tindika li wieħed huwa indeċiż jew dgħajjef. Għal Jehovah, madankollu, għandha s-sinjifikat taʼ saħħa. Huwa nnifsu “hu paċenzjuż . . . għaliex ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Biex issaħħaħ il-kontroll fuqek innifsek, għalhekk, aqbad maʼ Jehovah u strieħ fuqu b’qalbek kollha. Li ssaħħaħ ir-relazzjoni tiegħek maʼ Alla huwa l-uniku pass l-iktar importanti lejn li tiżżviluppa attitudni paċenzjuża.
Barra minn hekk, huwa vitali li tkun taf l-iskopijiet taʼ Jehovah għall-art u għall-umanità. Abraham “kien qiegħed jistenna l-belt li għandha sisien veri [is-Saltna t’Alla], li l-bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” (Ebrej 11:10) Bl-istess mod, se jkun taʼ benefiċċju li żżomm ħarsa ċara fuq il-wegħdi divini u li tkun kuntent li tistenna fuq Jehovah. Int imbagħad se tirrealizza li l-paċenzja, ’il bogħod milli tfisser inċertezza, attwalment tirbaħ lin-nies lejn il-qima vera. Għalhekk, ‘ikkunsidra l-paċenzja tal-Mulej tagħna bħala salvazzjoni.’—2 Pietru 3:15.
Xi ngħidu jekk iċ-ċirkostanzi persunali tiegħek stess jittestjawlek il-paċenzja kważi sal-punt li ma tkunx tifilħu? Dawk li ma jemmnux ipoġġuk taħt sforz mentali sikkanti? Kont int marid għal żmien twil li jidher li ma jispiċċa qatt? F’dak il-każ, daħħal f’qalbek dak li kiteb id-dixxiplu Ġakbu. Wara li rrefera għall-mudell li taw il-profeti f’li eżerċitaw il-paċenzja, hu rrivela s-sigriet taʼ li wieħed jibqaʼ kalm taħt stress sever. Ġakbu qal: “Hemm xi ħadd li qiegħed isofri l-ħażen fostkom? Ħalli jissokta fit-talb.”—Ġakbu 5:10, 13.
Bil-ħeġġa dur lejn Alla fit-talb biex isaħħaħlek il-paċenzja u jgħinek tikkontrolla l-ispirtu tiegħek waqt prova. Dur lejn Jehovah darba wara l-oħra, u hu se jgħinek tidentifika ċ-ċirkostanzi jew id-drawwiet taʼ oħrajn li jkunu taʼ theddida partikulari għat-trankwillità tiegħek. Li titlob qabel ma jiġu sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu taʼ prova jistaʼ jgħinek biex iżżomm kalm.
Ħarsa Xierqa Tiegħek Innifsek u Taʼ Oħrajn
Biex iżżomm mentalità plaċida, trid tqis lilek innifsek u lil oħrajn b’manjiera xierqa. Dan hu possibbli permezz taʼ studju tal-Bibbja, għax din turi li kulħadd wiret l-imperfezzjonijiet u għalhekk għandu n-nuqqasijiet. Barra minn hekk, għarfien Bibliku se jgħinek tikber fl-imħabba. Din il-kwalità hija essenzjali sabiex tintwera l-paċenzja lejn oħrajn.—Ġwann 13:34, 35; Rumani 5:12; Filippin 1:9.
L-imħabba u l-ħerqa biex taħfer jistgħu jikkalmawk meta tkun imbaqbaq. Jekk xi ħadd għandu drawwiet li jdejquk, l-imħabba se tfakkrek li huma d-drawwiet li qiegħed issib tedjanti, mhux il-persuna. Ikkunsidra kemm taʼ spiss id-djufijiet tiegħek stess żgur li jittestjaw il-paċenzja t’Alla u jirrabjaw ferm lil oħrajn.
