Il-Biżaʼ Għala Jaħkem lid-Dinja?
MIN irid jgħix fil-biżaʼ? Il-persuna medja tixtieq is-sigurtà, mingħajr theddida għal ħajjitha jew għal dak li tippossjedi. Għalhekk, ħafna jitilqu minn inħawi mifnijin bil-kriminalità. Madankollu, kawżi għall-biżaʼ jeżistu kullimkien.
Perikli minn armi nukleari u inċidenti f’reatturi jqanqlu biżaʼ taʼ qerda għall-umanità. Vjolenza m’għola s-sema tippromwovi l-biżaʼ. Ħafna huma beżgħanin li l-AIDS se ssir l-iktar epidemija qattiela tas-seklu. Il-qerda taʼ l-ambjent tagħna hi fost kawżi oħra taʼ biżaʼ. Huma dawn il-biżgħat sinjifikanti b’mod speċjali? U nistgħu xi darba nittamaw li ngħixu f’dinja mingħajr biżaʼ bħal dan?
Biżaʼ Mad-Dinja Kollha Sinjifikanti
Il-biżaʼ maʼ kullimkien taʼ llum hu sinjifikanti minħabba dak li bassret il-Bibbja. Fil-profezija tiegħu dwar l-aħħar jiem, Ġesù Kristu semma kundizzjonijiet li jqanqlu l-biżaʼ. Hu qal: “Ġens se jqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara ieħor.” Ġesù tkellem ukoll dwar “[i]ż-żjieda fl-illegalità.” Sa mill-1914, gwerer li qatt ma kien hawn bħalhom, ġuħ, terremoti, u illegalità rriżultaw f’biżaʼ kbir u telf taʼ ħajja.—Mattew 24:7-14.
Saħansitra l-attitudnijiet tan-nies ikabbru l-biżaʼ llum. Fit-2 Timotew 3:1-4, naqraw il-kelmiet profetiċi taʼ l-appostlu Pawlu: “Fl-aħħar jiem żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom se jkunu hawn. Għax il-bnedmin se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, faħħarin, kburin, midgħajja, ma jobdux lill-ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali, m’huma lesti għal ebda ftehim, kalunnjaturi, mingħajr kontroll fuqhom infushom, feroċi, mingħajr imħabba lejn it-tjubija, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-kburija, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu ’l Alla.” La darba aħna mdawrin b’nies bħal dawn f’dawn l-aħħar jiem, mhux taʼ b’xejn hawn daqshekk biżaʼ!
X’Tistaʼ Tistenna Din Id-Dinja
Ġesù qabbel dan il-perijodu maʼ l-aħħar żminijiet tad-dinja taʼ żmien Noè. Bla dubju, l-biżaʼ dak in-nhar kien kbir, għax ir-rekord storiku tal-Bibbja jgħid: “L-art ġiet li hi rrovinata fil-ħarsa taʼ dak Alla veru u l-art saret mimlija bil-vjolenza.” Għalhekk, “Alla qal lil Noè: ‘It-tmiem tal-laħam kollu ġie quddiemi, għaliex l-art mimlija vjolenza.’” (Ġenesi 6:11, 13) Dik id-dinja mill-agħar kienet tant vjolenti li Alla ġab tmiem fuqha permezz tad-Dilluvju globali. B’imħabba, madankollu, Alla Jehovah ippreserva lit-twajjeb Noè u lill-familja tiegħu.—2 Pietru 2:5.
Għalhekk x’tistaʼ tistenna d-dinja vjolenti preżenti? Sewwa, Alla jistmerr in-nuqqas vjolenti taʼ rispett lejn l-interessi taʼ ħaddieħor. Dan hu evidenti mill-kliem tas-salmista: “Jehovah innifsu jeżamina lill-wieħed twajjeb kif ukoll lill-wieħed mill-agħar, u lil kulmin iħobb il-vjolenza Ruħu ċertament li tobgħod.” (Salm 11:5) Jehovah ġab tmiem għad-dinja vjolenti taʼ żmien Noè. Mela, allura, m’għandniex aħna nistennew li Alla jġib tmiem għal din id-dinja mifnija minn vjolenza li tqanqal il-biżaʼ?
L-appostlu Pietru kien spirat b’mod divin biex jitkellem dwar il-preżenza taʼ Kristu u biex jipprofetizza gwaj għad-dinja ħażina preżenti. Hu kiteb: “Fl-aħħar jiem se jiġu dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt bit-twaqqigħ għaċ-ċajt tagħhom, jissoktaw skond ix-xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Iva, minn dak in-nhar li missirijietna tal-qedem raqdu fil-mewt, l-affarijiet kollha qegħdin ikomplu eżatt bħal mill-bidu tal-ħolqien.’” Pietru mbagħad uża t-terminu “smewwiet” biex jirrappreżenta s-sistema taʼ ħakma imperfetta fuq l-umanità u l-kelma “art” għas-soċjetà umana taʼ mingħajr tjieba. “Għax,” qal hu, “skond ix-xewqa tagħhom, dan il-fatt jaħrab l-attenzjoni tagħhom, li kien hemm smewwiet mill-qedem u art wieqfa marsusa ’l barra mill-ilma u f’nofs l-ilma bil-kelma t’Alla; u b’dawk il-mezzi d-dinja taʼ dak iż-żmien [żmien Noè] sofriet qerda meta kienet mgħarrqa bl-ilma. Imma bl-istess kelma s-smewwiet u l-art li huma issa huma maħżunin għan-nar u qegħdin jiġu merfugħin għal jum il-ġudizzju u taʼ qerda għan-nies taʼ mingħajr Alla.”—2 Pietru 3:3-7.
Fi qbil maʼ dan, Pawlu ħareġ il-punt li Kristu u l-anġli qawwijin tiegħu sejrin iġibu “vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù. Dawn l-istess uħud se jieħdu l-kastig ġudizzjarju taʼ qerda għal dejjem.” (2 Tessalonkin 1:6-9) L-aħħar ktieb tal-Bibbja jitkellem dwar il-ġbir tan-nazzjonijiet “għall-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” u jassigurana li Jehovah se “jġib f’rovina lil dawk li qegħdin jirrovinaw l-art.”—Rivelazzjoni 11:18; 16:14-16.
Żmien Taʼ Ferħ, Mhux Biżaʼ
Minflok ma jkunu mwerwrin b’dak li l-Bibbja tbassar għal din id-dinja, nies retti għandhom raġun jifirħu. Jehovah dalwaqt iġib tmiem għal din id-dinja mill-agħar, imma dan se jsir għall-ġid taʼ dawk li jħobbu t-tjieba. X’se jsegwi t-tmiem divin tas-sistema preżenti taʼ affarijiet? Iva, sistema ġdida taħt is-Saltna t’Alla tas-smewwiet, li għaliha Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu! Hu qal: “Tridu titolbu, allura, b’dan il-mod: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’” (Mattew 6:9, 10) Liema tibdiliet jistgħu jiġu mistennijin meta r-rieda t’Alla tkun magħmula fuq l-art?
Il-gwerra u t-terruri tagħha se jkunu spiċċaw. Salm 46:9 jgħid: “[Alla Jehovah] qiegħed iġiegħel li l-gwerer jieqfu sa l-estremità taʼ l-art. Il-qaws hu jaqsam fi tnejn u tassew ikisser il-lanza f’biċċiet; il-vaguni [tal-gwerra] jaħraqhom fin-nar.” Imbagħad in-nies “attwalment se jpoġġu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt is-siġra tat-tin tiegħu, u ma se jkun hemm ħadd li jġigħelhom jitriegħdu.”—Mikea 4:4.
Mardiet qattelin ma jikkaġunawx iktar biżaʼ u jaħsdu ħajjiet. Il-wegħda divina hi: “Ebda resident ma se jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) X’raġuni għal ferħ!
Biżgħat assoċjati mal-kriminalità u l-vjolenza se jkunu wkoll affarijiet tal-passat. Salm 37:10, 11 iwiegħed: “Ftit ieħor biss, u l-wieħed mill-agħar mhux se jkun iżjed; u int ċertament li se tagħti kas taʼ postu, u hu mhux se jkun. Imma l-ġwejdin infushom se jkollhom pussess taʼ l-art, u tabilħaqq se jsibu l-għaxqa bnina tagħhom fl-abbundanza taʼ paċi.”
Kif sejrin il-paċi vera u s-sigurtà jieħdu post il-biżgħat tal-ġurnata preżenti? Permezz taʼ gvern wieħed taʼ tjieba—is-Saltna t’Alla. Rigward żmienna, Danjel 2:44 jistqarr: “Fil-jiem taʼ dawk is-slaten dak Alla tas-sema se jwaqqaf saltna li qatt ma se tinġieb f’rovina. U s-saltna nfisha mhix se tiġi mgħoddija lil xi poplu ieħor. Din se tgħaffeġ u ġġib tmiem għal dawn is-saltniet kollha, u hi nfisha se tieqaf għal żminijiet indefiniti.” Is-Sultan maħtur taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, ‘irid jaħkem sakemm Alla jkun qiegħed l-għedewwa kollha taħt saqajh.’ (1 Korintin 15:25) Ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù ħa jwettaq l-iskop oriġinali t’Alla li jkollu art magħmula ġenna abitata għal dejjem minn bnedmin ferħanin.—Luqa 23:43; Rivelazzjoni 20:6; 21:1-5.
F’dik l-art magħmula Ġenna, se jkun hemm biżaʼ wieħed li jsaħħaħ. Ikun “il-biżaʼ taʼ Jehovah.” (Proverbji 1:7) Fil-fatt, għandu jkollna dan il-biżaʼ saħansitra issa, għax hu reverenza profonda u rispett flimkien maʼ tkexkix li ma nogħġbux lil Alla għax napprezzaw il-qalb tajba bl-imħabba u t-tjubija tiegħu. Dan il-biżaʼ jirrikjedi fiduċja assoluta f’Jehovah u ubbidjenza leali.—Salm 2:11; 115:11.
Ġrajjiet tal-biżaʼ jimmarkaw dawn bħala l-aħħar jiem. Jekk nagħtu prova taʼ l-imħabba tagħna għal Alla, madankollu, nistgħu nifirħu minflok ma nkunu beżgħanin. Profeziji bibliċi juru li l-konklużjoni divina taʼ din id-dinja hi fil-qrib. Postha se jittieħed mid-dinja ġdida taʼ tjieba mwiegħda minn Alla Jehovah. (2 Pietru 3:13) Tabilħaqq, taħt il-ħakma tas-Saltna dalwaqt se jkun hemm dinja mingħajr biżaʼ li ma jagħmilx ġid. (w94 7/15)
[Stampa f’paġna 6]
Taħt il-ħakma tas-Saltna minn Ġesù Kristu, qatt iktar il-biżaʼ ma se jaħkem lid-dinja