LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 11/1 pp. 26-31
  • Agħder b’Tenerezza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħder b’Tenerezza
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xogħol Taʼ Mogħdrija Bla Preċedent
  • Parti Mill-​Personalità L-​Ġdida
  • L-​Għira​—Ostaklu Għall-​Mogħdrija
  • Ostakli Oħrajn Għall-​Mogħdrija
  • Mogħdrija Għall-​Morda
  • Mogħdrija Għad-​Dgħajfin
  • Tgħallem ‘Agħder b’Tenerezza’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Il-mogħdrija tenera t’Alla tagħna”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Imita l-mogħdrija taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Jehovah—Missierna li Jagħder b’Tenerezza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 11/1 pp. 26-31

Agħder b’Tenerezza

“Tlibbsu bl-​affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba.”—KOLOSSIN 3:12.

1. Għala hemm ħtieġa kbira għall-​mogħdrija llum?

QATT qabel fl-​istorja ma kien hemm tant nies li kellhom bżonn daqqa t’id b’mogħdrija. Iffaċċjati minn mard, ġuħ, qagħad, kriminalità, gwerer, anarkija, u diżastri naturali, miljuni jeħtieġu għajnuna. Imma hemm problema saħansitra iżjed serja, u dik hija l-​kundizzjoni spiritwali ddisprata taʼ l-​umanità. Satana, li jaf li żmienu huwa qasir, “qiegħed jiżżvija lill-​art abitata kollha kemm hija.” (Rivelazzjoni 12:9, 12) Għalhekk, partikolarment dawk barra mill-​kongregazzjoni Kristjana vera huma fil-​periklu li jitilfu ħajjiethom, u l-​Bibbja teskludi kwalunkwe tama taʼ rxoxt għal dawk li jiġu maqtulin matul il-​jum li ġej taʼ ġudizzju t’Alla.—Mattew 25:31-33, 41, 46; 2 Tessalonkin 1:6-9.

2. Jehovah għala żamm lura milli jeqred lin-​nies mill-​agħar?

2 Madankollu, sa din is-​siegħa hekk tard, Alla Jehovah jibqaʼ juri paċenzja u mogħdrija lejn l-​ingrati u dawk mill-​agħar. (Mattew 5:45; Luqa 6:35, 36) Dan għamlu għall-​istess raġuni li ddawwar biex jikkastiga lill-​ġens mhux leali taʼ Iżrael. “‘Bħalma jien ħaj,’ hija l-​ħaġa mitkellma tal-​Mulej Sovran Jehovah, ‘jien nitgħaxxaq, mhux bil-​mewt tal-​wieħed mill-​agħar, imma b’li xi ħadd mill-​agħar idur lura mill-​mogħdija tiegħu u attwalment jibqaʼ jgħix. Dur lura, dur lura mill-​mogħdijiet ħżiena tiegħek, għax għala għandek tmut, O dar Iżrael?’”—Eżekjel 33:11.

3. Liema eżempju għandna tal-​mogħdrija taʼ Jehovah għal dawk li m’humiex il-​poplu tiegħu, u x’nitgħallmu minn dan?

3 Il-​mogħdrija taʼ Jehovah ġiet estiża wkoll lin-​Nineviti mill-​agħar. Jehovah bagħat lill-​profeta tiegħu Ġona biex iwissihom dwar qerda imminenti. Huma rreaġixxew b’mod pożittiv għall-​ippridkar taʼ Ġona u nidmu. Dan qanqal lil Alla li jagħder, Jehovah, biex iżomm lura milli jeqred il-​belt f’dak iż-​żmien. (Ġona 3:10; 4:11) Jekk Alla ddispjaċih għan-​Nineviti, li kien se jkollhom il-​possibiltà taʼ rxoxt, kemm iżjed żgur se jħoss mogħdrija għal nies li llum jiffaċċjaw qerda għal dejjem!—Luqa 11:32.

