Alla Diġà Ffissah id-Destin Tagħna?
“TANT problemi mmaġinarji jiġu evitati li kieku t-terminu predestinazzjoni li taʼ spiss jiġi mifhum ħażin qatt ma ġie wżat.” Forsi tistaqsi għala, jekk int użajt il-kelma “predestinazzjoni” jew smajtha tiġi wżata.
Skond ir-riċenti enċiklopedija Kattolika Franċiża Théo, ikun aħjar li wieħed jevita l-kelma “predestinazzjoni.” Ktieb ieħor jistqarr: “Illum, il-predestinazzjoni m’għadhiex iktar fil-qalba taʼ dibattiti teoloġiċi, saħansitra għall-biċċa l-kbira tal-Protestanti, milli jidher.”
Minkejja dan, il-kwistjoni tal-predestinazzjoni ħawdet lil ħafna nies matul l-istorja. Kienet fil-qalba tal-kontroversja li qanqlet ir-Riforma, u saħansitra ġewwa l-Knisja Kattolika, kienet suġġett taʼ diskussjoni taħraq għal sekli sħaħ. Għalkemm hija inqas dibattuta llum, xorta tibqaʼ problema. Min ma jridx ikun jaf jekk id-destin tiegħu kienx miktub minn qabel?
Predestinazzjoni —It-Tifsira Tal-Kelma
Il-kelma “predestinazzjoni” xi tfisser fil-knejjes? Id-Dictionnaire de théologie catholique tikkunsidraha bħala li hija “l-intenzjoni divina biex iġġib lil ċerti wħud, li huma nnominati b’isimhom, għall-ħajja taʼ dejjem.” Ġeneralment huwa maħsub li dawk magħżulin, “[i]nnominati b’isimhom,” huma dawk li għalihom jirreferi l-appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lir-Rumani, b’dawn it-termini li ġejjin: “Alla jaħdem għat-tajjeb maʼ dawk li jħobbuh, li huma msejħin skond l-iskop tiegħu. Għal dawk li lilhom kien jaf minn qabel hu wkoll ippredestina li jkunu jaqblu max-xbiha taʼ Ibnu . . . U dawk li lilhom ippredestina hu wkoll sejħilhom; u dawk li lilhom sejjaħ hu wkoll iġġustifikahom; u dawk li lilhom iġġustifika hu wkoll igglorifikahom.”—Rumani 8:28-30, Revised Standard Version.
Saħansitra qabel it-twelid tagħhom, xi nies suppost li ġew magħżulin minn Alla bil-għan li jieħdu sehem fil-glorja taʼ Kristu fis-smewwiet. Dan iwassal għall-mistoqsija li tant ilha tiġi dibattuta: Jagħżel Alla b’mod arbitrarju lil dawk li hu jrid isalva, jew il-bnedmin għandhom ir-rieda ħielsa u għandhom sehem f’li jakkwistaw u f’li jżommu l-favur t’Alla?
Wistin, Missier Il-Predestinazzjoni
Għalkemm Santi Padri tal-Knisja oħrajn kienu kitbu minn qabel dwar il-predestinazzjoni, Wistin (354-430 E.K.) hu ġeneralment ikkunsidrat li poġġa l-pedamenti tad-duttrina kemm għall-knejjes Kattoliċi kif ukoll Protestanti. Skond Wistin, it-twajbin ilhom mill-eternità ppredestinati minn Alla biex jirċievu barkiet eterni. Mill-banda l-oħra, dawk li m’humiex twajbin, għalkemm m’humiex ippredestinati minn Alla fil-veru sens tal-kelma, għandhom jirċievu l-kastig mistħoqq għad-dnubiet tagħhom, il-kundanna. L-ispjegazzjoni taʼ Wistin ħalliet ftit li xejn lok għar-rieda ħielsa, u b’hekk fetaħ it-triq għal partita kontroversji.
Il-Werrieta Taʼ Wistin
Id-dibattitu rigward il-predestinazzjoni u r-rieda ħielsa tfaċċa regolarment matul il-Medju Evu, u laħaq il-quċċata matul ir-Riforma. Luteru ra l-predestinazzjoni individwali bħala għażla ħielsa min-naħa t’Alla, mingħajr ma Hu jara bil-quddiem il-merti futuri jew ix-xogħlijiet tajbin tal-magħżulin. Calvin wasal għal konklużjoni iktar radikali bil-kunċett tiegħu taʼ predestinazzjoni doppja: Xi wħud huma predestinati għal salvazzjoni eterna, u oħrajn għal kundanna eterna. Madankollu, Calvin ikkunsidra wkoll l-għażla t’Alla bħala arbitrarja, saħansitra inkomprensibbli.
Is-suġġett tal-predestinazzjoni u l-kwistjoni relatata mill-qrib miegħu tal-“grazzja”—kelma wżata mill-knejjes biex tfisser l-att li bih Alla jsalva u jiddikjara l-bnedmin twajbin—waslu f’estremità li fl-1611 is-Santa Sede Kattolika pprojbiet li kwalunkwe ħaġa tiġi ppubblikata dwar is-suġġett mingħajr il-kunsens tagħha. Fi ħdan il-Knisja Kattolika, it-tagħlim taʼ Wistin irċeva appoġġ qawwi mis-segwaċi Franċiżi taʼ Jansen tas-sekli 17 u 18. Huma ddefendew forma stretta u għolja taʼ Kristjanità u saħansitra kellhom segwaċi fost l-aristokrazija. Madankollu, il-kontroversja fuq il-kwistjoni ma battietx. Ir-Re Lwiġi XIV ordna l-qerda taʼ l-abbatija taʼ Port-Royal, il-benniena tal-ħsieb Jansenist.
Fi ħdan il-knejjes Protestanti Rriformati, id-diskussjoni kien għad fadlilha biex tispiċċa. Flimkien m’oħrajn, ir-Remostranti, li segwew lil Jacobus Arminius, emmnu li l-bniedem għandu rwol xi jwettaq fis-salvazzjoni tiegħu stess. Is-Sinodu Protestant taʼ Dordrecht (1618-19) temporanjament issetilja l-kwistjoni meta adotta forma stretta taʼ l-ortodossija Kalvinista. Skond il-ktieb L’Aventure de la Réforme—Le monde de Jean Calvin, fil-Ġermanja din it-tħaqqiqa dwar il-predestinazzjoni u r-rieda ħielsa tat bidu għal perijodu twil taʼ “attentati bla suċċess taʼ rikonċiljazzjoni, kif ukoll abbużi, tfigħ fil-ħabs, u tkeċċija taʼ teoloġi.”
Predestinazzjoni Jew Rieda Ħielsa?
Mill-bidu, dawn iż-żewġ ideat kompletament opposti għal xulxin, il-predestinazzjoni u r-rieda ħielsa, qanqlu ħafna konflitti jaħarqu. Wistin min-naħa tiegħu ma kienx kapaċi jispjega din l-inkompatibilità. Calvin ukoll raha bħala espressjoni tar-rieda sovrana t’Alla u għalhekk inspjegabbli.
Imma r-rivelazzjoni tal-Bibbja dwar il-kwalitajiet u l-personalità t’Alla tgħinna nifhmu dawn il-kwistjonijiet b’mod iktar ċar? L-artiklu li jmiss se jeżamina dawn il-punti f’iktar dettall. (w95 2/15)
[Stampi f’paġna 4]
Jansen
Luteru
Calvin
[Sors]
Pictures: Bibliothèque Nationale, Paris