Ħarsa korretta tiegħek innifsek se tgħinek ukoll biex tistenna bil-paċenzja. Per eżempju, qiegħed int tistinka għal privileġġi fis-servizz taʼ Jehovah, biex wara kollox tibqaʼ ddiżappuntat? Tħoss int li l-paċenzja tiegħek qiegħda tispiċċa maʼ kull sekonda li tgħaddi? Jekk inhu hekk, allura ftakar li ħafna nuqqas taʼ paċenzja għandu l-għeruq tiegħu fil-kburija. “Aħjar wieħed li għandu l-paċenzja milli wieħed li huwa mkabbar fl-ispirtu,” qal Salamun. (Ekkleżjasti 7:8) Iva, il-kburija hija impediment serju għall-ikkultivar tal-paċenzja. M’huwiex veru li min hu umli jsibha eħfef li jistenna bil-kalma? Għalhekk, ikkultiva l-umiltà, u se tkun iktar kapaċi li taċċetta d-dewmien bil-paċi tal-moħħ.—Proverbji 15:33.
Il-Paċenzja Trodd Premjijiet Sbieħ
Abraham primarjament hu magħruf għall-fidi tiegħu. (Rumani 4:11) Madankollu, il-paċenzja għamlet lill-fidi tiegħu dejjiema. X’kien il-premju tiegħu għax stenna fuq Jehovah?
Abraham ġie mogħti l-fiduċja li dejjem tiżdied taʼ Jehovah. Isem Abraham b’hekk sar kbir ħafna u d-dixxendenti tiegħu ġens setgħan. Il-ġnus kollha taʼ l-art jistgħu jbierku lilhom infushom permezz taż-żerriegħa tiegħu. Abraham qeda bħala l-kelliemi għal Alla u saħansitra bħala tipiku tal-Ħallieq. Setaʼ kien hemm xi premju akbar għall-fidi u l-paċenzja taʼ Abraham?
“Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni” lejn Kristjani li jissaportu provi bil-paċenzja. (Ġakbu 5:10, 11) Individwi bħal dawn igawdu kuxjenza nadifa għaliex jagħmlu r-rieda tiegħu. Fil-każ tiegħek, allura, jekk int tistenna fuq Jehovah u bil-paċenzja tissaporti l-provi, il-kontroll fuqek innifsek se jirriżulta fl-approvazzjoni u l-barka taʼ Jehovah.
Il-paċenzja taqdi sewwa lin-nies t’Alla f’kull aspett tal-ħajja. Tnejn mill-qaddejja taʼ Jehovah, li jisimhom Christian u Agnes, skoprew dan meta ddeċidew li jitgħarsu. Huma ttardjaw l-għerusija b’rispett lejn il-ġenituri taʼ Christian, li kellhom bżonn iż-żmien biex isiru jafu lil Agnes. X’effett kellu dan il-ġest?
“Kien biss iktar tard li rrealizzajna kemm il-paċenzja tagħna kienet tfisser għall-ġenituri tiegħi,” jispjega Christian. “Li stennejna bil-paċenzja kollha ma temmx ir-relazzjoni taʼ bejn marti u jiena. Imma kienet l-ewwel kantun fir-relazzjoni tagħna mal-ġenituri tiegħi.” Iva, il-paċenzja troddlok imgħax tajjeb.
Il-paċenzja wkoll tippromwovi l-paċi. Tal-familja u l-ħbieb se jkunu grati li int ma tagħmilx plejtu fuq kull nuqqas li jagħmlu. Il-kalma u l-mogħdrija tiegħek meta oħrajn jagħmlu xi żbalji se jevitaw xeni imbarazzanti. Proverbju Ċiniż jgħid: “Il-paċenzja f’mument taʼ rabja se tiffrankalek mitt jum taʼ dieqa.”
Il-paċenzja ttejjeb il-personalità tiegħek, fil-fatt iżżommlok f’kundizzjoni tajba l-kwalitajiet mill-aħjar l-oħrajn. Tagħmel lill-fidi tiegħek dejjiema, il-paci tiegħek iddum isservi, u l-imħabba tiegħek ma titħarrikx. Li tkun paċenzjuż se jgħinek biex tkun ferrieħi waqt li tipprattika l-qalb tajba, it-tjubija, u l-ħlewwa. Li teżerċita l-paċenzja se jibni s-saħħa essenzjali biex jiġi kkultivat is-sabar fit-tul u r-rażna.
Stenna bil-paċenzja għat-twettieq tal-wegħdi taʼ Jehovah, allura, u se tkun assigurat b’futur taʼ l-għaġeb. Bħal Abraham, jalla int ‘permezz tal-fidi u l-paċenzja tiret il-wegħdi.’—Ebrej 6:12. (w94 5/15)