Xogħol Taʼ Mogħdrija Bla Preċedent

4. Jehovah kif qed jesprimi mogħdrija għan-​nies illum?

4 Fi qbil mal-​personalità tiegħu taʼ mogħdrija, Jehovah inkariga lix-​Xhieda tiegħu biex jibqgħu jżuru lill-​ġirien tagħhom bl-​“aħbar tajba tas-​saltna.” (Mattew 24:14) U meta n-​nies iwieġbu b’apprezzament għal dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajja, Jehovah jiftħilhom qlubhom biex jifhmu l-​messaġġ tas-​Saltna. (Mattew 11:25; Atti 16:14) Biex jimitaw lil dak Alla tagħhom, il-​Kristjani veri juru mogħdrija tenera billi jerġgħu jżuru lil uħud interessati, billi jgħinuhom, fejn possibbli, permezz taʼ studju tal-​Bibbja. B’hekk, fl-​1993, ’il fuq minn erbaʼ miljuni u nofs Xhud taʼ Jehovah, f’231 pajjiż, qattgħu iktar minn biljun (1,000,000,000) siegħa jippridkaw minn dar għal dar u jistudjaw il-​Bibbja mal-​ġirien tagħhom. Dawn l-​uħud ġodda, mill-​banda l-​oħra, għandhom l-​opportunità li jiddedikaw il-​ħajjiet tagħhom lil Jehovah u jingħaqdu max-​Xhieda mgħammdin tiegħu. B’hekk, huma wkoll jieħdu r-​responsabbiltà li jagħmlu dan ix-​xogħol taʼ mogħdrija bla preċedent għan-​nom taʼ dixxipli prospettivi li għadhom maqbudin fid-​dinja moribonda taʼ Satana.—Mattew 28:19, 20; Ġwann 14:12.

5. Meta l-​mogħdrija divina tkun laħqet il-​limitu tagħha, x’se jiġrilha r-​reliġjon li tirrappreżenta ħażin lil Alla?

5 Dalwaqt Jehovah se jaġixxi bħala “persuna vigoruża tal-​gwerra.” (Eżodu 15:3) Imqanqal minn mogħdrija għal ismu u għall-​poplu tiegħu, se jelimina l-​ħażen u jistabbilixxi dinja ġdida taʼ tjieba. (2 Pietru 3:13) L-​ewwel li jesperjenzaw il-​jum taʼ korla t’Alla se jkunu l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Saħansitra bħalma Alla ma ħelishiex lill-​istess tempju tiegħu f’Ġerusalemm minn id is-​sultan taʼ Babilonja, hekk hu mhux se jeħlisha lil organizzazzjonijiet reliġjużi li rrappreżentawh ħażin. Alla se jpoġġi f’qalb il-​membri tal-​Ġnus Magħqudin li jiddeżolaw lill-​Kristjaneżmu u lill-​għamliet l-​oħrajn kollha taʼ reliġjon falza. (Rivelazzjoni 17:16, 17) “U inkwantu għalija,” jiddikjara Jehovah, “għajni m’hijiex se jiddispjaċiha, lanqas ma se nuri mogħdrija. Il-​mogħdija tagħhom jien ċertament li se nġib fuq rashom stess.”—Eżekjel 9:5, 10.

6. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah b’liema modi huma mqanqlin biex juru mogħdrija?

6 Waqt li għad baqaʼ ż-​żmien, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu juru mogħdrija għall-​ġirien tagħhom billi jippridkaw b’mod żeluż il-​messaġġ taʼ salvazzjoni t’Alla. U m’għandniex xi ngħidu, fejn huwa possibbli, jgħinu wkoll lil nies li huma fi bżonn materjali. F’dan ir-​rigward, iżda, l-​ewwel responsabbiltà tagħhom hija li jieħdu ħsieb tal-​ħtiġijiet taʼ membri qrib tal-​familja u taʼ dawk li jiġu minnhom fil-​fidi. (Galatin 6:10; 1 Timotew 5:4, 8) Il-​ħafna missjonijiet taʼ għajnuna mwettqin mix-​Xhieda taʼ Jehovah għan-​nom taʼ kredenti sħabhom li sofrew xi diżastri kienu eżempji li jispikkaw taʼ mogħdrija. Minkejja dan, il-​Kristjani m’għandhomx għalfejn jistennew xi kriżi qabel ma juru mogħdrija tenera. Malajr juru din il-​kwalità f’li jittrattaw mal-​problemi tal-​ħajja taʼ kuljum.

Parti Mill-​Personalità L-​Ġdida

7. (a) F’​Kolossin 3:8-13, il-​mogħdrija kif inhija marbuta mal-​personalità l-​ġdida? (b) L-​affezzjoni tenera liema ħaġa tagħmel eħfef għall-​Kristjani biex jagħmlu?

7 Huwa veru li n-​natura umana midinba tagħna u l-​influwenza ħażina tad-​dinja taʼ Satana huma ostakli għal li aħna nagħdru b’tenerezza. Huwa għalhekk li l-​Bibbja tħeġġiġna biex inneħħu “l-​korla, ir-​rabja, il-​ħażen, id-​diskors t’abbuż, u l-​kliem oxxen.” Minflok, niġu mogħtijin parir biex ‘nittlibbsu bil-​personalità l-​ġdida’​—personalità li tikkonforma maʼ l-​immaġni t’Alla. L-​ewwelnett, aħna kkmandati biex nittlibsu “bl-​affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-​moħħ, ħlewwa, u sabar fit-​tul.” Il-​Bibbja mbagħad turina mod prattiku kif nuru dawn il-​kwalitajiet. “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu x’jilmenta kontra ieħor. Saħansitra bħalma Jehovah ħafer lilkom liberament, hekk agħmlu intom ukoll.” Huwa bil-​wisq eħfef li naħfru jekk inkunu kkultivajna l-​‘affezzjoni tenera taʼ mogħdrija’ għal ħutna.—Kolossin 3:8-13.

8. Għala huwa importanti li jkollok spirtu taʼ maħfra?

8 Mill-​banda l-​oħra, li nonqsu milli nuru maħfra b’mogħdrija jipperikola r-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. Dan intwera b’mod qawwi minn Ġesù fit-​tixbieha tiegħu taʼ l-​irsir li ma ħafirx, li ntefaʼ l-​ħabs minn sidu “sakemm iħallas lura dak kollu li kellu jagħti.” L-​irsir kien jixraqlu dan it-​trattament għaliex hu bi skantament naqas li juri mogħdrija lejn irsir sieħbu li talbu għall-​ħniena. Ġesù kkonkluda t-​tixbieha billi qal: “Bl-​istess manjiera Missieri tas-​sema se jaġixxi wkoll magħkom jekk intom ma taħfrux kull wieħed lil ħuh minn qlubkom.”—Mattew 18:34, 35.

9. Il-​mogħdrija tenera kif inhija relatata maʼ l-​iktar aspett importanti tal-​personalità l-​ġdida?

9 Li tagħder b’tenerezza huwa aspett importanti taʼ l-​imħabba. U l-​imħabba hija l-​marka li tidentifika l-​Kristjanità vera. (Ġwann 13:35) Għalhekk, id-​deskrizzjoni tal-​Bibbja tal-​personalità l-​ġdida tikkonkludi: “Barra minn dawn l-​affarijiet kollha, tlibbsu bl-​imħabba, għax hija rabta perfetta taʼ unjoni.”—Kolossin 3:14.

L-​Għira​—Ostaklu Għall-​Mogħdrija

10. (a) X’jistaʼ jikkaġuna l-​għira li trabbi l-​għeruq fi qlubna? (b) Liema riżultati ħżiena jistgħu jiġu mill-​għira?

10 Minħabba n-​natura umana u midinba tagħna, sentimenti taʼ għira jistgħu faċilment irabbu l-​għeruq fi qlubna. Ħu jew oħt jistgħu jkunu mberkin b’abbiltajiet naturali jew vantaġġi materjali li aħna m’għandniex. Jew forsi xi ħadd irċieva barkiet spiritwali u privileġġi speċjali. Jekk insiru għajjurin għal uħud bħal dawn, se nkunu aħna kapaċi nittrattaw magħhom b’mogħdrija tenera? Wisq probabbli le. Minflok, sentimenti taʼ għira jistgħu eventwalment juru lilhom infushom fi kliem kritiku jew atti mingħajr imħabba, għax Ġesù qal dwar il-​bniedem: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem fommu.” (Luqa 6:45) Oħrajn jistgħu jaqblu maʼ kritika bħal din. B’hekk il-​paċi taʼ familja jew kongregazzjoni tal-​poplu t’Alla tistaʼ tiġi mfixkla.

