Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija
HIJA s-sena 520 Q.E.K. Għaddew 16-il sena mindu l-Lhud li kienu eżiljati f’Babilonja u li kienu ġew lura poġġew il-pedament tat-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. Madankollu, it-tempju għadu ma tlestiex, u x-xogħol tal-bini huwa projbit. Ġeħova jaħtar lill-profeta Ħaggaj u xahrejn wara lill-profeta Żakkarija biex iħabbru l-kelma Tiegħu.
Ħaggaj u Żakkarija għandhom mira waħda: Li jimmotivaw lill-poplu biex jerġaʼ jibda x-xogħol tal-bini mill-ġdid tat-tempju. L-isforzi taʼ dawn il-profeti jirnexxu, u t-tempju jitlesta ħames snin wara. Dak li ħabbru Ħaggaj u Żakkarija huwa mniżżel fil-kotba Bibliċi li jġorru isimhom. Il-kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija tlestew fis-sena 520 Q.E.K. u fis-sena 518 Q.E.K. rispettivament. Bħal dawn il-profeti, aħna wkoll għandna xogħol mogħti minn Alla, li għandu jitlesta qabel tmiem din is-sistema dinjija. Dan huwa x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Ejja naraw liema inkuraġġiment nistgħu nieħdu mill-kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija.
“ĦALLU LIL QALBKOM TIKKUNSIDRA TRIQATKOM”
F’112-il ġurnata, Ħaggaj iwassal erbaʼ messaġġi biex jimmotiva lill-poplu. L-ewwel messaġġ hu: “‘[“Ħallu lil qalbkom tikkunsidra triqatkom,” NW]. Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam u ibnu d-dar, u jien nitgħaxxaq biha u nissebbaħ fiha,’ jgħid il-Mulej.” (Ħaggaj 1:7, 8) Il-poplu jwieġeb b’mod favorevoli. It-tieni messaġġ fih wegħda minn Ġeħova: “Nimla dan it-tempju bil-glorja.”—Ħaggaj 2:7.
Skond it-tielet messaġġ, il-fatt li ttraskuraw il-bini mill-ġdid tat-tempju għamel lill-‘poplu u x-xogħol kollu taʼ idejh’ mniġġsin f’għajnejn Ġeħova. Madankollu, minn dakinhar li jerġaʼ jibda x-xogħol tat-tiswija, Ġeħova ‘jibda jberikhom.’ Bħalma jgħid ir-rabaʼ messaġġ, Ġeħova se ‘jeqred il-qawwa tas-slaten tal-ġnus’ u jpoġġi lill-Gvernatur Żerubbabel bħala “siġill.”—Ħaggaj 2:14, 19, 22, 23.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:6—Xi tfisser l-espressjoni “xrobtu, u m’hemmx li tiskru”? Din l-espressjoni sempliċement tindika li ma tantx kien se jkun hemm inbid. Minħabba n-nuqqas taʼ barka taʼ Ġeħova, il-provvista taʼ l-inbid kienet se tkun limitata—żgur li ma kinitx se tkun biżżejjed biex wieħed jisker.
2:6, 7, 21, 22—Min jew liema ħaġa qiegħda tikkaġuna t-theżżiż, u b’liema riżultat? Ġeħova qed ‘jheżżeż il-ġnus kollha’ permezz taʼ l-ippridkar globali tal-messaġġ tas-Saltna. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar iġiegħel ukoll li “l-ġid kollu tal-popli” jiġi fid-dar taʼ Ġeħova, u b’hekk timtela bil-glorja. Maż-żmien, “il-Mulej taʼ l-eżerċti” se jheżżeż “is-smewwiet [u l-art] u l-baħar u l-blat,” u dan se jġiegħel lis-sistema dinjija preżenti kollha kemm hi titheżżeż u ma tibqax teżisti iktar.—Ebrej 12:26, 27.
2:9—B’liema modi tistaʼ ‘l-glorja taʼ l-aħħar tat-tempju tkun akbar minn taʼ qabel’? Dan kellu jseħħ b’minn taʼ l-inqas tliet modi: in-numru taʼ snin li t-tempju kien se jdum jeżisti, min kellu jgħallem fih, u min kellu jinġemaʼ hemm biex iqim lil Ġeħova. Għalkemm it-tempju glorjuż taʼ Salamun kien dam jintuża 420 sena, mill-1027 Q.E.K sas-sena 607 Q.E.K., ‘l-aħħar tempju’ dam jintuża 580 sena, minn meta tlesta fis-sena 515 Q.E.K. sal-qerda tiegħu fis-sena 70 E.K. Iktar minn hekk, il-Messija—Ġesù Kristu—għallem fl-‘aħħar tempju,’ u marru iktar nies fih biex jaduraw lil Alla milli fit-tempju “taʼ qabel.”—Atti 2:1-11.
Lezzjonijiet Għalina:
1:2-4. Ir-reżistenza għax-xogħol taʼ l-ippridkar m’għandhiex iġġegħelna nbiddlu l-prijoritajiet tagħna milli ‘nfittxu l-ewwel is-saltna’ għal li nfittxu l-ewwel l-interessi tagħna.—Mattew 6:33.
1:5, 7, NW. Huwa tajjeb għalina li ‘nħallu lil qalbna tikkunsidra triqatna’ u nirriflettu fuq kif dak li nagħmlu f’ħajjitna jeffettwa r-relazzjoni tagħna m’Alla.
1:6, 9-11; 2:14-17. Il-Lhud fi żmien Ħaggaj kienu qed jaħdmu iebes għall-miri persunali tagħhom imma ma kinux qed igawdu l-frott taʼ xogħolhom. Huma kienu qed jittraskuraw it-tempju, u għalhekk ma kellhomx il-barka t’Alla. Aħna għandna nagħtu prijorità lill-miri spiritwali u nagħtu servizz b’ruħna kollha lil Alla, billi niftakru li kemm jekk għandna ftit u kemm jekk għandna ħafna materjalment, “il-barka tal-Mulej iġġib l-għana.”—Proverbji 10:22.
2:15, 18. Ġeħova ħeġġeġ lil-Lhud biex minn dakinhar ’il quddiem jiffokaw fuq li jerġgħu jibnu t-tempju u mhux fuq il-mod kif kienu ttraskuraw ix-xogħol fil-passat. Bl-istess mod, mil-lum ’il quddiem aħna għandna nistinkaw biex niffokaw fuq il-qima tagħna lejn Ġeħova.
‘MHUX BIL-QAWWA, IMMA BL-ISPIRTU TIEGĦI’
Żakkarija jibda l-attività profetika tiegħu billi jistieden lil-Lhud biex ‘jerġgħu jduru lejn il-Mulej.’ (Żakkarija 1:3) It-tmien viżjonijiet li jiġu wara jassiguraw l-appoġġ t’Alla fix-xogħol tal-bini mill-ġdid tat-tempju. (Ara l-kaxxa “It-Tmien Viżjonijiet Allegoriċi taʼ Żakkarija.”) Ix-xogħol tal-bini kien se jitlesta “la bil-ħila u lanqas bil-qawwa, imma bl-ispirtu [taʼ Ġeħova].” (Żakkarija 4:6) Ir-raġel imsejjaħ Rimja żgur li se “jibni s-santwarju tal-Mulej” u “jkun qassis fuq it-tron tiegħu.”—Żakkarija 6:12, 13; Karm Żammit.
Betel tibgħat xi delegati biex jistaqsu lill-qassisin dwar kif kellhom josservaw is-sawm li kien jikkommemora l-qerda taʼ Ġerusalemm. Ġeħova jgħid lil Żakkarija li n-niket matul l-erbaʼ sawmiet li kienu jsiru bħala tfakkira tal-ħsara li waqgħet fuq Ġerusalemm se jinbidel fi żmien taʼ “ferħ u hena u taʼ festi sbieħ.” (Żakkarija 7:2; 8:19) Iż-żewġ dikjarazzjonijiet li jiġu wara jinkludu ġudizzju kontra l-ġnus u l-profeti foloz, profeziji Messjaniċi, u messaġġ taʼ tiġdid tal-poplu t’Alla.—Żakkarija 9:1; 12:1.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:5 (2:1, NW)—Wieħed raġel għala kien qed ikejjel lil Ġerusalemm b’ħabel? Milli jidher, din l-azzjoni kienet tirreferi għall-bini taʼ ħajt taʼ kenn madwar il-belt. L-anġli informaw lir-raġel li Ġerusalemm kienet se tikber u li kien se jkollha l-protezzjoni taʼ Ġeħova.—Żakkarija 2:7-9 (Żakkarija2:3-5, NW).
6:11-13—Il-fatt li l-Qassis il-Kbir Ġożwè ġie inkurunat, kien ifisser li hu sar sultan-qassis? Le, Ġożwè ma kienx mil-linja rjali taʼ David. Madankollu, l-inkurunar tiegħu ffigura bil-quddiem lill-Messija. (Ebrej 6:20) Il-profezija dwar “Rimja” titwettaq permezz tas-Sultan-Qassis tas-sema Ġesù Kristu. (Ġeremija 23:5) Bħalma Ġożwè qeda lil-Lhud li ġew lura u serva bħala qassis il-kbir fit-tempju li reġaʼ nbena, hekk ukoll Ġesù huwa l-Qassis il-Kbir għall-qima vera fit-tempju spiritwali taʼ Ġeħova.
8:1-23—Meta jitwettqu l-għaxar dikjarazzjonijiet li jissemmew f’dawn il-versi? Qabel kull dikjarazzjoni nsibu l-espressjoni “dan jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti” u kull waħda minnhom hija wegħda taʼ paċi minn Alla għan-nies tiegħu. Xi wħud mid-dikjarazzjonijiet twettqu fis-sitt seklu Q.E.K., imma lkoll kemm huma jew twettqu mill-1919 E.K. ’l hawn jew inkella qegħdin jitwettqu issa.a
8:3—Ġerusalemm għala hija msejħa “l-belt tas-sewwa” (KŻ)? Qabel il-qerda fis-sena 607 Q.E.K., Ġerusalemm kienet “il-belt li taħqar,” abitata minn profeti u qassisin korrotti u poplu żleali. (Sofonija 3:1; Ġeremija 6:13; 7:29-34) Madankollu, issa li t-tempju kien reġaʼ nbena u l-poplu reġaʼ beda jqim lil Ġeħova, il-veritajiet tal-qima vera kienu se jiġu mitkellmin f’dan il-post, u Ġerusalemm kienet se tissejjaħ “il-belt tas-sewwa.”
11:7-14—X’kien ifisser li Żakkarija qasam il-bastun li kien semma “Ħlewwa” u ieħor li kien semma “Rabta”? Żakkarija huwa deskritt bħala wieħed li kien ‘jirgħa l-merħla lesta għall-qatla’—uħud bħal nagħaġ li huma sfruttati mill-mexxejja tagħhom. Fl-irwol tiegħu bħala ragħaj, Żakkarija kien jiffigura bil-quddiem lil Ġesù Kristu, li kien mibgħut għal dawk tal-poplu li kienu f’patt m’Alla imma huma kienu warrbuh. Il-fatt li qasam il-bastun imsejjaħ “Ħlewwa” kien jissimbolizza li Alla kien se jtemm il-patt tal-Liġi mal-Lhud u jieqaf jittrattahom bil-ħlewwa. Il-fatt li qasam il-bastun “Rabta” kien ifisser li hu kien se jkisser ir-rabta teokratika tal-fratellanza li kien hemm bejn Ġuda u Israel.
12:11—X’kien “il-biki taʼ Ħadad-rimmon fil-wita taʼ Megiddu”? Is-Sultan Ġosija taʼ Ġuda kien inqatel f’battalja mal-Fargħun Neko taʼ l-Eġittu fil-“wita taʼ Megiddu,” u matul is-snin il-mewt tiegħu ġiet mibkija b’‘lamentazzjonijiet.’ (2 Kronaki 35:25) Għalhekk, “il-biki taʼ Ħadad-rimmon” għandu mnejn jirreferi għall-biki minħabba l-mewt taʼ Ġosija.
Lezzjonijiet Għalina:
1:2-6; 7:11-14. Ġeħova huwa ferħan b’dawk li bi ndiema jaċċettaw it-twiddib u jduru lejh billi jagħtuh qima b’ruħhom kollha u hu jerġaʼ jdur lejhom. Min-naħa l-oħra, hu ma jwiġibx għall-għajta t’għajnuna li ssir minn dawk li ‘ma jridux jagħtu widen, jagħtuh darhom, [u] jsoddu widnejhom li ma jmorrux jisimgħu’ l-messaġġ tiegħu.
4:6, 7. L-ebda ostaklu ma kien tant kbir li l-ispirtu taʼ Ġeħova ma setax jegħlbu ħalli x-xogħol tal-bini mill-ġdid tat-tempju jitlesta b’suċċess. Kwalunkwe problema li nistgħu niltaqgħu magħha fis-servizz tagħna lil Alla nistgħu negħlbuha billi neżerċitaw fidi f’Ġeħova.—Mattew 17:20.
4:10. Żerubbabel u l-poplu tiegħu lestew it-tempju skond il-livelli għoljin t’Alla, u Ġeħova kien qed jifli dak li kienu qed jagħmlu. M’huwiex diffiċli għall-bnedmin imperfetti li jgħixu fi qbil maʼ dak li jistenna Ġeħova.
7:8-10; 8:16, 17. Sabiex niksbu l-favur taʼ Ġeħova rridu neżerċitaw il-ġustizzja, nuru l-qalb tajba bl-imħabba, il-ħniena, u ngħidu l-verità lil xulxin.
8:9-13. Ġeħova jberikna meta ‘idejna jissaħħu’ biex nagħmlu x-xogħol li hu inkarigana nagħmlu. Dawn il-barkiet jinkludu paċi, sigurtà, u progress spiritwali.
12:6. Dawk fost il-poplu taʼ Ġeħova li għandhom pożizzjonijiet taʼ indokrar għandhom ikunu bħal “torċa mqabbda”—żelużi b’mod li jispikka.
13:3. Il-lealtà tagħna lejn l-Alla l-veru u l-organizzazzjoni tiegħu għandha tisboq il-lealtà lejn kwalunkwe bniedem, ikun kemm ikun qribna.
13:8, 9. Kienu ħafna l-apostati li lilhom Ġeħova ċaħad, tnejn minn kull tlieta fil-pajjiż. Terz biss ġew irfinuti permezz tan-nar. Fi żmienna, il-Kristjaneżmu, li l-maġġuranza minnu jgħid li huwa Kristjan, ġie miċħud minn Ġeħova. Numru żgħir biss, il-Kristjani midlukin, ‘sejjaħ isem’ Ġeħova u ssottometta ruħu għall-proċess taʼ l-irfinar. Il-Kristjani midlukin u sħabhom fit-twemmin jagħtu prova li huma iktar milli sempliċement Xhieda taʼ Ġeħova taʼ l-isem.
Imqanqlin biex Naġixxu biż-Żelu
Dak li Ħaggaj u Żakkarija pproklamaw, kif jeffettwa lilna llum? Meta nirriflettu fuq kif il-messaġġ qanqal lil-Lhud biex jagħtu attenzjoni lix-xogħol tal-bini mill-ġdid tat-tempju, ma niġux aħna mqanqlin biex ikollna sehem żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli?
Żakkarija bassar li l-Messija kien se jiġi “riekeb fuq ħmar,” li kien se jiġi tradut għal “tletin xekel tal-fidda,” li kien se jiġi milqut, u li ‘l-merħla kienet ħa tixtered.’ (Żakkarija 9:9; 11:12; 13:7) X’impatt jistaʼ jkollha fuq il-fidi tagħna l-meditazzjoni fuq profeziji Messjaniċi bħal dawn taʼ Żakkarija! (Mattew 21:1-9; 26:31, 56; 27:3-10) Il-fiduċja tagħna fil-Kelma taʼ Ġeħova u l-provvedimenti tiegħu għas-salvazzjoni tagħna tissaħħaħ.—Ebrej 4:12.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Jannar, 1996, paġni 19-32.
[Kaxxa f’paġna 11]
IT-TMIEN VIŻJONIJIET ALLEGORIĊI TAʼ ŻAKKARIJA
1:8-17: Tagħti garanzija li t-tempju kien se jitlesta u turi li Ġerusalemm u bliet oħrajn f’Ġuda kienu se jitbierku.
2:1-4 (1:18-21, NW): Twiegħed it-tmiem taʼ l-‘erbat iqrun li xerrdu lil Ġuda,’ jiġifieri, il-gvernijiet kollha li jopponu l-qima taʼ Ġeħova.
2:5-17 (2:1-13, NW): Turi li Ġerusalemm kienet se tikber u li Ġeħova kien se jsir “ħajt tan-nar madwarha”—protezzjoni.
3:1-10: Turi li Satana kien involut fl-oppożizzjoni li saret għax-xogħol tat-tempju u li l-Qassis il-Kbir Ġożwè huwa meħlus u l-iżball tiegħu mneħħi.
4:1-14: Tagħti l-assiguranza li l-ostakli li jidhru qishom muntanja se jiċkienu u li l-Gvernatur Żerubbabel kien se jtemm il-bini tat-tempju.
5:1-4: Tlissen saħta fuq dawk li jagħmlu l-ħażin u li ma ġewx kastigati.
5:5-11: Tħabbar it-tmiem tal-ħażen.
6:1-8: Twiegħed ħarsien u protezzjoni anġeliċi.
[Stampa f’paġna 8]
X’kienet il-mira tal-messaġġi taʼ Ħaggaj u Żakkarija?
[Stampa f’paġna 10]
Dawk li għandhom pożizzjoni taʼ indokrar kif inhuma bħal “torċa mqabbda”?