LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 2/1 pp. 17-21
  • Imita l-Paċenzja taʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imita l-Paċenzja taʼ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ikkunsidra l-​Paċenzja taʼ Ġeħova
  • Ikkunsidra l-​Paċenzja tal-​Profeti
  • Is-​“Sabar taʼ Ġob”
  • Il-​Jum taʼ Ġeħova Se Jiġi
  • Tgħallem mill-Paċenzja taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Komplu Kunu Paċenzjużi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Tistaʼ Int Teżerċita l-Paċenzja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Għandna Bżonn Inkunu Paċenzjużi fil-Ministeru Tagħna
    Il-Ministeru tas-Saltna—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 2/1 pp. 17-21

Imita l-​Paċenzja taʼ Ġeħova

“Ġeħova mhux qed idum biex iwettaq il-​wegħda tiegħu, . . . imma hu paċenzjuż.”—2 PIETRU 3:9.

1. Ġeħova liema rigal li ma jitqabbel maʼ xejn offra lill-​bnedmin?

ĠEĦOVA offrielna xi ħaġa li ħadd iktar ma jistaʼ joffrihielna. Hija xi ħaġa tassew attraenti u prezzjuża, però la tistaʼ tinxtara u lanqas tiġi gwadanjata. Dak li joffri hu r-​rigal taʼ ħajja taʼ dejjem​—għall-​maġġuranza minna, ħajja dejjiema fuq art magħmula ġenna. (Ġwanni 3:​16) Kemm se jkun taʼ ferħ dan! L-​affarijiet li jikkaġunaw tant niket​—it-​taqbid, il-​vjolenza, il-​faqar, il-​kriminalità, il-​mard, u saħansitra l-​mewt—se jispiċċaw. In-​nies se jgħixu f’paċi u f’għaqda perfetta taħt il-​ħakma kollha mħabba tas-​Saltna t’Alla. Kemm nixxennqu għal din il-​Ġenna taʼ l-​art!—Isaija 9:​5, 6 (9:​6, 7, NW); Rivelazzjoni 21:​4, 5.

2. Ġeħova għala għadu ma neħħiex is-​sistema taʼ Satana?

2 Ġeħova wkoll qed iħares ’il quddiem għaż-​żmien meta se jistabbilixxi Ġenna fuq l-​art. Wara kollox, hu jħobb is-​sewwa u l-​ġustizzja. (Salm 33:5) Mhux il-​pjaċir tiegħu li jara dinja indifferenti jew ostili lejn il-​prinċipji ġusti tiegħu, dinja li tiċħad bi stmerrija l-​awtorità tiegħu u li tabbuża lill-​poplu tiegħu. Madankollu, hemm raġunijiet tajbin għala għadu ma ħax azzjoni biex ineħħi din is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. Dawn ir-​raġunijiet għandhom x’jaqsmu maʼ kwistjonijiet morali li jinvolvu s-​sovranità tiegħu. Filwaqt li jissetilja dawn il-​kwistjonijiet, Ġeħova juri kwalità partikulari li hija attraenti ħafna, kwalità li ħafna jonqsu li juru llum​—il-​paċenzja.

3. (a) X’inhi t-​tifsira tal-​kelma Griega u Ebrajka li hija tradotta bħala “paċenzja” fil-​Bibbja? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Teżisti kelma Griega li fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida diversi drabi hija tradotta bħala “paċenzja.” Letteralment tfisser “tul taʼ l-​ispirtu,” u b’hekk mill-​oriġinal spiss tiġi tradotta “sabar fit-​tul” u darba bħala “eżerċitar tal-​paċenzja.” Kemm il-​kelma Griega u kemm il-​kelma Ebrajka għal “paċenzja” fihom il-​ħsieb taʼ tolleranza u li wieħed ma jirrabjax malajr. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​paċenzja taʼ Ġeħova? X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​paċenzja u s-​sabar taʼ Ġeħova u tal-​qaddejja leali tiegħu? Kif nafu li l-​paċenzja taʼ Ġeħova għandha l-​limitu? Ejja naraw.

Ikkunsidra l-​Paċenzja taʼ Ġeħova

4. L-​appostlu Pietru x’kiteb rigward il-​paċenzja taʼ Ġeħova?

4 Rigward il-​paċenzja taʼ Ġeħova, l-​appostlu Pietru kiteb: “Madankollu, maħbubin, tagħlqux għajnejkom għal dan il-​fatt, li għal Ġeħova jum wieħed hu bħal elf sena u elf sena bħal jum wieħed. Ġeħova mhux qed idum biex iwettaq il-​wegħda tiegħu, bħalma xi nies iqisu d-​dewmien, imma hu paċenzjuż magħkom għax ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.” (2 Pietru 3:​8, 9) Jekk jogħġbok innota żewġ punti li jissemmew hawn u li jistgħu jgħinuna nifhmu l-​paċenzja taʼ Ġeħova.

5. Il-​mod kif Ġeħova jqis iż-​żmien kif jeffettwa l-​azzjonijiet tiegħu?

5 L-​ewwel punt hu li Ġeħova ma jqisx iż-​żmien kif inqisuh aħna. Għall-​Wieħed li kien minn dejjem, elf sena huma bħal ġurnata waħda. Hu m’huwiex ristrett jew magħfus bil-​ħin, imma xorta ma jdumx biex jieħu azzjoni. Minħabba li Ġeħova għandu għerf bla limitu, jaf eżatt l-​aħjar żmien biex jaġixxi għall-​benefiċċju taʼ dawk kollha involuti, u bil-​paċenzja jistenna biex dak iż-​żmien jasal. Però, m’għandniex nikkonkludu li Ġeħova ma jħossx għal kwalunkwe sofferenza li l-​qaddejja tiegħu jistgħu jesperjenzaw sakemm jasal dak iż-​żmien. Hu Alla taʼ “mogħdrija tenera,” il-​personifikazzjoni taʼ l-​imħabba. (Luqa 1:​78; 1 Ġwanni 4:8) Hu kapaċi jħoll, għalkollox u għal dejjem, kwalunkwe ħsara li dan iż-​żmien temporanju taʼ sofferenza jistaʼ jikkaġuna.​—Salm 37:10.

6. X’m’għandniex nikkonkludu dwar Alla, u għala?

6 M’għandniex xi ngħidu, mhux faċli tistenna xi ħaġa li qed tixxennaq għaliha. (Proverbji 13:12) Għalhekk, meta xi ħadd ma jwettaqx dak li jkun wiegħed mill-​ewwel, oħrajn jistgħu jikkonkludu li qatt m’hu se jwettqu. Kemm ikun bla għaqal li wieħed jaħseb hekk dwar Alla! Jekk nitfixklu l-​paċenzja t’Alla mad-​dewmien, maż-​żmien nistgħu nibdew niddubitaw u nħossuna skuraġġiti, u b’hekk inkunu f’periklu li nonogħsu spiritwalment. Saħansitra agħar minn hekk, forsi nitqarrqu minn dawk li Pietru kien wissa kontrihom​—nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt, dawk bla fidi. Dawn l-​uħud biż-​żuffjett jgħidu: “Fejn hi din il-​preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-​mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.”​—2 Pietru 3:4.

7. Il-​paċenzja taʼ Ġeħova kif inhi konnessa max-​xewqa tiegħu li n-​nies jindmu?

7 It-​tieni punt li nistgħu nisiltu mill-​kliem taʼ Pietru hu li Ġeħova hu paċenzjuż għaliex jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema. Dawk li b’ras iebsa jirrifjutaw li jduru mit-​triqat ħżiena tagħhom se jinqerdu minn Ġeħova. Madankollu, Alla ma jiħux pjaċir bil-​mewt tal-​ħżiena. Minflok, hu jitgħaxxaq meta jara wħud li jindmu jduru lura mit-​triqat ħżiena tagħhom u jkomplu jgħixu. (Eżekjel 33:11) Huwa għalhekk li qiegħed juri l-​paċenzja u qed jibgħat lill-​qaddejja tiegħu biex jiddikjaraw l-​aħbar tajba madwar id-​dinja sabiex in-​nies ikollhom kull opportunità biex jgħixu.

8. Il-​paċenzja t’Alla kif tidher fil-​mod kif ittratta mal-​ġens taʼ Iżrael?

8 Il-​paċenzja taʼ Ġeħova tidher ukoll fil-​mod kif ittratta mal-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem. Għal sekli sħaħ, hu ttollera d-​diżubbidjenza tagħhom. Permezz tal-​profeti tiegħu, darba wara l-​oħra hu ħeġġiġhom: “Erġgħu lura minn triqatkom il-​ħżiena, u ħarsu l-​ordnijiet tiegħi, u d-​digrieti u l-​liġi kollha li jien ordnajt lil missirijietkom, u li jien bgħattilkom permezz tal-​qaddejja tiegħi l-​profeti.” X’kien ir-​riżultat? B’dispjaċir, in-​nies “ma semgħux.”​—2 Slaten 17:​13, 14.

