Għandna Bżonn Inkunu Paċenzjużi fil-Ministeru Tagħna
1. Ġeħova kif wera l-paċenzja mal-umanità?
1 Alla hu paċenzjuż ħafna mal-umanità. (Eżo. 34:6; Salm 106:41-45; 2 Pt. 3:9) Wieħed mill-eżempji prinċipali tal-paċenzja kollha mħabba tiegħu jistaʼ jidher b’konnessjoni max-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna mad-dinja kollha. Ġeħova ilu kważi 2,000 sena jaħdem mal-umanità, u madankollu għadu jiġbed lejh lil uħud taʼ qalb onesta. (Ġw. 6:44) Kif nistgħu nimitaw il-paċenzja taʼ Ġeħova fil-ministeru tagħna?
2. Kif nistgħu nuru l-paċenzja meta naħdmu t-territorju tagħna?
2 Il-Ministeru Minn Dar Għal Dar: Aħna nimitaw il-paċenzja taʼ Ġeħova billi nippritkaw “bla heda” f’territorju fejn individwi għadhom ma wrewx interess. (Atti 5:42) Bil-paċenzja aħna nissaportu l-indifferenza, it-twaqqigħ għaċ-ċajt, u l-oppożizzjoni lejn il-ministeru tagħna. (Mk. 13:12, 13) Nuru wkoll il-paċenzja billi nippersistu fl-isforzi tagħna biex insaqqu żrieragħ tal-verità anki meta jkun diffiċli biex insibu wħud interessati d-dar.
3. Għala għandna bżonn il-paċenzja meta nagħmlu żjajjar lura u nikkonduċu studji tal-Bibbja?
3 Studji tal-Bibbja: Neħtieġu l-paċenzja biex inkabbru pjanta. Nistgħu nieħdu ħsiebha, imma ma nistgħux inħaffu t-tkabbir tagħha. (Ġak. 5:7) B’mod simili, it-tkabbir spiritwali jsir bil-mod il-mod u pass pass. (Mk. 4:28) Dawk li nistudjaw magħhom forsi jsibuha diffiċli biex jabbandunaw twemmin reliġjuż falz jew drawwiet mhux Skritturali. M’għadniex nipprovaw inħaffu t-tkabbir billi nagħmlu pressjoni fuq l-istudenti tagħna biex jagħmlu bidliet. Neħtieġu l-paċenzja biex inħallu ammont taʼ żmien raġunevoli biex l-ispirtu t’Alla jaħdem f’qalb l-istudent.—1 Kor. 3:6, 7.
4. Il-paċenzja kif tistaʼ tgħinna nagħtu xhieda b’mod effettiv lil qraba mhux tal-istess twemmin?
4 Qraba Mhux tal-Istess Twemmin: Għalkemm għandna xewqa kbira li qrabatna li mhumiex tal-istess twemmin jitgħallmu l-verità, nuru l-paċenzja billi nistennew il-waqt biex naqsmu l-fidi tagħna magħhom, u noqogħdu attenti li ma ngħabbuhomx iżżejjed b’ħafna informazzjoni. (Ekk. 3:1, 7) Sadanittant, inħallu l-eżempju tagħna jitkellem għalina, u nibqgħu lesti biex nesprimu l-fidi tagħna bil-ħlewwa u b’rispett profond. (1 Pt. 3:1, 15) Tabilħaqq, jekk nuru l-paċenzja fil-ministeru tagħna se nkunu iktar effettivi u se nogħġbu lil Missierna tas-sema.