Jehovah—Missierna li Jagħder b’Tenerezza
“Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni u jagħder.”—ĠAKBU 5:11, nota taʼ taħt.
1. Uħud baxxi għala jinġibdu lejn Alla Jehovah?
L-UNIVERS huwa tant kbir li l-astronomi m’humiex kapaċi saħansitra jgħoddu l-galassji kollha tiegħu. Il-galassja tagħna, it-Triq tal-Ħalib, hija tant vasta li l-bniedem mhux kapaċi saħansitra jibda jgħodd il-kwiekeb kollha tagħha. Xi kwiekeb, bħal Antares, huma eluf taʼ drabi akbar u jiddu iżjed mix-xemx tagħna. Kemm bil-fors li hu setgħan il-Ħallieq Grandjuż tal-kwiekeb kollha fl-univers! Tabilħaqq, hu “l-Wieħed li qiegħed joħroġ l-armata tagħhom saħansitra bl-għadd, li lkoll kemm huma jsejħilhom saħansitra bl-isem.” (Isaija 40:26) Madankollu, dan l-istess Alla li jispira biżaʼ hu wkoll “teneru ferm fl-affezzjoni u jagħder.” Kemm huwa rifreskanti għarfien bħal dan għal qaddejja umlin taʼ Jehovah, speċjalment għal dawk li jsofru minn persekuzzjoni, mard, dipressjoni, jew tbatijiet oħrajn!
2. Emozzjonijiet teneri kif inhuma taʼ spiss meqjusin minn nies taʼ did-dinja?
2 Ħafna jqisu l-emozzjonijiet delikati, bħall-“affezzjonijiet teneri u mogħdrijiet” taʼ Kristu, bħala djufija. (Filippin 2:1) Influwenzati mill-filosofija evoluzzjonarja, huma jinkuraġġixxu lin-nies biex ipoġġu lilhom infushom l-ewwel saħansitra jekk dak ifisser li jweġġgħu s-sentimenti taʼ oħrajn. Għadd taʼ artisti fid-dinja tad-divertiment u taʼ l-isports huma nies taʼ qalb iebsa li ma jxerrdux dmugħ jew ma jurux affezzjoni tenera. Xi ħakkiema politiċi jaġixxu bl-istess mod. Il-filosfu Stojku Seneka, li għallem lill-imperatur krudil Neruni, enfasizza li “l-ħasra hija djufija.” Is-Cyclopædia taʼ M’Clintock u Strong tistqarr: “L-influwenzi taʼ l-Istojċiżmu . . . jibqgħu jinfluwenzaw l-imħuħ taʼ xi nies saħansitra fiż-żmien preżent.”
3. Jehovah kif iddeskriva lilu nnifsu lil Mosè?
3 F’kuntrast, il-personalità tal-Ħallieq tal-bnedmin tqanqal il-qalb. Hu ddeskriva lilu nnifsu lil Mosè f’dan il-kliem: “Jehovah, Jehovah, Alla ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u fil-verità, . . . jaħfer l-iżball u n-nuqqas u d-dnub, imma b’ebda mod ma se jeżenta mill-kastig.” (Eżodu 34:6, 7) Veru, Jehovah temm din id-deskrizzjoni tiegħu nnifsu billi enfasizza l-ġustizzja tiegħu. Mhux se jeżenta lil min jidneb apposta mill-kastig mistħoqq. Xorta waħda, hu jiddeskrivi lilu nnifsu l-ewwelnett bħala Alla li hu ħanin, litteralment “mimli ħniena.”
4. X’inhu t-tifsir li jqanqal il-qalb tal-kelma Ebrajka taʼ spiss tradotta “ħniena”?
4 Xi drabi l-kelma “ħniena” naħsbu dwarha biss fis-sens ġudizzjarju u indifferenti taʼ li jinżamm lura xi kastig. Madankollu, paragun taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja joħroġ it-tifsira għanja taʼ l-aġġettiv Ebrajk li ġej mill-verb ra·chamʹ. Skond xi studjużi, il-mamma tiegħu hija “li tkun artab.” “Racham,” jispjega l-ktieb Synonyms of the Old Testament, “tesprimi sentiment profond u teneru taʼ mogħdrija, bħalma huwa mqanqal mid-dehra taʼ djufija jew tbatija f’dawk li huma għeżież għalina jew li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.” Definizzjonijiet oħrajn li jqanqlu l-qalb taʼ din il-kwalità mixtieqa jinsabu f’Insight on the Scriptures, it-2 Volum, paġni 375-9.
5. Il-ħniena kif kienet evidenti fil-Liġi Możajka?
5 Il-mogħdrija tenera t’Alla hija evidenti b’mod ċar fil-Liġi li ta lill-ġens taʼ Iżrael. Uħud żvantaġġjati, bħalma huma r-romol, l-orfni, u l-fqar, kellhom jiġu ttrattati b’mogħdrija. (Eżodu 22:22-27; Levitiku 19:9, 10; Dewteronomju 15:7-11) Kulħadd, inklużi l-irsira u l-annimali, kellhom jibbenefikaw mis-Sabat taʼ mistrieħ taʼ kull ġimgħa. (Eżodu 20:10) Iktar minn hekk, Alla ta kas taʼ individwi li ttrattaw lil uħud baxxi b’tenerezza. Proverbji 19:17 jistqarr: “Dak li qiegħed juri favur lejn il-wieħed baxx qiegħed jislef lil Jehovah, u t-trattament tiegħu Hu se jpattilu lura.”
Limiti Għall-Mogħdrija Divina
6. Jehovah għala bagħat profeti u messaġġiera lill-poplu tiegħu?
6 L-Iżraeliti ġarrew isem Alla u qiemu fit-tempju f’Ġerusalemm, li kien “dar għal isem Jehovah.” (2 Kronaki 2:4; 6:33) Maż-żmien, madankollu, saru jittolleraw l-immoralità, l-idolatrija, u l-qtil, billi ġabu tmaqdir kbir fuq isem Jehovah. Fi qbil mal-personalità taʼ mogħdrija tiegħu, Alla bil-paċenzja pprova jiddritta din is-sitwazzjoni ħażina mingħajr ma jġib gwaj fuq il-ġens kollu. Hu “baqaʼ jibgħat kontra tagħhom permezz tal-messaġġiera tiegħu, jibgħat darba wara l-oħra, għaliex ħass mogħdrija għall-poplu tiegħu u għall-post fejn joqgħod. Imma huma kienu l-ħin kollu jiżżufjettaw bil-messaġġiera taʼ dak Alla veru u jistmerru kliemu u jżebilħu lill-profeti tiegħu, sakemm id-dagħdigħa taʼ Jehovah telgħet għal kontra l-poplu tiegħu, sakemm ma kien hemm ebda fejqan.”—2 Kronaki 36:15, 16.
7. Meta l-mogħdrija taʼ Jehovah laħqet il-limitu tagħha, xi ġralha s-saltna taʼ Ġuda?
7 Għalkemm Jehovah jagħder u bil-mod biex jagħdab, meta jkun hemm bżonn hu tassew juri rabja taʼ tjieba. Lura dak iż-żmien, il-mogħdrija divina kienet laħqet il-limitu tagħha. Naqraw dwar il-konsegwenzi: “Mela [Jehovah] ġab kontra tagħhom is-sultan tal-Kaldin, li ssokta joqtol lill-irġiel żgħażagħ tagħhom bis-sejf fid-dar tas-santwarju tagħhom, u lanqas ma ħass mogħdrija għal raġel żagħżugħ jew verġni, xiħ jew mifni biż-żmien. Kollox Hu ta f’idu.” (2 Kronaki 36:17) B’hekk Ġerusalemm u t-tempju tagħha ġew meqrudin, u l-ġens meħud fil-jasar lejn Babilonja.
Mogħdrija Għal Ismu
8, 9. (a) Jehovah għala ddikjara li kien se jkollu mogħdrija għal ismu? (b) L-għedewwa taʼ Jehovah kif ġew imsikktin?
8 Il-ġnus taʼ madwarhom ferħu b’dan il-gwaj. B’mod taʼ żufjett, qalu: “Dawn huma n-nies taʼ Jehovah, u minn pajjiżu ħarġu.” Billi ħass dan it-tmaqdir, Jehovah iddikjara: “Se jkolli mogħdrija fuq ismi qaddis . . . U jien ċertament li se nqaddes lill-isem kbir tiegħi, . . . u l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien Jehovah.”—Eżekjel 36:20-23.
9 Wara li l-ġens tiegħu kien ilu fil-jasar għal 70 sena, dak Alla taʼ mogħdrija, Jehovah, ħelishom u ħalliehom jirritornaw u jibnu mill-ġdid it-tempju f’Ġerusalemm. Dan sikket lill-ġnus taʼ madwarhom, li ħarsu bi stagħġib. (Eżekjel 36:35, 36) B’sogħba, iżda, il-ġens taʼ Iżrael mill-ġdid waqaʼ fi prattiċi ħżiena. Lhudi leali, Neħemija, għen biex tiddritta s-sitwazzjoni. F’talba pubblika, hu rreveda l-modi kif Alla ttratta bil-mogħdrija mal-ġens, billi qal:
10. Neħemija kif enfasizza l-mogħdrija taʼ Jehovah?
10 “Fi żmien l-hemm tagħhom huma kienu jgħajtu lilek, u int innifsek kont tismaʼ mill-istess smewwiet; u fi qbil mal-ħniena abbundanti tiegħek int kont tagħtihom salvaturi li kienu jsalvawhom minn ġo id l-avversarji tagħhom. Imma malli kienu jkunu fil-mistrieħ, kienu jagħmlu mill-ġdid dak li huwa ħażin quddiemek, u int kont tħallihom f’id l-għedewwa tagħhom, li kienu jgħaffġuhom taħt saqajhom. Imbagħad kienu jiġu lura u jgħajtu lilek għall-għajnuna, u int innifsek kont tismaʼ mill-istess smewwiet u teħlishom fi qbil mal-ħniena abbundanti tiegħek, darba wara l-oħra. . . . Int kont indulġenti magħhom għal bosta snin.”—Neħemija 9:26-30; ara wkoll Isaija 63:9, 10.
11. X’kuntrast jeżisti bejn Jehovah u l-allat tal-bnedmin?
11 Finalment, wara li bil-krudeltà rrifjuta lill-Iben maħbub t’Alla, il-ġens Lhudi tilef l-istat ipprivileġġjat tiegħu għal dejjem. L-irbit leali t’Alla magħhom kien dam ’il fuq minn 1,500 sena. Dan jibqaʼ bħala xhud etern għall-fatt li Jehovah hu tabilħaqq Alla taʼ ħniena. X’kuntrast qawwi maʼ l-allat krudili u bla sentimenti li ġew ivvintati mill-bnedmin midinbin!—Ara l-kaxxa f’paġna 19.
L-Akbar Espressjoni Taʼ Mogħdrija
12. X’kienet l-akbar espressjoni tal-mogħdrija t’Alla?
12 L-akbar espressjoni tal-mogħdrija t’Alla kienet meta bagħat lil Ibnu l-maħbub fuq l-art. Veru, il-ħajja taʼ integrità taʼ Ġesù ġabet pjaċir kbir lil Jehovah, billi pprovdietu bi tweġiba perfetta għall-akkużi foloz tax-Xitan. (Proverbji 27:11) Fl-istess ħin, madankollu, li kellu jara lil Ibnu l-maħbub isofri mewta krudila u umiljanti bla dubju kkaġuna lil Jehovah uġigħ akbar milli qatt kellu jissaporti kwalunkwe ġenitur uman. Kien sagrifiċċju verament taʼ mħabba, billi fetaħ it-triq għas-salvazzjoni taʼ l-umanità. (Ġwann 3:16) Bħalma bassar Żakkarija, missier Ġwanni l-Għammied, hu kabbar “il-mogħdrija tenera taʼ Alla tagħna.”—Luqa 1:77, 78.
13. Ġesù b’liema mod importanti rrifletta l-personalità taʼ Missieru?
13 Il-fatt li Alla bagħat lil Ibnu fuq l-art ukoll ta lill-bnedmin ħarsa iktar ċara tal-personalità taʼ Jehovah. Dan kif? F’li Ġesù rrifletta perfettament il-personalità taʼ Missieru, speċjalment fil-mod taʼ mogħdrija tenera li bih ittratta maʼ wħud baxxi! (Ġwann 1:14; 14:9) F’dan ir-rigward, it-tliet kittieba tal-Vanġelu Mattew, Mark, u Luqa jużaw verb Grieg, splag·khniʹzo·mai, li ġej mill-kelma Griega għal “imsaren.” “Mill-istess tnissil tagħha,” jispjega l-istudjuż tal-Bibbja William Barclay, “jistaʼ jidher li din tiddeskrivi ħasra u mogħdrija li m’humiex ordinarji, imma emozzjoni li tqanqal lil bniedem mill-istess profonditajiet taʼ l-esseri tiegħu. Din hija l-iktar kelma qawwija bil-Grieg għas-sentiment taʼ mogħdrija.” Tiġi tradotta b’modi diversi bħala ‘jħoss ħasra’ jew ‘imqanqal b’ħasra.’—Mark 6:34; 8:2.
Meta Ġesù Ħass Ħasra
14, 15. F’belt tal-Galilija, Ġesù kif inhu mqanqal bil-ħasra, u dan x’juri?
14 Ix-xena hija belt tal-Galilija. Raġel “mimli ġdiem” javviċina lil Ġesù mingħajr ma jagħti t-twissija tas-soltu. (Luqa 5:12) Iċanfru Ġesù b’mod aħrax talli ma għajjatx, “Mhux nadif, mhux nadif,” kif mitlub mil-Liġi t’Alla? (Levitiku 13:45) Le. Minflok, Ġesù jismaʼ t-talba ħerqana u ddisprata tar-raġel: “Jekk biss trid, int tistaʼ tagħmilni nadif.” “[I]mqanqal b’ħasra,” Ġesù joħroġ idu u jmiss lill-imġiddem, billi jgħid: “Irrid. Intgħamel nadif.” Saħħet ir-raġel tiġi restawrata f’dak il-waqt stess. Ġesù b’hekk juri mhux biss il-qawwiet mirakolużi tiegħu mogħtijin minn Alla imma wkoll is-sentimenti teneri li jimmotivawh biex juża qawwiet bħal dawn.—Mark 1:40-42.
15 Irid Ġesù jiġi avviċinat qabel ma juri sentimenti taʼ mogħdrija? Le. Xi ftit tal-ħin wara, jiltaqaʼ maʼ purċissjoni taʼ funeral ħierġa mill-belt taʼ Najin. Bla dubju, Ġesù kien ra b’għajnejh ħafna funerali qabel, imma dan huwa b’mod speċjali traġiku. Il-mejjet hu l-uniku iben taʼ armla. “[I]mqanqal b’ħasra,” Ġesù javviċinaha u jgħid: “Ieqaf mill-biki.” Imbagħad iwettaq il-miraklu taʼ l-għaġeb li jqajjem lil binha lura għall-ħajja.—Luqa 7:11-15.
16. Ġesù għala jħoss ħasra għall-folla kbira li qiegħda ssegwih?
16 Il-lezzjoni drammatika li nitgħallmu mill-ġrajjiet t’hawn fuq hija li meta Ġesù jiġi “mqanqal b’ħasra,” jagħmel xi ħaġa pożittiva biex jgħin. F’okkażjoni oħra iktar tard, Ġesù jispezzjona l-folol kbar li baqgħu jsegwuh. Mattew jirrapporta li “tħassarhom, għaliex kienu mqaxxrin u mitfugħin ’l hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Il-Fariżej ftit li xejn jagħmlu biex jissodisfaw il-ġuħ spiritwali tan-nies komuni. Minflok, jgħabbu lil uħud umlin b’ħafna regoli m’humiex neċessarji. (Mattew 12:1, 2; 15:1-9; 23:4, 23) Il-ħarsa tagħhom lejn in-nies komuni kienet mikxufa meta qalu lil dawk li semgħu lil Ġesù: “Din il-folla li ma tafx il-Liġi huma nies misħutin.”—Ġwann 7:49.
17. Il-ħasra taʼ Ġesù għall-folol kif qanqlitu, u liema gwida li twassal ’il bogħod ipprovda hemm?
17 F’kuntrast, Ġesù hu mqanqal b’mod profond mis-sitwazzjoni spiritwali ħażina tal-folol. Imma hemm sempliċement wisq nies interessati biex hu jkun jistaʼ jagħtihom attenzjoni individwali. Mela jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu għal iżjed ħaddiema. (Mattew 9:35-38) Fi qbil maʼ talb bħal dan, Ġesù jibgħat lill-appostli tiegħu bil-messaġġ: “Is-saltna tas-smewwiet qorbot.” L-istruzzjonijiet mogħtijin f’dik l-okkażjoni servew bħala gwida taʼ valur għall-Kristjani sal-ġurnata tal-lum. Bla dubju, is-sentimenti taʼ mogħdrija taʼ Ġesù jqanqluh biex jissodisfa l-ġuħ spiritwali tal-bnedmin.—Mattew 10:5-7.
18. Ġesù kif jirreaġixxi meta l-folol jindaħlu fil-privatezza tiegħu, u x’lezzjoni nitgħallmu minn dan?
18 F’okkażjoni oħra, Ġesù mill-ġdid iħoss tħassib dwar il-bżonnijiet spiritwali tal-folol. Din id-darba hu u l-appostli tiegħu huma għajjenin wara mawra attiva taʼ ppridkar, u jfittxu post biex jistrieħu. Imma n-nies malajr isibuhom. Minflok ma Ġesù ħassu rritat b’dan l-indħil fil-privatezza tagħhom, Mark jikteb li ġie “mqanqal b’ħasra.” U x’kienet ir-raġuni għas-sentimenti profondi taʼ Ġesù? “Kienu bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” Mill-ġdid, Ġesù jaġixxi fuq is-sentimenti tiegħu u jibda jgħallem lill-folol “dwar is-saltna t’Alla.” Iva, tant kien imqanqal b’mod profond minħabba l-ġuħ spiritwali tagħhom li ssagrifika mistrieħ meħtieġ biex jgħallimhom.—Mark 6:34; Luqa 9:11.
19. It-tħassib taʼ Ġesù għall-folol kif estenda saħansitra lil hinn mill-bżonnijiet spiritwali tagħhom?
19 Fil-waqt li kien ikkonċernat primarjament dwar il-bżonnijiet spiritwali tan-nies, Ġesù qatt ma għalaq għajnejh għall-bżonnijiet fiżiċi u bażiċi tagħhom. F’dik l-istess okkażjoni, hu wkoll “fejjaq lil dawk li kellhom bżonn il-fejqan.” (Luqa 9:11) F’okkażjoni oħra iktar tard, il-folol kienu ilhom miegħu għal żmien twil, u kienu ’l bogħod mid-dar. Billi ħass il-bżonn fiżiku tagħhom, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tiġini ħasra mill-folla, għaliex diġà ilhom tlett ijiem miegħi u m’għandhom xejn x’jieklu; u ma rridx nibgħathom ’l hemm sajmin. Jistgħu forsi jħosshom ħażin fit-triq.” (Mattew 15:32) Ġesù issa jagħmel xi ħaġa biex jevita xi sofferenza possibbli. Hu b’mod mirakoluż jipprovdi lil eluf taʼ rġiel, nisa, u tfal b’ikla pprovduta minn sebaʼ ħobżiet u ftit ħutiet żgħar.
20. X’nitgħallmu mill-aħħar każ miktub fejn Ġesù ġie mqanqal mill-ħasra?
20 L-aħħar każ miktub fejn Ġesù ġie mqanqal b’ħasra huwa fil-vjaġġ finali tiegħu lejn Ġerusalemm. Folol kbar qegħdin jivvjaġġaw miegħu biex jiċċelebraw il-Qbiż. Fit-triq lejn Ġeriko, żewġ tallaba għomja jibqgħu jgħajtu: “Mulej, ikollok ħniena minna.” Il-folol jipprovaw isikktuhom, imma Ġesù jsejħilhom u jistaqsihom xi jriduh jagħmlilhom. “Mulej, ħalli li għajnejna jinfetħu,” jitolbu bil-ħniena. “Imqanqal b’ħasra,” imissilhom għajnejhom, u jirċievu d-dawl. (Mattew 20:29-34) X’lezzjoni importanti nitgħallmu minn dan! Ġesù wasal biex jidħol fl-aħħar ġimgħa tal-ministeru tiegħu fuq l-art. Għandu ħafna xogħol xi jwettaq qabel isofri mewta krudili minn idejn l-aġenti taʼ Satana. Madankollu, ma jħallix il-pressjoni taʼ dan il-ħin importanti ġġiegħlu ma jurix is-sentimenti teneri tiegħu taʼ mogħdrija għal bżonnijiet umani inqas importanti.
Tixbihat Li Jenfasizzaw Il-Mogħdrija
21. X’inhu muri mis-sid li jħassar id-dejn kbir taʼ l-irsir tiegħu?
21 Il-verb Grieg splag·khniʹzo·mai, użat f’dawn ir-rakkonti tal-ħajja taʼ Ġesù, huwa wżat ukoll fi tlieta mit-tixbihat taʼ Ġesù. Fi storja minnhom irsir jitlob għal żmien biex iħallas lura dejn kbir. Sidu, “imqanqal b’ħasra,” iħassar id-dejn. Din tagħti tixbieha li Alla Jehovah wera mogħdrija kbira f’li jħassar dejn kbir taʼ dnub għal kull Kristjan individwali li jeżerċita fidi fis-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù.—Mattew 18:27; 20:28.
22. Il-parabbola taʼ l-iben prodigu x’turi?
22 Imbagħad hemm l-istorja taʼ l-iben prodigu. Ftakar x’jiġri meta l-iben li kien żvija jirritorna d-dar. “Waqt li kien għadu ’l bogħod, missieru lemħu u tqanqal b’ħasra, u ġera u xteħet fuq għonqu u biesu b’mod teneru.” (Luqa 15:20) Dan juri li meta Kristjan li jkun żvija juri ndiema ġenwina, Jehovah se jħoss ħasra u b’tenerezza jaċċettah lura. B’hekk, b’dawn iż-żewġ tixbihat, Ġesù juri li Missierna, Jehovah, “hu teneru ferm fl-affezzjoni u jagħder.”—Ġakbu 5:11, nota taʼ taħt.
23. X’lezzjoni nitgħallmu mit-tixbieha taʼ Ġesù dwar is-Samaritan li wera mħabba lejn ġaru?
23 It-tielet użu illustrattiv taʼ splag·khniʹzo·mai, jikkonċerna lis-Samaritan kollu mogħdrija li “tqanqal b’ħasra” għas-sitwazzjoni ħażina taʼ Lhudi li kien ġie misruq u mħolli għal mejjet. (Luqa 10:33) Billi aġixxa fuq dawn is-sentimenti, is-Samaritan għamel dak kollu li setaʼ biex jgħin lill-istranġier. Dan juri li Jehovah u Ġesù jistennew li Kristjani veri jsegwu l-eżempju tagħhom f’li juru tenerezza u mogħdrija. Xi ftit mill-modi kif nistgħu nagħmlu dan se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss. (w94 11/1)
Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni
◻ Xi jfisser li tkun ħanin?
◻ Jehovah kif wera mogħdrija għal ismu?
◻ Liema hija l-akbar espressjoni taʼ mogħdrija?
◻ Ġesù b’liema mod li jispikka jirrifletti l-personalità taʼ Missieru?
◻ X’nitgħallmu mill-azzjonijiet taʼ mogħdrija taʼ Ġesù u mit-tixbihat tiegħu?
[Kaxxa f’paġni 22, 23]
TERMINU GRAFIKU GĦAL “ĦSIEB TENERU BL-IMĦABBA”
“AJMA msarni, imsarni!” beka l-profeta Ġeremija. Kien hu qiegħed jilmenta minn xi diżordni fil-vixxri minħabba xi ħaġa ħażina li kien kiel? Le. Ġeremija kien qiegħed juża metafora Ebrajka biex jiddeskrivi t-tħassib fil-fond tiegħu dwar il-gwaj li kien ġej fuq is-saltna taʼ Ġuda.—Ġeremija 4:19.
Peress li Alla Jehovah għandu sentimenti profondi, il-kelma Ebrajka għal “imsaren,” jew “vixxri” (me·ʽimʹ), hija wżata wkoll biex tiddeskrivi l-emozzjonijiet teneri tiegħu. Per eżempju, għaxriet taʼ snin qabel jiem Ġeremija, is-saltna taʼ l-għaxar tribujiet taʼ Iżrael kienet meħuda fil-jasar mis-sultan taʼ l-Assirja. Jehovah ippermetta dan bħala kastig għall-infedeltà tagħhom. Imma nesiehom Alla fl-eżilju? Le. Hu kien għadu marbut sewwa magħhom bħala parti mill-poplu tal-patt tiegħu. Billi rrefera għalihom bl-isem tat-tribù prominenti taʼ Efraijm, Jehovah staqsa: “Hu Efraijm iben prezzjuż għalija, jew tifel ittrattat b’għożża? Għax skond kemm nitkellem kontra tiegħu jien sejjer bla ma nfalli niftakru iktar. Huwa għalhekk li msarni saru storbjużi għalih. Ċertament li se jkolli ħasra għalih.”—Ġeremija 31:20.
Billi qal “[i]msarni saru storbjużi,” Jehovah uża espressjoni biex jiddeskrivi s-sentimenti profondi taʼ affezzjoni tiegħu għall-poplu eżiljat tiegħu. Fil-kummentarju tiegħu dwar dan il-vers, l-istudjuż tal-Bibbja tas-seklu 19 E. Henderson kiteb: “Xejn ma jistaʼ jiżboq il-wiri li jmiss il-qalb taʼ ħsieb teneru taʼ ġenitur lejn iben prodigu li jirritorna, li hawn huwa ppreżentat minn Jehovah. . . . Għalkemm hu kien b’hekk tkellem kontra [l-Efraijmiti idolatri] u kkastigahom . . . , qatt ma nesiehom, imma, għall-kuntrarju, tgħaxxaq bl-antiċipazzjoni tal-fejqan aħħari tagħhom.”
Il-kelma Griega għal “vixxri,” jew “imsaren,” hija wżata b’mod simili fl-Iskrittura Griega Kristjana. Meta ma tkunx użata litteralment, bħal f’Atti 1:18, din tirreferi għal emozzjonijiet teneri taʼ affezzjoni jew mogħdrija. (Filemon 12) Il-kelma kultant tiġi mgħaqqda mal-kelma Griega li tfisser “tajjeb” jew “sewwa.” L-appostli Pawlu u Pietru jużaw l-espressjoni kkombinata meta jinkuraġġixxu lill-Kristjani biex ‘jagħdru b’tenerezza,’ litteralment “disposti sewwa għall-ħasra.” (Efesin 4:32; 1 Pietru 3:8) Il-kelma Griega għal “vixxri” tistaʼ tingħaqad ukoll mal-kelma Griega pol·yʹ. L-ikkombinar ifisser litteralment “li wieħed ikollu ħafna vixxri.” Din l-espressjoni Griega li hija rari ħafna hija wżata darba biss fil-Bibbja, u tirreferi għal Alla Jehovah. In-New World Translation tpoġġiha hekk: “Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni.”—Ġakbu 5:11.
Kemm għandna nkunu grati li l-iktar wieħed potenti fl-univers, Alla Jehovah, ma jixbah xejn lill-allat krudili vvintati minn bnedmin bla mogħdrija! F’imitazzjoni t’Alla tagħhom “li jagħder b’tenerezza,” Kristjani veri huma mqanqlin biex jaġixxu bl-istess manjiera meta jittrattaw maʼ xulxin.—Efesin 5:1.
[Stampa f’paġna 21]
Li jara lil Ibnu l-maħbub imut żgur li kkaġuna lil Alla Jehovah l-akbar uġigħ li xi ħadd qatt kellu jsofri
[Stampa f’paġna 25]
Ġesù rrifletta perfettament il-personalità taʼ mogħdrija taʼ Missieru