9. Il-​paċenzja taʼ Ġesù kif kienet eżatt bħal taʼ Missieru?

9 Fl-​aħħar, Ġeħova bagħat lil Ibnu li kontinwament appella lil-​Lhud biex jerġgħu jissottomettu ruħhom lejn Alla. Il-​paċenzja taʼ Ġesù kienet eżatt bħal taʼ Missieru. Ġesù, li kien jaf sew li dalwaqt kien se jinqatel, ilmenta: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-​qattiela tal-​profeti u l-​ħaġġara taʼ dawk li ntbagħtulha! Kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-​flieles tagħha taħt ġwinħajha! Imma intom dan ma ridtuhx.” (Mattew 23:37) Dan il-​kliem kommoventi mhux ġej minn xi mħallef bla ħniena li hu ħerqan biex jikkastiga lil xi ħadd, imma dak taʼ ħabib kollu mħabba li hu paċenzjuż man-​nies. Ġesù, bħal Missieru fis-​sema, ried li n-​nies jindmu u jinħelsu mill-​ġudizzju. Xi wħud wieġbu b’mod favorevoli għat-​twissijiet taʼ Ġesù u nħelsu mill-​ġudizzju terribbli li ġie fuq Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K.​—Luqa 21:​20-​22.

10. Aħna kif ibbenefikajna mill-​paċenzja taʼ Ġeħova?

10 Kemm hi ħaġa meraviljuża l-​paċenzja t’Alla! Minkejja d-​diżubbidjenza kbira tal-​bnedmin, Ġeħova ta lil kull wieħed u waħda minna l-​opportunità li nsiru nafuh u nħaddnu t-​tama tas-​salvazzjoni, flimkien maʼ miljuni taʼ persuni oħra. Pietru kiteb lill-​Kristjani sħabu: “Il-​paċenzja tal-​Mulej tagħna qisuha bħala salvazzjoni.” (2 Pietru 3:​15) M’aħniex grati aħna li l-​paċenzja taʼ Ġeħova fetħitilna t-​triq għas-​salvazzjoni? Ma nitolbux aħna li Ġeħova jibqaʼ jkun paċenzjuż magħna hekk kif naqduh minn jum għal jum?​—Mattew 6:12.

11. Il-​fehma dwar il-​paċenzja taʼ Ġeħova xi tqanqalna biex nagħmlu?

11 Meta nifhmu għala Ġeħova hu paċenzjuż, ikun eħfef għalina biex nistennew bil-​paċenzja għas-​salvazzjoni li se jġib u qatt ma nikkonkludu li qed idum biex iwettaq il-​wegħdi tiegħu. (Lamentazzjonijiet 3:​26) Filwaqt li nkomplu nitolbu biex is-​Saltna t’Alla tiġi, aħna nafdaw il-​fatt li Alla jaf l-​aħjar żmien biex iwieġeb dik it-​talba. Iżjed minn hekk, aħna nitqanqlu biex nimitaw lil Ġeħova billi nuru paċenzja bħal tiegħu meta nittrattaw maʼ ħutna u maʼ dawk li nippridkawlhom. Aħna wkoll nixtiequ li ħadd ma jinqered imma nixtiequ naraw lil kulħadd jindem u jkollu l-​istess tama li għandna aħna taʼ ħajja taʼ dejjem.​—1 Timotju 2:​3, 4.

Ikkunsidra l-​Paċenzja tal-​Profeti

12, 13. Fi qbil maʼ Ġakbu 5:​10, il-​profeta Isaija kif irnexxielu juri l-​paċenzja?

12 Billi nikkunsidraw il-​paċenzja taʼ Ġeħova, aħna niġu megħjunin napprezzaw u nikkultivaw din il-​kwalità. M’huwiex faċli għal bnedmin imperfetti biex jikkultivaw il-​paċenzja, imma huwa possibbli. Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​qaddejja t’Alla tal-​passat. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ħuti, ħudu bħala mudell lill-​profeti li tkellmu f’isem Ġeħova, sofrew il-​ħażen, u kienu paċenzjużi.” (Ġakbu 5:​10) Huwa taʼ faraġ u inkuraġġanti li nkunu nafu li oħrajn iffaċċjaw b’suċċess dak li jkollna niffaċċjaw aħna.

13 Per eżempju, il-​profeta Isaija żgur kellu bżonn il-​paċenzja fl-​inkarigu tiegħu. Ġeħova wera dan meta qal: “Mur u għid lil dan il-​poplu: Tisimgħu, iva, imma ma tifhmux, taraw, iva, imma la tagħrfux. Semmen qalb dan il-​poplu, soddlu widnejh, agħmilu għajnejh, li ma jmurx jara b’għajnejh, u jismaʼ b’widnejh, u f’qalbu jifhem, u jdur u jfiq.” (Isaija 6:​9, 10) Minkejja li n-​nies ma wiġbux b’mod favorevoli, Isaija bil-​paċenzja ddikjara l-​messaġġ taʼ twissija taʼ Ġeħova għal xejn inqas minn 46 sena! Bl-​istess mod, il-​paċenzja se tgħinna nuru sabar fix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba, minkejja li ħafna ma jaċċettawhiex.

14, 15. X’għen lil Ġeremija jkampa mad-​diffikultajiet u l-​iskuraġġiment?

14 M’għandniex xi ngħidu, hekk kif il-​profeti wettqu l-​ministeru tagħhom, mhux biss kellhom ikampaw mal-​fatt li n-​nies ma tawx widen, imma sofrew ukoll il-​persekuzzjoni. Lil Ġeremija tefgħuh fiċ-​ċippijiet, “xeħtuh fil-​ħabs,” u waddbuh f’bir. (Ġeremija 20:​2; 37:​15; 38:6) Hu għadda minn din il-​persekuzzjoni taħt idejn l-​istess nies li hu xtaq jgħinhom. Però, Ġeremija ma mteliex bl-​imrar, u lanqas ma rritalja. Hu bil-​paċenzja stabar għal għaxriet taʼ snin.

15 Il-​persekuzzjoni u t-​twaqqigħ għaċ-​ċajt ma sikktux lil Ġeremija, u lanqas ma jsikktu lilna llum. M’għandniex xi ngħidu, kultant forsi nħossuna skuraġġiti. Ġeremija wkoll ħassu skuraġġit. Hu kiteb: “Il-​kelma tal-​Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum. U jien għedt: ‘Ma nsemmihx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.’” Imbagħad x’ġara? Waqaf jippriedka Ġeremija? Hu kompla: “[Il-kelma t’Alla kienet] f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih.” (Ġeremija 20:​8, 9) Innota li meta ffoka fuq it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt tan-​nies, hu tilef il-​ferħ tiegħu. Meta ffoka fuq is-​sabiħ u l-​importanza tal-​messaġġ innifsu, hu reġaʼ kiseb il-​ferħ tiegħu. Iktar minn hekk, Ġeħova kien maʼ Ġeremija “bħal raġel qalbieni,” isaħħu biex jipproklama l-​kelma t’Alla b’żelu u b’kuraġġ.​—Ġeremija 20:​11.

16. Kif nistgħu nżommu l-​ferħ fix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba?

16 Ħassu ferħan fix-​xogħol tiegħu l-​profeta Ġeremija? Dażgur! Hu qal lil Ġeħova: “Jien sibt kliemek, u kiltu; u kelmtek saritli l-​ferħ u l-​hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, Mulej, Alla taʼ l-​eżerċti.” (Ġeremija 15:16) Ġeremija tgħaxxaq bil-​privileġġ tiegħu li jirrappreżenta lill-​Alla l-​veru u jippriedka l-​kelma tiegħu. Aħna wkoll nistgħu nifirħu. Iżjed minn hekk, aħna nifirħu, bħalma jagħmlu l-​anġli fis-​sema, minħabba l-​fatt li madwar id-​dinja ħafna jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna, jindmu, u jaqbdu t-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem.​—Luqa 15:10.

Is-​“Sabar taʼ Ġob”

17, 18. Ġob b’liema mod wera s-​sabar, u x’kien ir-​riżultat?

17 Wara li kkummenta dwar il-​profeta li għex ħafna snin qablu, id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Smajtu bis-​sabar taʼ Ġob u rajtu t-​tmiem li tah Ġeħova; għax Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġakbu 5:​11) Il-​kelma Griega hawnhekk tradotta “sabar” għandha tifsira simili għall-​kelma li Ġakbu uża fil-​vers taʼ qabel għal ‘paċenzja.’ Wieħed studjuż wera d-​differenza bejn iż-​żewġ kelmiet meta kiteb li l-​kelma Griega għal “paċenzja” hija l-​paċenzja li nuru meta xi ħadd jittrattana ħażin, filwaqt li l-​kelma Griega għal “sabar” hija l-​perseveranza bil-​kuraġġ li nuru meta nkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.

18 Ġob esperjenza niket kbir. Hu sofra telf finanzjarju, il-​mewt taʼ wliedu, u marda taʼ wġigħ. Kif ukoll, hu ffaċċja akkużi foloz li Ġeħova kien qed jikkastigah. Ġob ma sofriex mingħajr ma qal xejn; hu lmenta dwar is-​sitwazzjoni tiegħu u saħansitra qal li kellu raġun iktar minn Alla. (Ġob 35:​2) Madankollu, qatt ma tilef il-​fidi tiegħu, u lanqas ma kiser l-​integrità tiegħu. Hu ma seħitx lil Alla, kif Satana qal li se jagħmel. (Ġob 1:​11, 21) X’kien ir-​riżultat? Ġeħova “bierek il-​ħajja l-​ġdida taʼ Ġob aktar minn dik taʼ qabel.” (Ġob 42:12) Ġeħova reġaʼ tah saħħtu lura, irdoppja l-​ġid tiegħu, u bierku b’ħajja mimlija u ferħana mal-​maħbubin tiegħu. Is-​sabar leali taʼ Ġob għenu wkoll jifhem iktar lil Ġeħova.

19. X’nitgħallmu mis-​sabar paċenzjuż taʼ Ġob?

19 X’nitgħallmu mis-​sabar paċenzjuż li wera Ġob? Bħal Ġob, aħna forsi nsofru minn xi marda jew diffikultà oħra. Forsi ma nifhmux bis-​sħiħ għala Ġeħova jħallina ngħaddu minn xi prova partikulari. Però, minn dan nistgħu nkunu ċerti: Jekk nibqgħu leali, se niġu mberkin. Ġeħova mingħajr dubju jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa. (Ebrej 11:6) Ġesù qal: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.”​—Mattew 10:22; 24:13.

Il-​Jum taʼ Ġeħova Se Jiġi

20. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​jum taʼ Ġeħova se jiġi?

20 Għalkemm Ġeħova hu paċenzjuż, hu wkoll ġust u mhux se jittollera l-​ħażen għal dejjem. Hemm limitu għall-​paċenzja tiegħu. Pietru kiteb: “[Alla] ma żammx lura milli jikkastiga dinja tal-​qedem.” Filwaqt li Noè u familtu nżammu ħajjin, dik id-​dinja li kienet ċaħdet lil Alla għerqet. Ġeħova ġab ukoll ġudizzju fuq Sodoma u Gomorra, billi ġabhom irmied. B’dawn il-​ġudizzji “lill-​bnedmin bla devozzjoni lejn Alla ħallielhom mudell taʼ dak li għandu jiġri.” Dwar dan, aħna nistgħu nkunu ċerti: “Il-​jum taʼ Ġeħova jiġi bħal ħalliel.”​—2 Pietru 2:​5, 6; 3:​10.

21. Kif nistgħu nuru l-​paċenzja u s-​sabar tagħna, u liema suġġett se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Għalhekk, ejja nimitaw il-​paċenzja taʼ Ġeħova billi ngħinu lil oħrajn jiksbu ndiema sabiex ikunu jistgħu jsalvaw. Ejja nimitaw ukoll lill-​profeti billi bil-​paċenzja niddikjaraw l-​aħbar tajba minkejja li dawk li nippridkawlhom ma jagħtux widen. Iżjed minn hekk, nistgħu nkunu żguri li Ġeħova se jberikna bil-​kbir jekk, bħal Ġob, nissaportu l-​provi u nżommu l-​integrità tagħna. Għandna kull raġuni biex nifirħu fil-​ministeru tagħna meta naraw kif Ġeħova bierek bil-​kbir l-​isforzi tal-​poplu tiegħu biex jippridkaw l-​aħbar tajba madwar id-​dinja kollha. Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

X’Tiftakar?

• Ġeħova għala juri l-​paċenzja?

• X’nitgħallmu mill-​paċenzja tal-​profeti?

• Ġob kif wera s-​sabar, u x’kien ir-​riżultat?

• Kif nafu li l-​paċenzja taʼ Ġeħova għandha l-​limitu?

[Stampa f’paġna 18]

Il-​paċenzja taʼ Ġesù kienet eżatt bħal taʼ Missieru

[Stampi f’paġna 20]

Ġeħova kif ippremja l-​paċenzja taʼ Ġeremija?

[Stampi f’paġna 21]

Ġeħova kif ippremja s-​sabar taʼ Ġob?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja