LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 4/15 p. 3
  • Huwa l-Futur Tagħna Miktub bil-Quddiem?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa l-Futur Tagħna Miktub bil-Quddiem?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Materjal Simili
  • Alla Diġà Ffissah id-Destin Tagħna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • It-​Tfittxija għad-​Destin Tal-​bniedem
    Stenbaħ!—1999
  • It-Twemmin fid-Destin Jaħkem lil Ħajtek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Destin jew biss Kumbinazzjoni?
    Stenbaħ!—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 4/15 p. 3

Huwa l-​Futur Tagħna Miktub bil-​Quddiem?

KRISTJAN, Musulman, Lhudi, Ħindu, jew kredent taʼ reliġjon oħra​—nies taʼ kull twemmin jesperjenzaw traġedji u jitnikktu minħabba fihom.

Per eżempju, nhar is-​6 taʼ Diċembru, 1997, ġrat traġedja terribbli fil-​belt Siberjana taʼ Irkutsk. Ajruplan enormi tat-​trasport AN-124, bilkemm kien laħaq inqataʼ mill-​art li ma waqfulux iż-​żewġ magni tiegħu. L-​ajruplan, mimli bil-​petrol, baqaʼ dieħel dritt għal ġo kumpless residenzjali. Il-​fjammi dawru lil numru taʼ appartamenti, u għadd taʼ inkwilini impotenti, inklużi tfal innoċenti sfaw mejtin jew feruti.

Fl-inħawi tas-​Siberja fejn ġara l-​aċċident, x’aktarx li hemm nies b’opinjonijiet reliġjużi differenti. Xi wħud għandhom mnejn jesprimu twemmin fil-​Kristjanità, għalkemm xorta waħda forsi jaħsbu li t-​traġedja kienet riżultat tad-​destin. Huma u oħrajn għandhom mnejn iħossu, ‘Kienet ir-​rieda t’Alla, u li kieku dawk li sfaw mejtin ma mitux b’dan il-​mod, kienu jmutu b’xi ħaġa oħra​—kien id-​destin tagħhom.’

Ħsieb bħal dak, kemm jekk jitlissen u kemm jekk le, jirrifletti konċett li huwa komuni f’ħafna reliġjonijiet madwar il-​globu​—id-​destin. Ħafna nies jemmnu li l-​futur tagħna, minn mindu nitwieldu sa ma mmutu, huwa b’xi mod jew ieħor miktub bil-​quddiem.

It-twemmin fid-​destin jieħu diversi forom, u jagħmilha diffiċli biex wieħed jagħti definizzjoni kompleta. Id-​destin bażikament jagħti l-​idea li kulma jiġri, kull att, kull ġrajja​—kemm jekk tajjeb u kemm jekk ħażin—​huwa inevitabbli; huwa ddestinat li jiġri minħabba li jkun ġie ddeterminat bil-​quddiem minn forza ogħla, li l-​bniedem m’għandux kontroll fuqha. Konċett bħal dan jistaʼ jinstab fl-​astroloġija, fil-​karma tal-​Ħinduiżmu u tal-​Buddiżmu, kif ukoll fid-​duttrina tal-​predestinazzjoni tal-​Kristjaneżmu. Lura f’Babilonja tal-​qedem, in-​nies kienu jemmnu li l-​allat kienu jikkontrollaw id-​destin u l-​futur permezz taʼ dokument miktub. Suppost, kwalunkwe alla li kien jikkontrolla dawn it-​“twavel tad-​destin” setaʼ jiddeċiedi d-​destini tal-​bnedmin, tas-​saltniet, u saħansitra taʼ l-​allat infushom.

Ħafna kredenti jemmnu li b’digriet divin qabel ma bniedem jitwieled, Alla jiddetermina dak kollu li jkun se jiġri lin-​nies, inkluż it-​tul taʼ ħajjithom, jekk humiex se jkunu maskili jew femminili, għonja jew foqra, miżerabbli jew ferħanin. Dan kollu jintqal li jeżisti fil-​moħħ t’Alla jew miktub ġewwa ktieb qabel ma jseħħ. B’hekk, huwa komuni li kredent meta jiġi xi gwaj fuqu jgħid, “mektoub,”​—huwa miktub! Huwa rraġunat li ladarba Alla jaf kollox minn qabel, hu bilfors li jiddetermina wkoll min se jobdih u min mhux se jobdih. Ħafna kredenti b’hekk jemmnu li saħansitra qabel ma wieħed jitwieled, Alla jkun diġà ddetermina jekk hux iddestinat għal hena taʼ dejjem fil-​Ġenna jew jekk hux se jieħu kundanna għal dejjem.

Int għandek mnejn tħossok li dan jinstemaʼ ħafna bħad-​duttrina tal-​predestinazzjoni mgħallma f’xi knejjes tal-​Kristjaneżmu. L-​aqwa proponent tal-​predestinazzjoni tal-​Protestanti kien John Calvin, Riformatur Franċiż tas-​seklu 16. Hu ddefinixxa l-​predestinazzjoni bħala “d-​digriet etern t’Alla, li bih iddetermina dak li ried jagħmel b’kull bniedem. Mhux kulħadd huwa maħluq fl-​istess kundizzjoni, imma minn qabel ġiet ordnata ħajja eterna għal xi wħud u kundanna għal oħrajn.” Calvin iddikjara wkoll: “Alla mhux biss ra minn qabel il-​waqgħa taʼ l-​ewwel bniedem, u minħabba fih ir-​rovina taʼ nislu; imma wkoll, skond kif għoġbu, irranġa kollox minn qabel.”

Madankollu, mhux il-​membri kollha tar-​reliġjonijiet li jgħallmu l-​predestinazzjoni jew il-​fataliżmu jemmnu fihom personalment. Xi wħud b’mod korrett juru li l-​kitbiet reliġjużi jsemmu r-​rieda ħielsa tal-​bniedem. Fil-​fatt, qamet kontroversja kbira fuq l-​azzjonijiet tal-​bniedem, dwar jekk humiex il-​konsegwenza taʼ l-​għażla ħielsa tal-​bniedem jew humiex iddeterminati minn qabel minn Alla. Xi wħud, per eżempju, argumentaw li l-​bniedem għandu jkun ħieles li jagħżel u jaġixxi, ladarba Alla, li hu ġust, iżomm lill-​bniedem responsabbli u li jrid jagħti kont taʼ l-​azzjonijiet tiegħu. Oħrajn qalu li Alla joħloq l-​azzjonijiet tal-​bniedem imma l-​bniedem b’xi mod “jiksibhom” u jsir responsabbli għalihom. Madankollu, ġeneralment, ħafna jemmnu li kull ġrajja, kbira u żgħira, fil-​ħajjiet tagħna taʼ kuljum ġiet ordnata minn Alla.

Int x’temmen? Alla diġà ddetermina x’se jkun il-​futur tiegħek? Għandhom verament il-​bnedmin ir-​rieda ħielsa, l-​abbiltà li jagħmlu għażliet prattiċi dwar il-​futur tagħhom? Sa liema punt huwa d-​destin tagħna possibbli fuq l-​azzjonijiet tagħna stess? L-​artiklu li jmiss se jipprova jagħti tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 3]

SEL/Sipa Press

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja