Il-Wegħda taʼ Dinja Mingħajr Korruzzjoni
IL-KORRUZZJONI ppenetrat kull livell tas-soċjetà. Kemm jekk hija fl-iggvernar, fix-xjenza, fl-isport, fir-reliġjon, jew fin-negozju, il-korruzzjoni tidher li ma tistax tiġi kkontrollata.
F’pajjiż wara l-ieħor, aħbarijiet dipressanti dwar skandli taʼ korruzzjoni jidhru fil-mezzi tax-xandir. Ħafna li għamlu wegħda li jaqdu l-interessi tal-poplu qegħdin jiġu mikxufin bħala li qegħdin jaqdu l-interessi tagħhom stess billi jirċievu tixħim u rigali. L-hekk imsejħa kriminalità tal-puliti hija rampanti. Iktar u iktar nies taʼ stat soċjali jew ekonomiku għoli huma ħatjin taʼ vjolazzjonijiet etiċi u kriminali f’konnessjoni mal-karigi regulari tagħhom.
Qiegħed jiżdied it-tħassib dwar dik li ġurnal Ewropew jiddeskrivi bħala “‘korruzzjoni grandjuża’—il-prattika li permezz tagħha uffiċjali għoljin, ministri u, taʼ sikwit, kapijiet taʼ stat jesiġu ħlasijiet qabel japprovaw xirjiet u żviluppi kbar.” F’pajjiż wieħed “sentejn taʼ investigazzjonijiet mill-pulizija u kważi arresti taʼ kuljum xorta għadhom ma skuraġġewx lill-korrotti inkorreġġibbli,” tistqarr ir-rivista Ingliża The Economist.
Minħabba korruzzjoni mifruxa maʼ kullimkien bħal din, ħafna llum iħossu li m’hemm ħadd li jistgħu jafdaw fih. Huma jidwu s-sentimenti tal-kittieb tal-Bibbja David meta qal: “Huma lkoll daru lejn il-ġenb, huma lkoll l-istess korrotti; m’hemm ħadd li qiegħed jagħmel it-tajjeb, lanqas saħansitra wieħed.”—Salm 14:3.
Int kif tkampa mar-realtà tal-korruzzjoni mifruxa maʼ kullimkien? Ħafna nies illum sempliċement jinjorawha. Imma saħansitra jekk tinjora l-korruzzjoni, din xorta se tweġġgħek. Kif?
Il-Korruzzjoni Teffettwak
Kemm il-korruzzjoni fuq livell għoli kif ukoll dik fuq skala żgħira jżidu l-għoli tal-ħajja, ibaxxu l-kwalità tal-prodotti, u jirriżultaw f’inqas impjiegi u pagi iktar baxxi. Per eżempju, huwa stmat li kriminalità bħal misapproprijazzjoni u frodi jiswew mill-inqas għaxar darbiet iktar milli jiswew id-diversi tipi taʼ serq kollha f’daqqa. The New Encyclopædia Britannica (1992) tistqarr li “l-ispiża taʼ kriminalità minn kumpaniji kbar fl-Istati Uniti ġiet stmata għal $200,000,000,000 kull sena—tliet darbiet daqs kemm tiswa l-kriminalità organizzata.” Dan is-sors jispjega li waqt li l-effetti jistgħu ma jidhrux mill-ewwel, “kriminalità bħal din għandha impatt qawwi fuq il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema, tal-konsumaturi, u taʼ l-ambjent.”
Il-frott morr tal-korruzzjoni jfakkarna fi kliem is-Sultan Salamun: “Jien innifsi rritornajt biex inkun nistaʼ nara l-atti kollha t’oppressjoni li qegħdin isiru taħt ix-xemx, u, ħares! id-dmugħ taʼ dawk li qegħdin jiġu oppressati, imma ma kellhom ebda farrâġ; u fuq in-naħa taʼ l-oppressuri tagħhom kien hemm il-poter, tant li ma kellhom ebda farrâġ.”—Ekkleżjasti 4:1.
Għandna aħna, allura, nirrassenjaw ruħna għall-korruzzjoni? Hija din inevitabbli? Hija dinja mingħajr korruzzjoni ħolma impossibbli? B’hena, le! Il-Bibbja tgħallimna li l-inġustizzja u l-illegalità dalwaqt se jiġu eliminati.
Dak Li Tgħidilna L-Bibbja
Il-Bibbja tgħidilna li l-korruzzjoni bdiet meta anġlu potenti rribella kontra Alla u ħajjar lill-ewwel koppja umana biex jingħaqdu miegħu. (Ġenesi 3:1-6) L-ebda ħaġa tajba ma ħarġet mill-korsa midinba tagħhom. Minflok, minn dak in-nhar li Adam u Eva dinbu kontra Alla Jehovah, huma bdew isofru l-konsegwenzi ħżiena tal-korruzzjoni. L-iġsma tagħhom bdew il-proċess bil-mod il-mod tad-deterjorazzjoni, li jwassal għal mewt inevitabbli. (Ġenesi 3:16-19) Minn dak in-nhar, l-istorja hija miżgħuda b’eżempji taʼ tixħim, qerq, u frodi. Madankollu, ħafna li jiksru l-liġi donnhom jgħadduha lixxa.
Kuntrarju għal dak li jiġrilhom il-kriminali ordinarji, uħud f’karigi għoljin u politiċi rari jmorru l-ħabs jew jirrifondu l-qliegħ miksub b’qerq. Minħabba n-natura klandestina tat-tixħim, l-għotjiet, u r-rigali, huwa taʼ spiss diffiċli biex tesponi korruzzjoni taʼ livell għoli. Imma dan ma jfissirx li dinja mingħajr korruzzjoni hija ħolma impossibbli.
Salvâr mill-korruzzjoni se jiġi mill-Ħallieq tal-bniedem, Alla Jehovah. Intervent divin huwa l-unika soluzzjoni. Għala? Għaliex l-għadu li ma jidhirx tal-bnedmin, Satana x-Xitan, ikompli jiżvija lill-bnedmin. Bħalma naqraw fl-1 Ġwann 5:19, “[i]d-dinja kollha kemm hi qiegħda taħt il-poter tal-wieħed mill-agħar.” X’hemm iktar li jistaʼ jispjega ż-żjieda fil-korruzzjoni—ħafna minnha mwettqa mingħajr ma tiġi kkastigata?
L-ebda ammont taʼ sforz uman ma jistaʼ jegħleb lil Satana u lid-demonji tiegħu. Intervent divin biss jistaʼ jiggarantixxi lill-bnedmin ubbidjenti “l-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla.” (Rumani 8:21) Jehovah iwiegħed li dalwaqt Satana se jkun ristrett sabiex ma jkunx jistaʼ jqarraq bil-bnedmin iktar. (Rivelazzjoni 20:3) Sadanittant, jekk nixtiequ ngħixu fid-dinja ġdida t’Alla ħielsa mill-korruzzjoni, irridu nwarrbu l-modi korrotti taʼ din id-dinja.
In-Nies Jistgħu Jitbiddlu
Fi żmien Ġesù Kristu, kien hemm dawk li abbużaw mill-poter tagħhom u oppressaw lil bnedmin sħabhom. Per eżempju, il-kolletturi tat-taxxa kienu magħrufin sew għall-prattiċi korrotti tagħhom. Dan kien minkejja l-liġi ċara u tonda t’Alla: “Ma tridx taċċetta tixħima, għax it-tixħima tagħmi lil bnedmin taʼ vista ċara u tistaʼ tgħawweġ il-kliem taʼ bnedmin twajbin.” (Eżodu 23:8) Żakkew, kap tal-kolletturi tat-taxxa, ammetta li kien għamel qliegħ b’qerq permezz taʼ akkużi foloz. Imma minflok ma ppromwova riforma soċjali fuq skala estensiva, Ġesù ħeġġeġ mill-qalb lil individwi biex jindmu u jabbandunaw il-modi korrotti tagħhom. Bħala riżultat, kolletturi tat-taxxa korrotti magħrufin bħalma kienu Mattew u Żakkew abbandunaw l-istil taʼ ħajja li kellhom qabel.—Mattew 4:17; 9:9-13; Luqa 19:1-10.
Dawk involuti fi prattiċi diżonesti llum daqstant ieħor jistgħu jwarrbu l-korruzzjoni billi jilbsu “l-personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-rieda t’Alla fit-tjieba vera u l-lealtà.” (Efesin 4:24) Jistaʼ ma jkunx faċli li tħallas it-taxxi b’mod onest jew li ma tkomplix tieħu sehem fi skemi dubjużi. Xorta waħda, il-benefiċċji jimmeritaw kull sforz.
Mhux iktar maħkumin minn din id-dinja korrotta, dawk li huma kkonċernati dwar il-benesseri taʼ ħaddieħor igawdu paċi ġewwinija. M’hemmx biżaʼ li jiġu maqbudin fil-ħażen. Minflok, igawdu kuxjenza tajba. Huma jimitaw l-eżempju Bibliku taʼ Danjel il-profeta. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid li uffiċjali għoljin kienu l-ħin kollu jfittxu li jsibu xi skuża kontra Danjel. “Imma ma kien hemm ebda skuża jew ħaġa korrotta affattu li setgħu jsibu, ġaladarba kien taʼ min jafdah u ebda traskuraġni jew ħaġa korrotta affattu ma nstabet fih.”—Danjel 6:4.
Il-Wegħda Taʼ Jehovah
Jehovah iwiegħed li “għalkemm midneb jistaʼ jkun qiegħed jagħmel il-ħażen għal mitt darba u jkompli għal żmien twil kif jogħġob lilu, madankollu jien konxju wkoll li se jispiċċaw tajjeb dawk li qegħdin jibżgħu minn dak Alla veru, għaliex kienu fil-biżaʼ tiegħu. Imma ma se jispiċċa tajjeb xejn dak li hu mill-agħar, lanqas ma se jtawwal jiemu li huma bħal dell, għaliex mhux fil-biżaʼ t’Alla.”—Ekkleżjasti 8:12, 13.
X’serħan meta l-korruzzjoni ma tikkawżax iktar dwejjaq! X’barka li tgħix għal dejjem f’dinja mingħajr korruzzjoni! Dan m’huwiex impossibbli. Il-Bibbja titkellem dwar it-“tama tal-ħajja taʼ dejjem li Alla, li ma jistax jigdeb, wiegħed minn qabel żminijiet dejjiema.” (Titus 1:2) Jekk int tobgħod il-korruzzjoni u tħobb it-tjieba, għandek il-possibiltà li tara t-twettieq tal-wegħda t’Alla taʼ dinja mingħajr korruzzjoni. (w95 6/1)
[Stampa f’paġna 4]
Il-korruzzjoni hija mifruxa ġmielha f’ambjenti governattivi u kummerċjali
[Stampa f’paġna 5]
Il-korruzzjoni spiss teffettwa l-ittrattar m’uffiċjali pubbliċi