LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 12/15 pp. 4-7
  • Tgħallem ‘Agħder b’Tenerezza’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallem ‘Agħder b’Tenerezza’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Qawwa tal-​Mogħdrija
  • Il-​Mogħdrija—Wiri taʼ Simpatija
  • Gawdi minn Atmosfera taʼ Mogħdrija
  • Agħder b’Tenerezza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Imita l-mogħdrija taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • “Il-mogħdrija tenera t’Alla tagħna”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • ‘Agħder b’Tenerezza’
    Il-Ministeru tas-Saltna—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 12/15 pp. 4-7

Tgħallem ‘Agħder b’Tenerezza’

QATT daqs illum ma kien hawn tant bnedmin bħalna daqshekk iddisprati għall-​għajnuna b’mogħdrija hekk kif jiffaċċjaw il-​ġuħ, il-​mard, il-​faqar, il-​kriminalità, il-​ġlied ċivili, u d-​diżastri naturali. Il-​mogħdrija tfisser li wieħed ikun konxju b’simpatija tas-​sofferenza jew l-​għawġ taʼ ħaddieħor u jkun jixtieq itaffihulu. Bħar-​raġġi sħan tax-​xemx tiddi, il-​mogħdrija tistaʼ sserraħ lill-​imnikket, tnaqqas l-​uġigħ, u tinkuraġġixxi lil min ikun qed ibati.

Aħna nistgħu nuru l-​mogħdrija bl-​għemejjel tagħna u bi kliemna—billi nieħdu ħsieb oħrajn u nkunu disponibbli meta jkollhom bżonna. Huwa tajjeb li l-​mogħdrija ma nuruhiex biss lejn dawk tal-​familja, il-​ħbieb, u n-​nies li nafuhom. Aħna nistgħu nitwessgħu biex ninkludu nies li lanqas biss nafuhom. “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom?” staqsa Ġesù Kristu fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Dan ir-​raġel kollu mogħdrija qal ukoll: “Kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—Mattew 5:46, 47; 7:12.

Dan il-​kliem—magħruf bħala r-​Regola tad-​Deheb—tistaʼ taqrah fl-​Iskrittura Mqaddsa. Ħafna jaqblu li l-​Bibbja hija l-​aqwa gwida biex wieħed juri l-​mogħdrija. L-​Iskrittura tesprimi darba wara l-​oħra l-​obbligu tagħna li ngħinu lil dawk li, għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux jgħinu lilhom infushom. Il-​Bibbja tippreżenta lill-​Awtur tagħha u l-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, bħala dak li juri l-​mogħdrija sa l-​ogħla grad possibbli.

Per eżempju, naqraw: “[Alla] jiddefendi d-​drittijiet taʼ l-​iltiema u r-​romol. Hu jieħu ħsieb il-​barranin u jagħtihom x’jieklu u x’jilbsu.” (Dewteronomju 10:18, Contemporary English Version) Alla Ġeħova hu deskritt bħala “li jagħmel ħaqq lill-​maħqurin, u jagħti l-​ħobż lill-​imġewwħin.” (Salm 146:7) Rigward l-​immigranti fil-​bżonn, Ġeħova ddikjara: “Ikun għalikom il-​barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek.”—Levitiku 19:34.

Madankollu, mhux dejjem faċli turi lmogħdrija. L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani f’Kolossi: “Inżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha, u ilbsu l-​personalità l-​ġdida, li permezz taʼ l-​għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-​xbieha taʼ Dak li ħalaqha . . . Bħala l-​magħżulin t’Alla, imqaddsin u maħbubin, ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija.”—Kolossin 3:9, 10, 12.

Għalhekk, jeħtieġ sforz biex dak li jkun jiżviluppa attitudni taʼ mogħdrija. Din l-​attitudni hija parti mill-​“personalità l-​ġdida” li l-​Kristjani huma mistennijin li jilbsu. Pawlu għex f’Ruma tal-​qedem, dinja mimlija kefrija. Hu inkuraġġixxa lil sħabu fit-​twemmin biex jagħmlu bidliet sinifikanti fil-​personalità tagħhom sabiex jibdew juru iktar simpatija u mogħdrija.

Il-​Qawwa tal-​Mogħdrija

Xi nies iqisu lil dawk li juru l-​mogħdrija bħala li huma dgħajfin u vulnerabbli. Hija din l-​osservazzjoni korretta?

Xejn affattu! Il-​forza li tqanqal il-​mogħdrija ġenwina hi l-​imħabba profonda li tiġi mingħand Alla, il-​personifikazzjoni taʼ din il-​kwalità. “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:16) Ġeħova bix-​xieraq jissejjaħ “il-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3) L-​espressjoni li tiġi tradotta “ħniena tenera” bażikament tfisser “ħasra, mogħdrija għall-​gwaj t’oħrajn.” Iva, Ġeħova “hu qalbu tajba [saħansitra] maʼ l-​ingrati u l-​ħżiena”!—Luqa 6:35.

Il-Ħallieq tagħna jirrikjedi minna li nuru kwalitajiet taʼ qalb tajba, bħalma hi l-​mogħdrija. F’Mikea 6:8 naqraw: “Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-​Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin.” Fi Proverbji 19:22 (NW) naqraw: “Dak li hu mixtieq fil-​bniedem hu li juri qalb tajba bl-​imħabba.” L-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu, li rrifletta perfettament il-​personalità taʼ Missieru, wissa bl-​istess mod lis-​segwaċi tiegħu: “Komplu ħennu bħalma jħenn Missierkom.” (Luqa 6:36) The Jerusalem Bible tittraduċi din it-​twissija b’dan il-​mod: “Agħdru bħalma jagħder Missierkom.”

Hemm raġuni tajba għala għandna nagħmlu dan, ladarba l-​mogħdrija għandha l-​qawwa li tkun premjanti ferm. Spiss naraw kemm huwa minnu dak li hemm miktub fi Proverbji 11:17: “Min hu ħanin ġid lilu nnifsu jagħmel.” Meta nuru l-​mogħdrija lejn xi ħadd fil-​bżonn, Alla jqis dan l-​għemil bħala li għamilna favur Lilu. Hu jieħu r-​responsabbiltà biex juri qalb tajba bi tpattija għal kwalunkwe mogħdrija li tkun intweriet mill-​aduraturi tiegħu. Is-​Sultan Salamun b’ispirazzjoni stqarr: “Min iħenn għall-​fqir ikun qed jislef lill-​Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.” (Proverbji 19:17) U Pawlu kiteb: “Intom tafu li kull wieħed jirċievi lura mingħand Ġeħova t-​tajjeb li jkun għamel.”—Efesin 6:8.

Il-mogħdrija għandha l-​qawwa li żżomm l-​armonija u tikkontribwixxi għas-​soluzzjoni taʼ konflitti jew nuqqas taʼ qbil. Din tgħin biex jissolva xi nuqqas taʼ ftehim, u twitti t-​triq għall-​maħfra. Jistaʼ jinħoloq nuqqas taʼ ftehim minħabba li mhux dejjem nesprimu l-​ħsibijiet jew is-​sentimenti tagħna kif nixtiequ, jew minħabba li l-​azzjonijiet tagħna jiġu interpretati ħażin. F’dan il-​każ, il-​mogħdrija tgħin sabiex insolvu l-​problema u nżommu l-​paċi. Ikun faċli taħfer lil xi ħadd li jkun magħruf għall-​mogħdrija tiegħu. Il-​mogħdrija tgħinna nwettqu l-​parir li Pawlu ta lill-​Kristjani: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”—Kolossin 3:13.

Il-​Mogħdrija—Wiri taʼ Simpatija

Barra minn hekk, il-​mogħdrija għandha l-​qawwa li sserraħ mit-​tbatija. Kif diġà ġie notat, din tirrifletti spirtu taʼ simpatija lejn min ikun imnikket u ġġegħelna nħossu l-​uġigħ taʼ min isofri. Il-​mogħdrija tinvolvi li nieħdu interess teneru fin-​nies li jkunu fil-​miżerja kif ukoll li naġixxu b’mod prattiku biex ngħinuhom.

Meta l-​Kristjani juru simpatija jkunu qed jimitaw lil Ġesù. Hu qatt ma kien ikollu daqshekk x’jagħmel li ma kienx jgħin lil oħrajn sew materjalment u sew spiritwalment. Meta kien jara li kien ikun hemm xi nies fil-​bżonn, hu b’mogħdrija kien isib mezz biex jgħinhom.

Ikkunsidra kif irreaġixxa Ġesù meta ra l-​folol taʼ nies li kienu ġew traskurati spiritwalment: “Malli ra l-​folol tħassarhom, għax kienu mqaxxrin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Dwar il-​kelma li hawnhekk ġiet tradotta “tħassarhom,” wieħed studjuż tal-​Bibbja jgħid li din tfisser “emozzjoni li tqanqal lil bniedem sal-​fond taʼ qalbu.” Fil-​fatt, din il-​kelma ssejħet waħda mill-​iktar kliem qawwi fil-​Grieg li jingħata għas-​sentiment taʼ mogħdrija.

Bl-istess mod, Kristjani li juru l-​mogħdrija jwieġbu fil-​pront għall-​bżonnijiet materjali u spiritwali t’oħrajn. L-​appostlu Pietru kiteb: “Intom ilkoll kunu fehma waħda, billi tħossu għal xulxin, turu affezzjoni lejn l-​aħwa, tagħdru b’tenerezza.” (1 Pietru 3:8) Per eżempju, meta membri taʼ familja Kristjana li kienu fil-​bżonn kellhom imorru joqogħdu fi nħawi ġodda minħabba raġunijiet taʼ saħħa, sħabhom fit-​twemmin li kienu joqogħdu f’dawk l-​inħawi ħallewhom jużaw dar għal sitt xhur kera franka. Ir-​raġel jirrakkonta: “Kuljum kienu jiġu biex jaraw jekk kellniex bżonn xi ħaġa, u l-​kliem inkuraġġanti tagħhom kien iġegħelna nħossuna komdi.”

Il-Kristjani veri juru interess ukoll fil-​bżonnijiet taʼ nies stranġieri. Huma jagħtu bil-​ferħ mill-​ħin, l-​enerġija, u l-​mezzi tagħhom biex jaqdu lil nies li ma jafuhomx. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu l-​volontieri li ġew deskritti fl-​artiklu taʼ qabel, dawk li għenu lin-​nies li lanqas biss kienu jafuhom.

B’hekk, fil-​kongregazzjoni Kristjana hemm atmosfera taʼ mogħdrija u qalb tajba bl-​imħabba. Il-​membri tal-​kongregazzjoni, li huma mqanqlin mill-​imħabba, huma ħerqanin li jsibu modi kif jaqdu lil ħaddieħor. Għandu mnejn li minħabba d-​diversi problemi persunali tagħhom, l-​iltiema u r-​romol fil-​kongregazzjoni jkollhom bżonn l-​interess u l-​empatija tagħna. Tistaʼ int tgħin lil uħud bħal dawn ikampaw maʼ faqar, nuqqas t’għajnuna medika, djar mhux adattati, jew maʼ diffikultajiet persunali oħrajn?

Ikkunsidra koppja fil-​Greċja. Ir-​raġel tatu puplesija. Hu u martu ttieħdu fi sptar mijiet taʼ mili ’l bogħod. Madankollu, l-​għajxien miżeru tagħhom kien jiddependi mill-​bejgħ tal-​larinġ mill-​ġnien li kellhom. Min kien se jieħu ħsieb il-​ġnien sakemm idumu l-​isptar? Il-​membri tal-​kongregazzjoni tal-​lokal tagħhom għamlu dan. Huma qatgħu u biegħu l-​larinġ, u b’hekk ipprovdew sors taʼ dħul kif ukoll serrħu ras din il-​koppja li kienet fil-​bżonn.

Il-mogħdrija tistaʼ tintwera b’ħafna modi. Per eżempju, Kristjani li jagħdru jirrealizzaw li kultant dak li l-​iktar ikollhom bżonn dawk imnikktin ikun li xi ħadd iżurhom u jismagħhom b’simpatija, jurihom empatija, u jipprovdilhom il-​faraġ mill-​Iskrittura.—Rumani 12:15.

Gawdi minn Atmosfera taʼ Mogħdrija

Il-​kongregazzjoni Kristjana madwar id-​dinja wriet li hi refuġju taʼ paċi u faraġ fejn jintwerew il-​mogħdrija u l-​qalb tajba. Il-​Kristjani veri jirrealizzaw li l-​mogħdrija tiġbed lin-​nies, waqt li l-​kefrija timbottahom. B’hekk, hekk kif jipprovaw jimitaw lil Missierhom tas-​sema, huma jagħmlu ħilithom kollha biex isibu modi prattiċi kif ‘juru l-​mogħdrija b’tenerezza.’

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistidnuk mill-​qalb biex int ukoll tgawdi minn atmosfera taʼ mogħdrija, imħabba, u għajnuna li hi karatteristika li tispikka fil-​komunità Kristjana tagħhom. Huma ċerti li int se ssib li dan l-​ambjent huwa ospitabbli u li se jiġbdek.—Rumani 15:7.

[Stampa f’paġna 5]

Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani f’Kolossi biex jilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija

[Stampi f’paġna 7]

Meta Ġesù ra l-​bżonn li kien hemm, hu b’mogħdrija sab mod kif jagħti l-​għajnuna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja