‘Agħder b’Tenerezza’
1. In-nies xi bżonn urġenti għandhom illum?
1 Qatt qabel fl-istorja ma kien hawn daqstant nies bi bżonn urġenti t’għajnuna bil-mogħdrija. Kundizzjonijiet dinjin li dejjem sejrin għall-agħar wasslu biex bosta nies iħossuhom imdejqin, dipressi, u bla tama. Miljuni għandhom bżonn l-għajnuna, u aħna bħala Kristjani ninsabu f’pożizzjoni biex nuru interess ġenwin lejn il-proxxmu tagħna. (Mt. 22:39; Gal. 6:10) Kif nistgħu nuru dan l-interess?
2. Liema hu l-aqwa mod biex nuru l-mogħdrija?
2 Xogħol taʼ Mogħdrija: Alla hu l-uniku sors taʼ faraġ veru u dejjiemi. (2 Kor. 1:3, 4) Ġeħova jħeġġiġna biex nimitawh billi ‘nagħdru b’tenerezza,’ u hu tana l-inkarigu biex inżuru lill-ġirien tagħna bl-aħbar tajba tas-Saltna. (1 Pt. 3:8) Parteċipazzjoni attiva f’dan ix-xogħol hu l-aqwa mod biex infarrġu lil dawk “b’qalbhom maqsuma,” għax is-Saltna t’Alla hi l-unika tama vera għall-umanità li qed tbati. (Is. 61:1) Minħabba l-mogħdrija tiegħu għal niesu, Ġeħova dalwaqt se jaġixxi biex ineħħi l-ħażen u jistabbilixxi dinja ġdida taʼ ġustizzja.—2 Pt. 3:13.
3. Kif nistgħu nqisu lin-nies kif qieshom Ġesù?
3 Qis lin-Nies Kif Qieshom Ġesù: Anki meta kien jipprietka lil folol kbar, Ġesù ra iktar minn sempliċement folla nies. Hu għaraf li kienu individwi li kellhom bżonnijiet spiritwali. Kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj biex jiggwidahom. Qalb Ġesù tqanqlet minn dak li ra, u tqanqal biex jgħallimhom bil-paċenzja. (Mk. 6:34) Jekk inqisu lin-nies bl-istess mod kif qieshom Ġesù se niġu inkuraġġiti biex nuru mogħdrija ġenwina għalihom bħala individwi. Dan se jidher fit-ton taʼ leħinna u fl-espressjonijiet taʼ wiċċna. L-ippritkar se jkun il-prijorità tagħna, u se nadattaw kliemna biex nittrattaw it-tħassib taʼ kull persuna individwali.—1 Kor. 9:19-23.
4. Għala għandna ‘nilbsu l-mogħdrija’?
4 Folla kbira taʼ nies mill-ġnus kollha qed iwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna u għall-interess rifreskanti li jintwerielhom. Hekk kif inkomplu ‘nilbsu l-mogħdrija,’ se nonoraw u nogħġbu lil Alla tagħna li jagħder, Ġeħova.—Kol. 3:12.