Kif Tistaʼ Tibqaʼ Ħaj F’Inħawi Perikolużi?
“KONT IMBEŻŻAʼ l-ħin kollu. Kont beżgħana fil-lift. Kont beżgħana fil-karozza tiegħi. Kont beżgħana fl-appartament tiegħi. Kien hemm kriminalità kullimkien. In-nies kienu dejjem qegħdin jiġu misruqin,” tgħid Maria. Tħossok int bħal din il-mara Brażiljana, beżgħan fl-inħawi fejn tgħix, speċjalment fid-dalma tal-lejl?
Li taqra novelli tad-detectives jistaʼ jkun eċċitanti, imma fil-ħajja reali spiss ma jkunx hemm tmiem hieni. Att kriminali jistaʼ jibqaʼ m’huwiex solvut. Jew f’każi t’omiċidju, xi ħadd ikollu jkompli jgħix mingħajr raġel, missier, jew iben, mingħajr mara, omm, jew bint. Qiegħda l-kriminalità vjolenti tiżdied fejn tgħix int? Tixxennaq int għal xi post kwiet fejn il-familja tiegħek tkun ħielsa mill-periklu? Jew, jekk int imġiegħel ittellaʼ t-tfal tiegħek f’inħawi fejn hemm ħafna kriminalità, x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ ħaj?
Veru, għad baqaʼ bliet fejn ftit atti kriminali jiġu rrapportati. F’ħafna pajjiżi, in-nies għadhom jgħixu fi trankwillità qalb il-kampanja jew ġo rħula trankwilli. Imma l-affarijiet qegħdin jinbidlu bil-ħeffa saħansitra f’inħawi li qabel kienu meqjusin bħala ħelsin mill-kriminalità. Per eżempju, fil-Brażil 50 sena ilu, 70 fil-mija tal-popolazzjoni kienu jgħixu fil-kampanja. Issa 70 fil-mija jgħixu fl-ibliet. Flimkien maʼ l-opportunitajiet taʼ impjiegi ġiet ukoll żjieda fi problemi urbani, bħalma huma l-kriminalità u l-vjolenza. Kemm jekk tgħix f’post perikoluż jew le, xorta waħda trid tmur taħdem jew l-iskola u tagħmel ħafna affarijiet ’il bogħod mid-dar.
Billi jirrikonoxxi l-“marda tal-paniku” li qed tikber, kap tal-pulizija f’Rio de Janeiro jsemmi l-inġustizzji soċjali u l-kriminalità organizzata bħala fatturi li jikkontribwixxu. Hu jħoss ukoll li l-gazzetti u t-televixin jikkontribwixxu biex iferrxu l-biżaʼ, billi “jinfluwenzaw l-ispirtu tal-popolazzjoni b’aħbarijiet traġiċi.” Il-vizzju tad-droga, il-familji mkissrin, u l-edukazzjoni reliġjuża difettuża wkoll jikkontribwixxu għaż-żjieda fl-illegalità. U l-futur x’se jġib? Id-dieta tas-soltu taʼ xeni vjolenti, imċekknin f’kotba u films bħala divertiment, se tikkaġuna li n-nies isiru insensittivi lejn oħrajn? Inħawi meqjusin bħala ħelsin mill-kriminalità se jsiru perikolużi wkoll?
Ladarba l-vjolenza m’hijiex pjaċevoli għall-vittma, għandna xewqa qawwija li nkunu ħelsin mill-periklu. Mhux taʼ b’xejn li ċittadini inkwetati jitolbu għal iktar pulizija fit-toroq u sentenzi tal-ħabs iktar ħorox jew saħansitra għall-piena kapitali! Minkejja r-riskji, xi wħud jakkwistaw l-armi biex jiddefendu lilhom infushom. Oħrajn iridu li l-awtoritajiet jirristrinġu l-bejgħ taʼ l-armi tan-nar. Imma minkejja l-aħbarijiet koroh li l-kriminalità hija abbundanti, m’hemmx għalfejn niddispraw. Fil-fatt, ħafna abitanti taʼ bliet kbar bħal Johannesburg, Mexico City, New York, Rio de Janeiro, u São Paulo qatt ma ġew misruqin. Ħalli neżaminaw kif in-nies ikampaw f’inħawi perikolużi.
Inżommu Attitudni Pożittiva
Rigward post mifni bil- kriminalità, wieħed kittieb jikkummenta dwar “il-ħila u l-perseveranza t’eluf taʼ Brażiljani li rnexxielhom jgħaddu b’xi sens taʼ dinjità u diċenza minkejja kundizzjonijiet t’għixien dejjem ħorox.” Wara 38 sena f’Rio de Janeiro, Jorge jgħid: “Jien nevita certi toroq u nħawi u ma nurix kurżità. Nevita wkoll li nibqaʼ barra tard bil-lejl u ma nurix biżaʼ żejjed. Għalkemm noqgħod attent, inqis lin-nies bħal li kieku onesti, billi nimxi magħhom b’dinjità u rispett.”
Iva, evita inkwiet bla bżonn. Tilħaqx salib ħaddieħor. Qatt iċċekken il-fatt li biżaʼ żejjed jistaʼ jinnervjak, billi jġiegħel saħansitra nies taʼ mġieba tajba jitilfu r-raġuni. Rigward l-impjieg tiegħu f’inħawi perikolużi, Odair josserva: “Nipprova nkun pożittiv, billi ma nitmax lil moħħi biżaʼ minn affarijiet ħżiena li jistgħu jiġru għax dan iqabbdek tensjoni u paniku bla bżonn. Nipprova nuri rispett lejn in-nies kollha.” Minbarra li joqgħod attent u li jżomm ’il bogħod minn uħud suspettużi, hu jżid għajnuna oħra biex tikkontrolla l-emozzjonijiet taʼ dak li jkun: “Fuq kollox, nikkultiva fiduċja f’Alla Jehovah, billi niftakar li xejn ma jaħrablu u li kull ma jiġri huwa bil-permess tiegħu.”
Madankollu, ħadd ma jieħu gost jgħix il-ħin kollu fil-biżaʼ. Iktar minn hekk, min se jiċħad li l-biżaʼ eċċessiv u l-istress huma taʼ ħsara għas-saħħa emozzjonali u fiżika? Għaldaqstant, x’tama hemm għal dawk li jibżgħu li jistgħu jiġu attakkati ħin bla waqt? Ladarba ħafna huma beżgħanin li l-agħar rigward il-kriminalità għad irid iseħħ, qatt se naraw it-tmiem tal-vjolenza? Nistednuk taqra l-artiklu li jmiss, “Il-Biżaʼ Meta Se Jintemm?”
(w95 8/15)