LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 1/1 pp. 18-27
  • Jehovah Jagħti Paċi u Verità bl-Abbundanza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jagħti Paċi u Verità bl-Abbundanza
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Iwettaq Il-​Wegħdi Tiegħu
  • “Jien Għajjur . . . Għal Sijon”
  • “Il-​Belt Tas-​Sewwa”
  • Paċi Għan-​Nies Taʼ Jehovah
  • Diffiċli Wisq Għal Jehovah?
  • “Jien Inkun Alla Tagħhom”
  • “Ħobbu s-Sewwa u s-Sliem”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Ħalli “l-Paċi t’Alla” Tgħasses lil Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Naqdu Bħala Messaġġiera tal-Paċi Divina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 1/1 pp. 18-27

Jehovah Jagħti Paċi u Verità bl-​Abbundanza

“[Se] nfejjaqhom; u niftħilhom teżor taʼ sliem u verità.”—ĠEREMIJA 33:6, Karm Żammit.

1, 2. (a) Inkwatu għall-​paċi, x’juru l-​fatti dwar il-​ġnus? (b) Fis-​sena 607 Q.E.K., Jehovah liema lezzjoni għallem lil Iżrael dwar is-​sliem?

SLIEM! Kemm huwa mixtieq dak, u madankollu kemm kien rari fl-​istorja umana! Is-​seklu 20, speċjalment, ma kienx seklu taʼ paċi. Minflok, dan ra l-​iktar żewġ gwerer distruttivi fl-​istorja umana. Wara l-​ewwel gwerra dinjija, il-​Lega tan-​Nazzjonijiet ġiet imwaqqfa biex iżżomm paċi dinjija. Dik l-​organizzazzjoni falliet. Wara t-​tieni gwerra dinjija, l-​organizzazzjoni tal-​Ġnus Magħquda ġiet stabbilita bl-​istess għan. Jeħtiġilna biss naqraw il-​gazzetti taʼ kuljum biex naraw kemm din ukoll qiegħda tfalli għal kollox.

2 Għandna nkunu sorpriżi li organizzazzjonijiet umani ma jistgħux iġibu paċi? Xejn affattu. Iktar minn 2,500 sena ilu, il-​poplu magħżul t’Alla, Iżrael, ngħata lezzjoni f’dan ir-​rigward. Fis-​sebaʼ seklu Q.E.K., il-​paċi taʼ Iżrael kienet mheddha mill-​potenza dinjija li kienet qiegħda tifforma, il-​Babilonja. Iżrael ħares lejn l-​Eġittu għall-​paċi. L-​Eġittu falla. (Ġeremija 37:5-8; Eżekjel 17:11-15) Fis-​sena 607 Q.E.K., armati Babilonjani ġarrfu s-​swar taʼ Ġerusalemm u ħarqu t-​tempju taʼ Jehovah. B’hekk Iżrael tgħallem bid-​dnewwa l-​frugħa taʼ li tistrieħ fuq organizzazzjonijiet umani. Minflok ma gawda paċi, il-​ġens ġie mkaxkar fl-​eżilju fil-​Babilonja.—2 Kronaki 36:17-21.

3. Bi twettiq tal-​kliem taʼ Jehovah permezz taʼ Ġeremija, liema ġrajjiet storiċi għallmu lil Iżrael it-​tieni lezzjoni vitali dwar il-​paċi?

3 Qabel il-​waqgħa taʼ Ġerusalemm, madankollu, Jehovah kien irrivela li hu, mhux l-​Eġittu, kellu jġib paċi reali għal Iżrael. Permezz taʼ Ġeremija wiegħed: “[Se] nfejjaqhom; u niftħilhom teżor taʼ sliem u verità. U nraġġaʼ lura mill-​jasar lil Ġuda u lil Iżrael, u nibnihom bħal ma kienu fil-​bidu.” (Ġeremija 33:6, 7, KŻ) Il-​wegħda taʼ Jehovah bdiet isseħħ fis-​sena 539 Q.E.K. meta l-​Babilonja ġiet ikkonkwistata u l-​libertà ġiet offruta lill-​eżiljati Iżraeliti. (2 Kronaki 36:22, 23) Sa l-​aħħar parti tas-​sena 537 Q.E.K., grupp taʼ Iżraeliti ċċelebraw il-​Festa taʼ l-​Għerejjex fuq il-​ħamrija taʼ Iżrael għall-​ewwel darba f’70 sena! Wara l-​festa, erħewlha biex jibnu mill-​ġdid it-​tempju taʼ Jehovah. Kif kienu jħossuhom dwar dan? Il-​kitba tgħid: “[I]l-poplu kollu għajjat għajta kbira taʼ tifħir lill-​Mulej, għax kienu tqiegħdu s-​sisien tat-​tempju tal-​Mulej.”—Esdra 3:11.

4. Jehovah kif qanqal lill-​Iżraeliti biex jagħmlu x-​xogħol taʼ bini tat-​tempju, u liema wegħda għamel dwar il-​paċi?

4 Wara dak il-​bidu hieni, iżda, l-​Iżraeliti ġew skuraġġiti minn opponenti u waqqfu x-​xogħol taʼ bini tat-​tempju. Xi snin wara, Jehovah qajjem lill-​profeti Ħaggaj u Żakkarija biex iqanqlu lill-​Iżraeliti ħalli jlestu x-​xogħol taʼ bini mill-​ġdid. Kemm żgur li kien eċċitanti għalihom li jisimgħu lil Ħaggaj jgħid rigward it-​tempju li kellu jinbena: “Il-​glorja taʼ din l-​aħħar dar tkun akbar minn dik taʼ l-​ewwel waħda, igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: u f’dan il-​post nagħti s-​sliem”!—Ħaggaj 2:9, KŻ.

Jehovah Iwettaq Il-​Wegħdi Tiegħu

5. X’inhu notevoli dwar it-​tmien kapitlu taʼ Żakkarija?

5 Fil-​ktieb Bibliku taʼ Żakkarija, naqraw dwar għadd taʼ viżjonijiet u profeziji ispirati li saħħew lill-​poplu t’Alla lura fis-​sitt seklu Q.E.K. Dawn l-​istess profeziji jkomplu jiżgurawna mill-​appoġġ taʼ Jehovah. Jagħtuna kull raġuni biex nemmnu li Jehovah se jagħti lin-​nies tiegħu paċi fi żmienna wkoll. Per eżempju, fit-​tmien kapitlu tal-​ktieb li jġorr ismu, il-​profeta Żakkarija għaxar darbiet ilissen il-​kliem: ‘Dan huwa dak li Jehovah qal.’ Kull darba, l-​espressjoni tintroduċi pronunzja divina li għandha x’taqsam mal-​paċi tal-​poplu t’Alla. Xi wħud minn dawn il-​wegħdi twettqu lura fi żmien Żakkarija. Kollha twettqu jew qegħdin fil-​proċess li jitwettqu llum.

“Jien Għajjur . . . Għal Sijon”

6, 7. Jehovah b’liema modi kien ‘għajjur għal Sijon b’korla kbira’?

6 L-​espressjoni tidher l-​ewwel f’Żakkarija 8:2, fejn naqraw: “Hekk igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘Jien għajjur fuq li għajjur għal Sijon, għajjur għaliha b’korla liema bħalha.’” Il-​wegħda taʼ Jehovah li jkun għajjur, li jkollu żelu kbir, għan-​nies tiegħu kienet tfisser li kellu jkun attent li jirrestawra l-​paċi tagħhom. Ir-​restawr taʼ Iżrael għall-​pajjiż tiegħu u l-​bini mill-​ġdid tat-​tempju kienu evidenza taʼ dak iż-​żelu.

7 Xi ngħidu, iżda, dwar dawk li kienu opponew lin-​nies taʼ Jehovah? Iż-​żelu tiegħu għal niesu kellu jkun ugwali għall-​“korla liema bħalha” tiegħu fuq dawn l-​għedewwa. Meta Lhud leali qiemu fit-​tempju mibni mill-​ġdid, kellhom ikunu kapaċi jirriflettu fuq it-​tmiem fatali tas-​setgħana Babilonja, li issa kienet waqgħet. Setgħu jaħsbu wkoll dwar il-​falliment totali taʼ l-​għedewwa li kienu pprovaw ifixklu l-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. (Esdra 4:1-6; 6:3) U setgħu jirringrazzjaw lil Jehovah talli kien wettaq il-​wegħda tiegħu. Iż-​żelu tiegħu ġabilhom trijonf!

“Il-​Belt Tas-​Sewwa”

8. Fi żmien Żakkarija, Ġerusalemm kif kellha ssir belt tas-​sewwa f’kuntrast maʼ żminijiet iżjed bikrin?

8 Għat-​tieni darba Żakkarija jikteb: “Hekk igħid il-​Mulej.” X’inhu l-​kliem taʼ Jehovah f’din l-​okkażjoni? “Jien narġaʼ [lura] lejn Sijon, u ngħammar f’nofs Ġerusalemm; u Ġerusalemm tissejjaħ il-​belt tas-​sewwa, u l-​għolja tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti, il-​għolja mqaddsa.” (Żakkarija 8:3, KŻ) Qabel is-​sena 607 Q.E.K., Ġerusalemm ma kienet bl-​ebda mod belt tas-​sewwa. Il-​qassisin u l-​profeti tagħha kienu korrotti, u n-​nies tagħha kienu żleali. (Ġeremija 6:13; 7:29-34; 13:23-27) Issa n-​nies t’Alla kienu qegħdin jibnu t-​tempju mill-​ġdid, billi wrew ir-​rabta tagħhom lejn il-​qima pura. Jehovah għammar għal darb’oħra fl-​ispirtu f’Ġerusalemm. Il-​veritajiet tal-​qima pura ġew mitkellma mill-​ġdid fiha, u għalhekk Ġerusalemm setgħet tissejjaħ “il-​belt tas-​sewwa.” Il-​lokazzjoni tagħha fl-​għoli setgħet tissejjaħ “[i]l-muntanja tal-​Mulej.”

9. Liema bidla straordinarja fil-​kundizzjoni kienet esperjenzata minn “Israel taʼ Alla” fl-​1919?

9 Fil-​waqt li dawn iż-​żewġ pronunzji kienu taʼ tifsir għal Iżrael tal-​qedem, għandhom ukoll ħafna tifsir għalina hekk kif is-​seklu 20 joqrob lejn it-​tmiem. Kważi 80 sena ilu, matul l-​ewwel gwerra dinjija, il-​ftit eluf t’uħud midlukin li dak iż-​żmien kienu jirrappreżentaw l-​“Israel taʼ Alla” marru f’jasar spiritwali, sewwa sew bħalma Iżrael tal-​qedem kien mar fil-​jasar f’Babilonja. (Galatin 6:16) Profetikament, kienu deskritti bħala katavri mixħutin fit-​triq. Xorta waħda, kellhom xewqa sinċiera li jqimu lil Jehovah “fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:24) Għaldaqstant, fl-​1919, Jehovah ħelishom mill-​jasar, billi qajjimhom mill-​kundizzjoni spiritwalment mejta tagħhom. (Apokalissi 11:7-13) Jehovah b’hekk wieġeb b’iva li tidwi għall-​mistoqsija profetika taʼ Isaija: “Jistaʼ pajjiż isir f’jum wieħed? Jistaʼ poplu jitwieled f’waqt wieħed?” (Isaija 66:8) Fl-​1919, in-​nies taʼ Jehovah għal darb’oħra eżistew bħala ġens spiritwali fil-​“pajjiż,” jew qasam spiritwali tagħhom stess fuq l-​art.

10. B’seħħ mill-​1919, Kristjani midlukin liema barkiet qegħdin igawdu fil-​“pajjiż” tagħhom?

10 Salvi f’dak il-​pajjiż, Kristjani midlukin qdew fit-​tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. Ġew innominati bħala “l-​irsir leali u diskret,” billi aċċettaw ir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb taʼ kulma jappartjeni lil Ġesù fuq l-​art, privileġġ li għadhom igawdu hekk kif is-​seklu 20 joqrob lejn il-​konklużjoni tiegħu. (Mattew 24: 45-47, NW) Huma tgħallmuha tajjeb il-​lezzjoni li Jehovah hu dak l-​istess “Alla tas-​sliem.”—1 Tessalonkin 5:23.

11. Mexxejja reliġjużi tal-​Kristjaneżmu kif urew lilhom infushom li kienu għedewwa tan-​nies t’Alla?

11 Xi ngħidu, iżda, dwar l-​għedewwa taʼ l-​Iżrael t’Alla? Iż-​żelu taʼ Jehovah għan-​nies tiegħu huwa mqabbel mal-​korla tiegħu kontra l-​opponenti. Matul l-​ewwel gwerra dinjija, il-​mexxejja reliġjużi tal-​Kristjaneżmu għamlu pressjoni qawwija hekk kif ipprovaw​—u fallew—​jeqirdu lil dan il-​grupp żgħir taʼ Kristjani li jitkellmu l-​verità. Matul it-​tieni gwerra dinjija, il-​ministri tal-​Kristjaneżmu kienu uniti f’ħaġa waħda biss: Fuq iż-​żewġ naħat tal-​konflitt, huma ħeġġew lill-gvernijiet biex joħonqu lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Saħansitra llum, f’ħafna pajjiżi mexxejja reliġjużi qegħdin ixewxu lill-​gvernijiet biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu x-​xogħol taʼ ppridkar Kristjan tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

12, 13. Il-​korla taʼ Jehovah kif inhi espressa kontra l-​Kristjaneżmu?

12 Dan ma ġiex injorat minn Jehovah. Wara l-​ewwel gwerra dinjija, il-​Kristjaneżmu, flimkien mal-​bqija taʼ Babilonja l-​Kbira, esperjenzaw waqgħa. (Apokalissi 14:8) Ir-​realtà tal-​waqgħa tal-​Kristjaneżmu saret magħrufa pubblikament meta, b’seħħ mill-​1922, serje taʼ kastigi simboliċi ġew imferrgħin, billi kixfu pubblikament il-​kundizzjoni spiritwalment mejta tiegħu u wissew dwar il-​qerda tiegħu li ġejja. (Apokalissi 8:7–9:21) Bħala evidenza li t-​tferrigħ taʼ dawn il-​kastigi għadu sejjer, it-​taħdita “It-​Tmiem Tar-​Reliġjon Falza Huwa Qrib” ngħatat mad-​dinja kollha fit-​23 t’April, 1995, segwita mid-​distribuzzjoni taʼ mijiet taʼ miljuni taʼ kopji taʼ ħarġa speċjali taʼ Kingdom News.

13 Illum, il-​Kristjaneżmu huwa fi stat taʼ biki. Matul is-​seklu 20, il-​membri tiegħu qatlu lil xulxin fi gwerer feroċi mberkin mill-​qassisin u l-​ministri tiegħu. F’xi pajjiżi l-​influwenza tiegħu kważi ma teżistix. Huwa ddestinat għall-​qerda flimkien mal-​bqija taʼ Babilonja l-​Kbira.—Apokalissi 18:21.

Paċi Għan-​Nies Taʼ Jehovah

14. Liema stampa verbali u profetika hija mogħtija taʼ poplu fil-​paċi?

14 Mill-​banda l-​oħra, f’din is-​sena 1996, in-​nies taʼ Jehovah igawdu paċi abbundanti fil-​pajjiż irrestawrat tagħhom, bħalma huwa deskritt fit-​tielet pronunzja taʼ Jehovah: “Dan igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘Il-​pjazez taʼ Ġerusalemm għad jerġgħu joqogħdu fihom ix-​xjuħ, irġiel u nisa, kulħadd bil-​bastun f’idu minħabba t-​tul taʼ għomru. U l-​pjazez tal-​belt jimtlew bi tfal subjien u bniet, jilagħbu fil-​wesgħat tagħha.’”—Żakkarija 8:4, 5.

15. Minkejja l-​gwerer tal-​ġnus, liema paċi tgawdiet mill-​qaddejja taʼ Jehovah?

15 Din l-​istampa verbali pjaċevoli tirrappreżenta xi ħaġa taʼ l-​għaġeb f’did-dinja mtertqa bil-​gwerer​—poplu fil-​paċi. Mill-​1919 ’l hawn, il-​kliem profetiku taʼ Isaija ġie mwettaq: “‘Sliem, sliem, lil kulħadd, fil-​bogħod u fil-​qrib,​—igħid il-​Mulej—​infejjaqhom ilkoll. Imma . . . m’hemmx sliem għall-​ħżiena.’​—igħid Alla tiegħi.” (Isaija 57:19-21) M’għandniex xi ngħidu, in-​nies taʼ Jehovah, waqt li m’huma ebda parti mid-​dinja, ma jistgħux jevitaw li jiġu effettwati mit-​taqlib tal-​ġnus. (Ġwann 17:15, 16) F’xi pajjiżi, jissaportu diffikultajiet kbar, u ftit saħansitra ġew maqtulin. Madankollu, Kristjani veri għandhom il-​paċi f’żewġ modi prinċipali. L-​ewwel, għandhom “[i]s-sliem maʼ Alla permezz taʼ Sid[hom] Ġesù Kristu.” (Rumani 5:1) It-​tieni, għandhom paċi bejniethom. Jikkultivaw “il-​għerf li ġej mis-​sema,” li “qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-​sliem.” (Ġakbu 3:17; Galatin 5:22-24) Iktar minn hekk, iħarsu ’l quddiem lejn li jgawdu paċi fl-​iktar sens komplet meta “l-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:11.

16, 17. (a) “Xjuħ, irġiel u nisa” kif ukoll “tfal subjien u bniet” kif saħħew l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah? (b) Liema ħaġa turi l-​paċi tan-​nies taʼ Jehovah?

16 Għad hemm “xjuħ, irġiel u nisa” fost in-​nies taʼ Jehovah, uħud midlukin li jiftakru t-​trijonfi bikrin taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Il-​fedeltà u l-​issaportar tagħhom huma apprezzati ħafna. Uħud iżgħar midlukin ħadu l-​inizjattiva matul il-​jiem iħeġġu tat-​tletinijiet u tat-​Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll fis-​snin eċċitanti taʼ tkabbir li segwew. Jerġaʼ, speċjalment mill-​1935 ’l hawn, il-​“kotra kbira” taʼ “ngħaġ oħra” wriet lilha nfisha. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Hekk kif Kristjani midlukin xjaħu u naqsu fl-​għadd, in-​ngħaġ oħrajn daħlu għax-​xogħol taʼ ppridkar u estendewh maʼ l-​art kollha. Fi snin riċenti ngħaġ oħrajn daħlu bħal għarar fil-​pajjiż tal-​poplu t’Alla. Iva, is-​sena l-​oħra biss, 338,491 minnhom ġew mgħammdin bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah! Uħud ġodda bħal dawn huma tabilħaqq żgħażagħ ħafna, f’sens spiritwali. Il-​freskezza u l-​entużjażmu tagħhom huma prezzjużi hekk kif iżidu fl-​għadd taʼ dawk li jkantaw tifħir grat “lil Alla tagħna, li qiegħed fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.”—Apokalissi 7:10.

17 Illum, ‘il-​pjazez mimlijin bi tfal subjien u bniet,’ Xhieda b’enerġija taż-​żgħożija. Fis-​sena taʼ servizz 1995, rapporti waslu minn 232 pajjiż u gżira tal-​baħar. Imma m’hemm ebda rivalità internazzjonali, ebda mibgħeda intertribali, ebda għira mhix xierqa, bejn midlukin u ngħaġ oħrajn. Ilkoll jikbru flimkien spiritwalment, magħqudin fl-​imħabba. Il-​fratellanza madwar id-​dinja tax-​Xhieda taʼ Jehovah hija verament unika fuq ix-​xena dinjija.—Kolossin 3:14; 1 Pietru 2:17.

Diffiċli Wisq Għal Jehovah?

18, 19. Fis-​snin mill-​1919 ’l hawn, Jehovah kif wettaq dak li għandu mnejn deher diffiċli wisq minn ħarsa umana?

18 Lura fl-​1918 meta l-​fdal midlukin kienu jikkonsistu biss minn ftit eluf t’erwieħ skuraġġiti f’jasar spiritwali, ħadd ma setaʼ jara bil-​quddiem il-​korsa li l-​ġrajjiet kellhom jieħdu. Minkejja dan, Jehovah kien jaf​—bħalma jiġi kkonfermat mir-​rabaʼ pronunzja profetika tiegħu: “Hekk igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘Jekk illum din hija ħaġa tal-​għaġeb f’għajnejn il-​fdal taʼ dan il-​poplu, se tkun tal-​għaġeb f’għajnejja wkoll?’​—Oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti.”—Żakkarija 8:6.

19 Fl-​1919, l-​ispirtu taʼ Jehovah ta l-​ħajja mill-​ġdid lin-​nies tiegħu għax-​xogħol quddiemhom. Xorta waħda, kien jirrikjedi fidi li żżomm sod maʼ l-​organizzazzjoni żgħira t’adoraturi taʼ Jehovah. Tant kienu ftit, u ħafna affarijiet ma kinux ċari. Madankollu, ftit ftit Jehovah saħħaħhom organizzazzjonalment u għammarhom biex jagħmlu x-​xogħol Kristjan taʼ ppridkar taʼ l-​aħbar tajba u li jagħmlu dixxipli. (Isaija 60:17, 19; Mattew 24:14; 28:19, 20) Bil-​mod il-​mod, għenhom biex jagħrfu kwistjonijiet vitali bħalma huma n-​newtralità u s-​sovranità universali. Kien diffiċli wisq għal Jehovah li jwettaq ir-​rieda tiegħu permezz taʼ dak il-​grupp żgħir taʼ Xhieda? It-​tweġiba ċertament li hija le! Dan jidher minn paġni 22-25 taʼ din ir-​rivista, li ppubblikat it-​tabella t’attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah għas-​sena taʼ servizz 1995.

“Jien Inkun Alla Tagħhom”

20. Il-​ġbir tan-​nies t’Alla kemm kien ipprofetizzat li se jkun estensiv?

20 Il-​ħames pronunzja turi iktar il-​kundizzjoni hienja tax-​Xhieda taʼ Jehovah illum: “Hekk igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘Ara, jien neħles il-​poplu tiegħi minn art tlugħ ix-​xemx, u minn art inżul ix-​xemx. U narġaʼ nġibhom lura, u jgħammru f’nofs Ġerusalem; u jkunu l-​poplu tiegħi, u jien inkun Alla tagħhom, fis-​sewwa u fil-​ħaqq.’”—Żakkarija 8:7, 8, KŻ.

21. Il-​paċi abbundanti tan-​nies taʼ Jehovah b’liema mod ġiet miżmuma u estiża?

21 Fl-​1996 nistgħu ngħidu mingħajr tlaqliq li l-​aħbar tajba ġiet ippridkata madwar id-​dinja, minn “art tlugħ ix-​xemx” sa “art inżul ix-​xemx.” Intgħamlu dixxipli minn nies tal-​ġnus kollha, u raw it-​twettiq tal-​wegħda taʼ Jehovah: “[U]liedek kollha jkunu mgħallmin mill-​Mulej, u kbir ikun is-​sliem taʼ wliedek.” (Isaija 54:13, KŻ) Aħna għandna l-​paċi għaliex qegħdin niġu edukati minn Jehovah. Għal dan l-​għan, letteratura ġiet ippubblikata f’iktar minn 300 lingwa. Is-​sena l-​oħra biss, 21 lingwa oħra ġew miżjudin. Ir-​rivista Torri Taʼ L-​Għassa hija issa ppubblikata simultanjament f’111-il lingwa, u l-​Awake! f’54. Konvenzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jipprovdu turija tal-​paċi tan-​nies t’Alla. Laqgħat taʼ kull ġimgħa jgħaqqduna u jagħtuna l-​inkuraġġiment li neħtieġu biex nibqgħu sodi. (Lhud 10:23-25) Iva, Jehovah qiegħed jeduka lin-​nies tiegħu “fis-​sewwa u fil-​ħaqq.” Qiegħed jagħti lin-​nies tiegħu paċi. Kemm aħna mberkin li nieħdu sehem minn dik il-​paċi abbundanti! (w96 1/1)

Tistaʼ Tispjega Int?

◻ Fi żminijiet moderni, Jehovah kif kien ‘għajjur b’korla kbira’ għan-​nies tiegħu?

◻ In-​nies taʼ Jehovah kif igawdu l-​paċi, saħansitra f’pajjiżi mtertqin bil-​gwerer?

◻ B’liema mod huma ‘l-​pjazez mimlijin bi tfal subjien u bniet’?

◻ Liema provvedimenti ntgħamlu sabiex in-​nies taʼ Jehovah ikunu jistgħu jiġu mgħallmin minnu?

[Tabella f’paġna 22-25]

RAPPORT TAS-​SENA TAʼ SERVIZZ 1995 TAX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH MADWAR ID-​DINJA

(Ara r-​rivista)

[Stampa f’paġna 18, 19]

Fis-​sitt seklu Q.E.K., Lhud leali li bnew it-​tempju mill-​ġdid tgħallmu li Jehovah kien l-​uniku sors li tistaʼ tistrieħ fuqu għall-​paċi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja