Jehovah—Dak Alla Veru u Ħaj
FARAWNI tal-Eġittu tkellem bi sfida u stmerrija meta staqsa: “Min hu Jehovah?” (Eżodu 5:2) Kif ġie muri fl-artiklu taʼ qabel, dik l-attitudni ġabet kastigi u mewt fuq l-Eġizzjani, inkluż qabar fl-ilma għal Farawni u għall-forzi militari tiegħu.
Fl-Eġittu tal-qedem, Alla Jehovah ta prova tas-supremazija tiegħu fuq allat foloz. Imma hemm wisq iktar x’nitgħallmu dwaru. X’inhuma xi aspetti tal-personalità tiegħu? U hu x’jinħtieġ minna?
Ismu u l-Fama Tiegħu
Meta hu għarraf bit-talbiet tiegħu lil Farawni tal-Eġittu, Mosè ma qalx: ‘Il-Mulej qal hekk u hekk.’ Farawni u l-Eġizzjani qiesu lill-ħafna allat foloz tagħhom bħala mulejiet. Le, Mosè uża l-isem divin, Jehovah. Hu nnifsu kien semgħu jiġi mitkellem mill-għoli meta kien qiegħed ħdejn is-siġra taqbad fl-art taʼ Midjan. Tgħid il-kitba mnebbħa:
“Alla ssokta jkellem lil Mosè u jgħidlu: ‘Jiena Jehovah. . . . Jien, saħansitra jien, smajt it-tnehid taʼ wlied Iżrael, li lilhom l-Eġizzjani qegħdin iżommu fil-jasar, u niftakar fil-patt tiegħi. Għalhekk għid lil ulied Iżrael, “Jiena Jehovah, u jien ċertament li se noħroġkom minn taħt it-tagħbijiet tal-Eġizzjani u neħliskom mill-jasar tagħhom, u jien tabilħaqq li se nakkwistakom lura bi driegħ miftuħ u b’ġudizzji kbar. U jien ċertament li se neħodkom għalija bħala poplu, u tabilħaqq li se nagħti prova li jien Alla għalikom; u ċertament li se tkunu tafu li jiena Jehovah Alla tagħkom li qiegħed noħroġkom minn taħt it-tagħbijiet tal-Eġittu. U ċertament li se ndaħħalkom fl-art [taʼ Kangħan] li lilha għollejt idi b’ħalfa li nagħti lil [missirijietkom tal-qedem,] Abraham, Iżakk u Ġakobb; u jien tabilħaqq li se nagħtiha lilkom bħala xi ħaġa biex tippossjeduha. Jiena Jehovah.”’”—Eżodu 6:1-8.
Dan hu preċiż dak li Jehovah għamel. Ħeles lill-Iżraeliti mill-jasar Eġizzjan u għenhom biex jokkupaw l-art taʼ Kangħan. Kif kien wiegħed, Alla ġiegħel dan kollu jseħħ. Bix-xieraq! Ismu, Jehovah, ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Il-Bibbja tirreferi għal Jehovah b’titli bħalma huma “Alla,” “Mulej Sovran,” “Ħallieq,” “Missier,” “dak li Jistaʼ Kollox,” u “l-Iktar Għoli.” Madankollu ismu Jehovah jidentifikah bħala dak Alla veru li b’mod progressiv iġiegħel l-iskopijiet grandjużi tiegħu jseħħu.—Isaija 42:8.
Li kieku kellna naqraw il-Bibbja fil-lingwi oriġinali tagħha, kieku nsibu l-isem t’Alla eluf taʼ drabi. Fl-Ebrajk huwa rrappreżentat bl-erbaʼ konsonanti Jod Ħe Waw Ħe (יהוה), magħrufin bħala t-Tetragramma, li jinqraw mil-lemin għax-xellug. Dawk li jitkellmu bl-Ebrajk kienu jdaħħlu l-vokali huma, imma n-nies illum ma jafux b’ċertezza x’kienu. Waqt li xi wħud huma favur li jispellu Jaħwe, il-forma Jehovah hija komuni u tidentifika b’mod xieraq il-Ħallieq tagħna.
L-użu tal-isem Jehovah jiddistingwi wkoll lil Alla mill-wieħed imsejjaħ il-“Mulej tiegħi” f’Salm 110:1, fejn f’waħda mit-traduzzjonijiet tinqara: “Il-Mulej [Ebrajk, יהוה] igħid lil Sidi: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sama nqiegħed l-egħdewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk.” (Karm Zammit) Billi tirrikonoxxi li l-isem t’Alla deher hawn fit-test Ebrajk, in-New World Translation tinqara: “Il-ħaġa mitkellma taʼ Jehovah lill-Mulej tiegħi hi: ‘Oqgħod bil-qiegħda fuq il-leminija tiegħi sakemm inqiegħed il-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.’” Dawk il-kelmiet taʼ Alla Jehovah jirreferu b’mod profetiku għal Ġesù Kristu, li lilu l-kittieb sejjaħ “il-Mulej tiegħi.”
Jehovah għamel isem għalih innifsu fi żmien Farawni. Permezz taʼ Mosè, Alla qal lil dak il-ħakkiem taʼ qalb iebsa: “F’dan iż-żmien qiegħed nibgħat id-daqqiet kollha tiegħi kontra qalbek u fuq il-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek, bil-għan li tkun tistaʼ tkun taf li m’hemm ħadd bħali fl-art kollha. Għax s’issa stajt ħriġt idi ’l barra biex nistaʼ nolqot lilek u lill-poplu tiegħek bil-pesta u biex int tistaʼ tiġi mneħħi minn fuq l-art. Imma, fil-fatt, għal din ir-raġuni ħallejtek teżisti, bil-għan li nurik il-qawwa tiegħi u sabiex ikolli ismi ddikjarat mal-art kollha.”—Eżodu 9:14-16.
Rigward l-eżodu taʼ Iżrael mill-Eġittu u r-rebħa fuq ċerti slaten Kangħaniti, Raħab il-mara minn Ġeriko qalet liż-żewġ spiji Ebrej: “Naf jien li Jehovah ċertament li se jagħtikom [lill-Iżraeliti] l-art, u li l-biżaʼ tagħkom waqaʼ fuqna, u li l-abitanti kollha tal-art saru qalbhom maqtugħa minħabba fikom. Għax aħna smajna kif Jehovah nixxef l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar minn quddiemkom meta ħriġtu mill-Eġittu, u x’għamiltu liż-żewġ slaten tal-Amoriti li kienu fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, jiġifieri, Siħon u Og, li lilhom intom qridtu. Meta smajna dan, imbagħad qlubna bdew jinħallu, u ebda spirtu għadu ma qam f’xi ħadd minħabba fikom, għax Jehovah Alla tagħkom hu Alla fis-smewwiet ’il fuq u fuq l-art taħt.” (Ġożwè 2:9-11) Iva, il-fama taʼ Jehovah kienet infirxet.
Jehovah u l-Kwalitajiet Tiegħu
Is-salmista esprima din ix-xewqa minn qalbu: “Biex in-nies jistgħu jkunu jafu li int, li jismek Jehovah, inti waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:18) Ladarba s-sovranità taʼ Jehovah hija universali, is-segwaċi ppersegwitati taʼ Ġesù setgħu jitolbu: “Mulej Sovran, int Dak li għamilt is-sema u l-art u l-baħar u l-affarijiet kollha fihom.” (Atti 4:24) U kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li Jehovah huwa “Semmiegħ it-talb”!—Salm 65:2.
L-attribut prinċipali taʼ Jehovah huwa l-imħabba. Tabilħaqq, “Alla hu mħabba”—l-istess personifikazzjoni taʼ din il-kwalità. (1 Ġwann 4:8) Barra minn hekk, “miegħu hemm għerf u setgħa.” Jehovah huwa għaref f’kollox, u setgħan f’kollox, imma qatt ma jabbuża mill-poter tiegħu. (Ġob 12:13; 37:23) Nistgħu nkunu żguri wkoll li Jehovah dejjem se jimxi bil-ġustizzja magħna, għax “it-tjieba u l-ġudizzju huma l-post stabbilit tat-tron tiegħu.” (Salm 97:2) Jekk niżżballjaw imma nindmu, nistgħu nitfarrġu fil-għarfien li Jehovah huwa “Alla mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u fil-verità.” (Eżodu 34:6) Mhux taʼ b’xejn li jistaʼ jkollna l-ferħ f’li naqdu lil Jehovah!—Salm 100:1-5.
Is-Sultan Inkomparabbli tas-Sema
Iben Jehovah, Ġesù Kristu, qal: “Alla huwa Spirtu.” (Ġwann 4:24) B’hekk, Jehovah huwa inviżibbli għall-għajnejn tal-bniedem. Fil-fatt, Jehovah qal lil Mosè: “M’għandekx il-ħila tara lil wiċċi, għaliex ebda bniedem ma jistaʼ jarani u madankollu jgħix.” (Eżodu 33:20) Dan is-Sultan tas-sema tant hu glorjuż li l-bnedmin ma jkunux jifilħu jissaportu l-esperjenza taʼ li jarawh.
Għalkemm Jehovah huwa inviżibbli għal għajnejna, hemm bosta testimonjanza tal-eżistenza tiegħu bħala Alla li Jistaʼ Kollox. Tabilħaqq, “il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu.” (Rumani 1:20) L-art—bil-ħaxix, bis-siġar, bil-frott, bil-ħxejjex, u bil-fjuri tagħha—tagħti xiehda tad-Divinità taʼ Jehovah. Kontra tal-allat foloz bla siwi, Jehovah jagħti x-xita u l-istaġuni tal-frott. (Atti 14:16, 17) Ħares lejn il-kwiekeb fis-sema bil-lejl. X’evidenza grandjuża tad-Divinità taʼ Jehovah u tal-abbiltà organizzazzjonali tiegħu!
Jehovah organizza wkoll il-ħlejjaq spirti qaddisa u intelliġenti tiegħu fis-sema. Bħala organizzazzjoni f’armonija sħiħa, huma jwettqu r-rieda t’Alla, kif igħid is-salmista: “Bierku lil Jehovah, O intom l-anġli tiegħu, setgħanin fil-qawwa, li qegħdin twettqu l-kelma tiegħu, billi tisimgħu leħen il-kelma tiegħu. Bierku lil Jehovah, intom l-armati kollha tiegħu, intom il-ministri tiegħu, li qegħdin tagħmlu r-rieda tiegħu.” (Salm 103:20, 21) Jehovah organizza wkoll lill-poplu tiegħu fuq l-art. Il-ġens taʼ Iżrael kien organizzat tajjeb, u hekk kienu wkoll l-ewwel segwaċi tal-Iben t’Alla. Bl-istess mod illum, Jehovah għandu organizzazzjoni mad-dinja kollha taʼ Xhieda żelużi, li qegħdin jipproklamaw l-aħbar tajba li s-Saltna tiegħu qiegħda fil-qrib.—Mattew 24:14.
Jehovah Huwa l-Veru Alla l-Ħaj
Id-Divinità taʼ Jehovah ġiet murija b’tant modi! Hu umilja l-allat foloz tal-Eġittu u daħħal lill-Iżraeliti qawwijin u sħaħ fl-Art Imwiegħda. Il-ħolqien jagħti evidenza abbundanti tad-Divinità taʼ Jehovah. U m’hemm semplicement ebda paragun bejnu u bejn l-allat idoli foloz bla siwi tar-reliġjon falza.
Il-profeta Ġeremija wera kuntrast qawwi bejn Jehovah, dak Alla l-ħaj, u idoli bla ħajja magħmulin mill-bniedem. Dak il-kuntrast jiġi esprimut tajjeb f’Ġeremija kapitlu 10. Fost affarijiet oħrajn, Ġeremija kiteb: “Jehovah hu fil-verità Alla. Hu Alla l-ħaj u s-Sultan għal żmien indefinit.” (Ġeremija 10:10) Il-veru Alla l-ħaj, Jehovah, ħalaq l-affarijiet kollha. Hu ħeles lill-Iżraeliti li kienu qegħdin jitmermru fil-jasar fl-Eġittu. Xejn ma hu impossibbli għalih.
Jehovah, “is-Sultan tal-eternità,” se jwieġeb it-talba: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (1 Timotew 1:17; Mattew 6:9, 10) Is-Saltna Messjanika tas-sema, li diġà qiegħda f’idejn Ġesù Kristu, dalwaqt se tieħu azzjoni kontra n-nies mill-agħar u se teqred lill-għedewwa kollha taʼ Jehovah. (Danjel 7:13, 14) Dik is-Saltna se ddaħħal ukoll dinja ġdida taʼ barkiet bla tmiem għall-umanità ubbidjenti.—2 Pietru 3:13.
Hemm ħafna iktar x’wieħed jitgħallem dwar Jehovah u l-iskopijiet tiegħu. Għala ma tagħmilhiex id-determinazzjoni tiegħek li tieħu għarfien bħal dan u taġixxi fi qbil miegħu? Jekk tagħmel hekk, int se tkun wieħed jew waħda mill-ipprivileġġjati li se jgawdu ħajja eterna f’ġenna tal-art taħt il-ħakma tas-Saltna. Int se tgħix meta n-niket, l-uġigħ, u saħansitra l-mewt ikunu spiċċaw u l-għarfien taʼ Jehovah jimla l-art. (Isaija 11:9; Rivelazzjoni 21:1-4) Dan jistaʼ jkun tiegħek jekk inti tfittex, issib, u taġixxi fi qbil mat-tweġibiet ibbażati minn fuq il-Bibbja għall-mistoqsija, “Min hu Jehovah?”