11. L-​għaxar aħwa taʼ Ġużeppi kif ma ħallewx wisaʼ fi qlubhom għall-​mogħdrija, u b’liema riżultat?

11 Ikkunsidra x’ġara ġo familja kbira. L-​għaxar ulied subjien il-​kbar taʼ Ġakobb saru għajjurin għal ħuhom li kien iżgħar, Ġużeppi, għaliex kien il-​fessud taʼ missierhom. Bħala riżultat, “ma setgħux jitkellmu paċifikament miegħu.” Iktar tard, Ġużeppi ġie mbierek b’ħolm divin, billi ta prova li kellu l-​favur taʼ Jehovah. Dan ta lil ħutu “iktar raġuni biex jobogħduh.” Peress li ma qaċċtux l-​għira minn qlubhom, din ma ħallietx post għall-​mogħdrija u wasslet għal dnub serju.—Ġenesi 37:4, 5, 11.

12, 13. X’għandna nagħmlu meta sentimenti taʼ għira jidħlu f’qalbna?

12 Bi krudeltà, huma biegħu lil Ġużeppi fil-​jasar. F’attentat biex jaħbu l-​ħażen tagħhom, qarrqu b’missierhom billi ġagħluh jaħseb li Ġużeppi nqatel minn xi annimal selvaġġ. Snin wara, dnubhom inkixef meta ġew sfurzati minħabba ġuħ biex imorru ’l isfel lejn l-​Eġittu u jixtru l-​ikel. L-​amministratur taʼ l-​ikel, li huma m’għarfux li kien Ġużeppi, akkużahom li kienu spjuni u qalilhom biex ma jfittxux iżjed l-​għajnuna tiegħu jekk ma jġibux lil ħuhom iż-​żgħir, Benjamin. Sa dan iż-​żmien Benjamin kien sar il-​fessud taʼ missierhom, u kienu jafu li Ġakobb ma kienx ikun irid iħallih imur.

13 Mela waqt li kienu weqfin quddiem Ġużeppi, il-​kuxjenzi tagħhom qanqluhom biex jammettu: “Bla ebda dubju aħna ħatjin rigward ħuna [Ġużeppi], għaliex rajna l-​hemm taʼ ruħu meta talab bil-​ħniena mogħdrija min-​naħa tagħna, imma ma tajniex widen. Huwa għalhekk li dan l-​hemm ġie fuqna.” (Ġenesi 42:21) Bil-​mod taʼ mogħdrija iżda sod kif hu ttratta maʼ ħutu, Ġużeppi għenhom jagħtu prova tal-​ġenwinità taʼ l-​indiema tagħhom. Imbagħad irrivela l-​identità tiegħu lilhom u b’mod ġeneruż ħafrilhom. L-​unità tal-​familja ġiet irrestawrata. (Ġenesi 45:4-8) Bħala Kristjani, għandna nitgħallmu lezzjoni minn dan. Billi nafu l-​konsegwenzi ħżiena taʼ l-​għira, għandna nitolbu lil Jehovah għall-​għajnuna biex nibdlu sentimenti taʼ għira maʼ l-​‘affezzjoni tenera taʼ mogħdrija.’

Ostakli Oħrajn Għall-​Mogħdrija

14. Għala għandna nevitaw li bla bżonn nesponu lilna nfusna għall-​vjolenza?

14 Ostaklu ieħor għal li nuru mogħdrija jistaʼ jirriżulta milli bla bżonn nesponu lilna nfusna għall-​vjolenza. L-​isport u d-​divertiment li jinvolvu l-​vjolenza jippromwovu kilba għad-​demm. Fi żminijiet Bibliċi, il-​pagani regolarment kienu jaraw kompetizzjonijiet tal-​gladjaturi u għamliet oħrajn taʼ torturi umani fl-​areni taʼ l-​Imperu Ruman. Divertiment bħal dan, skond wieħed kittieb taʼ l-​istorja, “qered is-​sentimenti taʼ simpatija għas-​sofferenza li jiddistingwu l-​bniedem mill-​annimali.” Ħafna mid-​divertiment fid-​dinja moderna tal-​lum għandu l-​istess effett. Il-​Kristjani, li jistinkaw biex jagħdru b’tenerezza, jeħtieġu li jkunu selettivi ħafna fl-​għażla tagħhom taʼ materjal taʼ qari, films, u programmi televiżivi. B’mod għaqli jżommu f’moħħhom il-​kliem taʼ Salm 11:5: ‘Lil kulmin iħobb il-​vjolenza Jehovah ċertament li jobgħod.’

15. (a) Persuna kif tistaʼ turi nuqqas serju taʼ mogħdrija? (b) Kristjani veri kif iwieġbu għall-​bżonnijiet tal-​kredenti sħabhom u l-​ġirien?

15 Persuna egoista x’aktarx li se tkun nieqsa mill-​mogħdrija. Dan huwa serju, kif jispjega l-​appostlu Ġwanni: “Kulmin għandu l-​mezzi taʼ did-dinja għall-​għixien u jilmaħ lil ħuh fil-​bżonn u madankollu jagħlaq il-bieb tal-​mogħdrijiet teneri tiegħu fuqu, b’liema mod l-​imħabba t’Alla tibqaʼ fih?” (1 Ġwann 3:17) Nuqqas simili taʼ mogħdrija ntwera mill-​qassis u l-​Levita li kienu twajbin f’għajnejhom stess, fit-​tixbieha taʼ Ġesù tas-​Samaritan li wera mħabba lejn ġaru. Meta raw il-​kundizzjoni ħażina tal-​Lhudi ħuhom nofsu mejjet, dawn qasmu għan-​naħa l-​oħra tat-​triq u baqgħu fi triqithom. (Luqa 10:31, 32) Għall-​kuntrarju, Kristjani li jagħdru jwieġbu malajr għall-​bżonnijiet materjali u spiritwali taʼ ħuthom. U bħas-​Samaritan tat-​tixbieha taʼ Ġesù, huma kkonċernati wkoll dwar il-​bżonnijiet taʼ l-​istranġieri. B’hekk huma bil-​ferħ jagħtu mill-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi tagħhom biex javanzaw ix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. B’din il-​manjiera jikkontribwixxu għas-​salvazzjoni taʼ miljuni.—1 Timotew 4:16.

Mogħdrija Għall-​Morda

16. Liema limitazzjonijiet niltaqgħu magħhom meta nittrattaw maʼ każi taʼ mard?

16 Il-​mard huwa s-​sehem taʼ l-​umanità imperfetta u moribonda. Il-​Kristjani m’humiex eċċezzjoni, u l-​biċċa l-​kbira minnhom m’humiex professjonisti mediċi, lanqas ma jistgħu jwettqu mirakli bħalma għamlu xi Kristjani bikrin li rċevew qawwiet bħal dawn mingħand Kristu u l-​appostli tiegħu. Mal-​mewt taʼ l-​appostli taʼ Kristu u l-​imseħbin immedjati tagħhom, qawwiet mirakolużi bħal dawn spiċċaw. Għalhekk, l-​abbiltà tagħna li ngħinu lil dawk li jsofru minn mard fiżiku, inkluż mard mentali u alluċinazzjonijiet, hija limitata.—Atti 8:13, 18; 1 Korintin 13:8.

17. Liema lezzjoni nitgħallmu mill-​mod kif kien ittrattat ir-​raġel marid u mnikket Ġob?

17 Id-​dipressjoni taʼ spiss takkumpanja l-​mard. Per eżempju, Ġob li kellu l-​biżaʼ t’Alla kien dipress ħafna minħabba l-​marda kerha u l-​gwajiet li Satana ġab fuqu. (Ġob 1:18, 19; 2:7; 3:3, 11-13) Kien jeħtieġ ħbieb li jittrattawh b’mogħdrija tenera u li “[j]lissnu kliem li jikkonsla.” (1 Tessalonkin 5:14) Minflok, tlieta hekk imsejħin farraġa żaruh u malajr waslu għal konklużjonijiet ħżiena. Huma aggravaw l-​istat dipress taʼ Ġob billi ssuġġerew li l-​gwajiet tiegħu kienu dovuti minn xi ħtija tiegħu stess. Billi jagħdru b’tenerezza, il-​Kristjani se jevitaw li jaqgħu f’nasba simili meta kredenti sħabhom jkunu morda jew dipressi. Xi drabi, il-​ħaġa ewlenija li wħud bħal dawn jeħtieġu hija ftit żjajjar taʼ qalb tajba minn anzjani jew Kristjani maturi oħrajn li se jisimgħu b’simpatija, juru fehma, u jipprovdu parir Skritturali taʼ mħabba.—Rumani 12:15; Ġakbu 1:19.

Mogħdrija Għad-​Dgħajfin

18, 19. (a) L-​anzjani kif għandhom jittrattaw maʼ wħud dgħajfin jew li jiżżbaljaw? (b) Saħansitra jekk ikun hemm bżonn li jiġi fformat kumitat ġudizzjarju, għala huwa importanti li l-​anzjani jittrattaw lil dawk li jagħmlu xi ħażen b’mogħdrija tenera?

18 L-​anzjani b’mod speċjali jridu jagħdru b’tenerezza. (Atti 20:29, 35) “Aħna . . . li aħna b’saħħitna jmissna nerfgħu d-​djufijiet taʼ dawk li m’humiex b’saħħithom,” tikkmanda l-​Bibbja. (Rumani 15:1) Billi aħna imperfetti, ilkoll kemm aħna nagħmlu żbalji. (Ġakbu 3:2) Tenerezza hija meħtieġa f’li nitrattaw maʼ wieħed li “jieħu xi pass falz qabel ma jinduna bih.” (Galatin 6:1) L-​anzjani qatt ma jridu li jkunu bħall-​Fariżej li kienu twajbin f’għajnejhom stess, li ma kinux raġonevoli fl-​applikar tagħhom tal-​Liġi t’Alla.

19 F’kuntrast, l-​anzjani jsegwu l-​eżempji taʼ mogħdrija tenera t’Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Ix-​xogħol ewlieni tagħhom huwa li jmantnu, jinkuraġġixxu, u jirriffreskaw lin-​ngħaġ t’Alla. (Isaija 32:1, 2) Minflok ma jipprovaw jikkontrollaw l-​affarijiet b’għadd kbir taʼ regoli, jirreferu għall-​appoġġ tal-​prinċipji mill-​aħjar fil-​Kelma t’Alla. Għalhekk, il-​funzjoni taʼ l-​anzjani għandha tkun li jibnu, li jġibu ferħ u apprezzament lejn it-​tjubija taʼ Jehovah fil-​qlub taʼ ħuthom. Jekk kredent bħalu jagħmel xi żball żgħir, anzjan normalment se jevita li jikkorreġih quddiem oħrajn. Jekk ikun neċessarju li jitkellem, sentimenti teneri taʼ mogħdrija se jqanqlu lill-​anzjan li jieħu lil dak li jkun fil-​ġenb u jiddiskuti l-​problema fejn ma jisimgħux oħrajn. (Qabbel Mattew 18:15.) Ikun kemm ikun diffiċli li tingwalaha maʼ xi ħadd partikulari, l-​attitudni taʼ l-​anzjan għandha tkun waħda taʼ paċenzja, fehma, u għajnuna. Qatt m’għandu jfittex xi skużi biex jitfaʼ lil wieħed bħal dan ’il barra mill-​kongregazzjoni. Saħansitra meta jkun neċessarju li jifforma kumitat ġudizzjarju, l-​anzjani se juru mogħdrija tenera f’li jittrattaw mal-​persuna involuta f’xi għemil serju taʼ ħażen. Il-​ġentilezza tagħhom tistaʼ tgħin biex iġġib lil dak li jkun għall-​indiema.—2 Timotew 2:24-26.

20. Espressjonijiet emozzjonali taʼ mogħdrija meta m’humiex xierqa, u għala?

20 Hemm waqtiet, madankollu, meta qaddej taʼ Jehovah ma jistax juri mogħdrija. (Qabbel Dewteronomju 13:6-9.) Li Kristjan ‘jieqaf milli jitħallat fil-​kumpanija’ maʼ ħabib tal-​qalb jew qarib li ġie maqtugħ mis-​sħubija jistaʼ jkun verament taʼ prova. F’każ bħal dan, huwa importanti li wieħed ma jċedix għal sentimenti taʼ ħasra. (1 Korintin 5:11-13) Sodizza bħal din tistaʼ saħansitra tinkuraġġixxi lill-​wieħed li żbalja biex jindem. Iktar minn hekk, f’li jittrattaw mas-​sess oppost, Kristjani jridu jevitaw turijiet m’humiex xierqa taʼ mogħdrija li jistgħu jwasslu għal immoralità sesswali.

21. F’liema oqsma oħrajn għandna bżonn nuru mogħdrija tenera, u x’inhuma l-​benefiċċji?

21 L-​ispazju ma jippermettilniex li niddiskutu l-​oqsma kollha fejn hija meħtieġa l-​mogħdrija tenera​—f’li nittrattaw max-​xjuħ, l-​imnikktin, dawk li jġarrbu persekuzzjoni minn imseħbin li ma jemmnux. Anzjani li jaħdmu iebes għandhom bl-​istess mod jiġu ttrattati b’mogħdrija tenera. (1 Timotew 5:17) Irrispettawhom u agħtuhom appoġġ. (Ebrej 13:7, 17) “Ilkoll kemm intom kunu . . . tagħdru b’mod teneru,” kiteb l-​appostlu Pietru. (1 Pietru 3:8) Billi naġixxu b’din il-​manjiera fis-​sitwazzjonijiet kollha li jirrikjedu dan, nippromwovu l-​unità u l-​hena fil-​kongregazzjoni u niġbdu lil taʼ barra lejn il-​verità. Fuq kollox, b’dan il-​mod nonoraw lil Missierna li jagħder b’tenerezza, Jehovah. (w94 11/1)

Mistoqsijiet B’Reviżjoni

◻ Jehovah kif juri mogħdrija għall-​bnedmin midinbin?

◻ Għala huwa importanti li tagħder b’tenerezza?

◻ Liema huma xi ostakli għal li nagħdru b’tenerezza?

◻ Kif għandna nittrattaw mal-​morda u maʼ wħud dipressi?

◻ Min huma dawk li b’mod speċjali għandhom bżonn jagħdru b’tenerezza, u għala?

[Kaxxa f’paġna 29]

FARIŻEJ BLA MOGĦDRIJA

Il-​jum taʼ mistrieħ tas-​Sabat kellu jkun barka spiritwali u fiżika għall-​poplu t’Alla. Mexxejja reliġjużi Lhud, madankollu, għamlu ħafna regoli li ddiżonoraw il-​liġi t’Alla tas-​Sabat u għamluha taʼ piż għall-​poplu. Per eżempju, jekk xi ħadd kellu inċident jew sofra minn xi marda, ma setax jirċievi għajnuna nhar is-​Sabat ladarba ħajtu ma kenitx f’periklu.

Waħda mill-​iskejjel tal-​Fariżej kienet tant stretta fl-​interpretazzjoni tagħha dwar il-​liġi tas-​Sabat illi qalet: “Wieħed ma jfarraġx lil uħud li mitilhom xi ħadd, lanqas ma wieħed iżur nies morda fis-​Sabat.” Mexxejja reliġjużi oħrajn ittolleraw żjajjar bħal dawn fis-​Sabat imma stipulaw: “Dmugħ huwa pprojbit.”

B’hekk, Ġesù kellu raġun jikkundanna lill-​mexxejja reliġjużi Lhud talli naqsu li jagħtu kas taʼ l-​iktar ħtiġijiet importanti tal-​Liġi, bħalma huma l-​ġustizzja, l-​imħabba, u l-​ħniena. Mhux taʼ b’xejn li qal lill-​Fariżej: “Intom tagħmlu l-​kelma t’Alla invalida bit-​tradizzjoni tagħkom”!—Mark 7:8, 13; Mattew 23:23; Luqa 11:42.

[Stampi f’paġna 27]

F’231 pajjiż ix-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin iwettqu xogħol bla preċedent taʼ mogħdrija fid-​djar tan-​nies, fit-​toroq, saħansitra fil-​ħabsijiet

[Stampa f’paġna 28]

Li nesponu lilna nfusna għall-​vjolenza, bħal dik taʼ fuq it-​TV, jherri l-​mogħdrija tenera

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja