Mistoqsijiet mill-Qarrejja
F’Filippin 2:9, Pawlu qal dwar Ġesù: “Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem.” X’inhu dan l-isem ġdid? U jekk Ġesù hu inferjuri għal Jehovah, kif inhu li isem Ġesù huwa ogħla minn kull isem?
Filippin 2:7-9 [Filippin 8, 9, NW] jaqra: “[Ġesù] sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem.”
Din il-kwotazzjoni ma tfissirx li ladarba Jehovah biss għandu isem assolutament ogħla minn kull isem ieħor, Ġesù jrid ikun l-istess persuna bħal Jehovah. Bħalma l-kuntest f’Filippin kapitlu 2 juri, Ġesù rċieva l-isem elevat tiegħu wara l-irxoxt tiegħu. Qabel dak, hu ma kienx jippossjedih. Mill-banda l-oħra, Jehovah minn dejjem kien suprem, u l-pożizzjoni tiegħu qatt ma tbiddlet. Il-fatt li Ġesù rċieva isem ogħla mill-isem li kellu qabel is-servizz tiegħu fuq l-art jagħti prova li hu m’huwiex l-istess bħal Jehovah. Meta Pawlu qal li Ġesù kien mogħti isem ogħla minn kull isem ieħor, hu ried ifisser li Ġesù issa għandu l-ogħla isem fost il-ħlejjaq t’Alla.
X’inhu l-isem għoli taʼ Ġesù? Isaija 9:5 jgħinna biex inwieġbu. Waqt li jipprofetizza dwar il-Messija li ġej, Ġesù, dak il-vers jgħid: “Is-saltna tkun fuq spallejh, u jsemmuh: “Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.” Hawnhekk l-“isem” taʼ Ġesù għandu x’jaqsam mal-pożizzjoni u l-awtorità għolja tiegħu, b’liema mod ukoll aħna nifhmu “l-Isem li hu fuq kull isem [“ieħor” NW]” imsemmi f’Filippin 2:9. Kull irkobba hija kkmandata biex tintlewa għal Ġesù b’rikonoxximent lejn il-pożizzjoni għolja t’awtorità li Jehovah tah—pożizzjoni t’awtorità ogħla minn dik mogħtija lil kwalunkwe ħlejqa oħra. Il-kelma “ieħor” f’din it-traduzzjoni m’hijiex direttament rappreżentata fl-istruttura tat-test Grieg, imma hija mfissra mis-sens tal-vers. L-“isem” taʼ Ġesù m’huwiex ogħla minn ismu stess imma huwa ogħla mill-isem taʼ kull ħlejqa oħra.
Kemm aħna henjin li ningħaqdu maʼ l-anġli u l-bnedmin leali kollha f’li nilwu l-irkobba b’rikonoxximent lejn l-isem taʼ Ġesù! Aħna nagħmlu dan f’li nissottomettu lilna nfusna lejn Ġesù fil-pożizzjoni potenti u elevata mogħtija lilu minn Jehovah—“għall-glorja taʼ Alla l-Missier.”—Filippin 2:11; Mattew 28:18. (w95 11/15)