LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 4/15 pp. 20-24
  • “Jiena Magħkom”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Jiena Magħkom”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għandna Nagħtu Kashom
  • Niksbu Ħarsa Xierqa
  • Ġeħova Jgħin Permezz taʼ l-​Ispirtu Tiegħu
  • Ħa Jissaħħu Idejkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ħalli Kulħadd Jigglorifika lil Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • “Se Rriegħed il-Ġnus Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 4/15 pp. 20-24

“Jiena Magħkom”

“Il-​messaġġier tal-​Mulej . . . qalilhom: ‘Jiena magħkom, oraklu tal-​Mulej.’”—ĦAGGAJ 1:13.

1. Ġesù kien qed jirreferi għal liema xebh profetiku li kellu japplika għal żmienna?

QED ngħixu fi żmien importanti ferm flistorja. Kif juri t-​twettiq tal-​profezija Biblika, mill-​1914 ’l hawn konna u għadna f’“jum il-​Mulej.” (Rivelazzjoni 1:10) Int għandek mnejn studjajt dwar dan is-​suġġett, u għalhekk taf li Ġesù qabbel “żmien Bin il-​bniedem” bil-​qawwa tas-​Saltna maʼ “żmien Noè” u “żmien Lot.” (Luqa 17:26, 28) B’dan il-​mod, ilBibbja turi li dan hu xebh profetiku. Madankollu, hemm xebh ieħor li jistħoqqlu nikkunsidrawh bis-​serjetà.

2. Ġeħova liema inkarigu ta lil Ħaggaj u lil Żakkarija?

2 Ejja nikkunsidraw sitwazzjoni li kienet teżisti fi żmien il-​profeti Ebrej Ħaggaj u Żakkarija. Dawn iż-​żewġ profeti leali pprovdew liema messaġġ li japplika b’mod ċar għan-​nies taʼ Ġeħova fi żmienna? Ħaggaj u Żakkarija kienu ‘messaġġiera tal-​Mulej’ għal-​Lhud wara li ġew lura mill-​jasar tagħhom f’Babilonja. Huma kienu inkarigati biex jassiguraw lill-​Iżraelin mill-​appoġġ t’Alla fil-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. (Ħaggaj 1:13; Żakkarija 4:​8, 9) Għalkemm il-​kotba li Ħaggaj u Żakkarija kitbu kienu qosra, huma parti mill-​“Iskrittura kollha [li] hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-​sewwa.”—2 Timotju 3:16.

Għandna Nagħtu Kashom

3, 4. Il-​messaġġi taʼ Ħaggaj u Żakkarija għala għandhom jinteressawna?

3 Ċertament, il-​messaġġi taʼ Ħaggaj u Żakkarija kienu taʼ ġid għal-​Lhud taʼ żmienhom, u l-​profeziji tagħhom twettqu lura f’dak iż-​żmien. Iżda, għala nistgħu nkunu ċerti li llum dawn iż-​żewġ kotba għandna nagħtu kashom? L-​indikazzjoni nsibuha f’Ebrej 12:​26-29. Hemmhekk l-​appostlu Pawlu jikkwota mill-​kliem taʼ Ħaggaj 2:​6, li jitkellem dwar li Alla ‘jheżheż is-​smewwiet [u l-​art].’ It-​theżżiż fl-​aħħarnett kellu ‘jaqleb it-​tron tas-​saltniet u jeqred il-​qawwa tas-​slaten tal-​ġnus.’—Ħaggaj 2:22.

4 Meta jikkwota lil Ħaggaj, Pawlu jgħid x’se jiġrilhom is-​“slaten tal-​ġnus” u jitkellem dwar is-​superjorità tas-​Saltna li ma titħarrikx li se jirċievu l-​Kristjani midlukin. (Ebrej 12:28) Għalhekk, minn dan tistaʼ tara li l-​profeziji taʼ Ħaggaj u taʼ Żakkarija jippontaw lejn żmien li kien għadu ġej meta nkiteb il-​ktieb taʼ l-​Ebrej fl-​ewwel seklu taʼ l-​Era Komuni tagħna. Illum għad hawn fdal tal-​Kristjani midlukin fuq l-​art, li huma werrieta tas-​Saltna Messjanika maʼ Ġesù. Għalhekk, Ħaggaj u Żakkarija żgur li għandhom sinifikat għaż-​żmien tagħna.

5, 6. Liema ġrajjiet wasslu għall-​profeziji taʼ Ħaggaj u Żakkarija?

5 Il-​ktieb t’Esdra jipprovdi sfond storiku. Wara li l-​Lhud irritornaw mill-​jasar f’Babilonja fis-​sena 537 Q.E.K., il-​Gvernatur Żerubbabel u l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè ħadu ħsieb it-​tqegħid tal-​pedament tat-​tempju l-​ġdid fis-​sena 536 Q.E.K. (Esdra 3:​8-13; 5:1) Għalkemm din l-​okkażjoni tathom għalxiex jifirħu bil-​kbir, il-​biżaʼ ma damx ma beda jaħkem lil-​Lhud. L-​għedewwa, “in-​nies taʼ l-​art,” jgħid Esdra 4:​4, “bdew jaqtgħu qalb in-​nies taʼ Ġuda u jissikkawhom biex ma jkomplux jibnu t-​tempju.” Opponenti bħal dawn, speċjalment is-​Samaritani, ġabu akkużi foloz kontra l-​Lhud. Dawn l-​opponenti rnexxielhom jikkonvinċu lis-​sultan tal-​Persja jipprojbixxi x-​xogħol tal-​bini tat-​tempju.—Esdra 4:​10-21.

6 L-​entużjażmu li kellhom fil-​bidu għax-​xogħol tat-​tempju naqas. Il-​Lhud bdew jiġru wara x-​xewqat persunali tagħhom. Madankollu, fis-​sena 520 Q.E.K., 16-il sena wara li tqiegħed il-​pedament tat-​tempju, Ġeħova inkariga lil Ħaggaj u lil Żakkarija biex jinkuraġġixxu lin-​nies ħalli jerġgħu jibdew ix-​xogħol fuq it-​tempju. (Ħaggaj 1:1; Żakkarija 1:1) Imqanqlin mill-​messaġġiera t’Alla u bl-​evidenza ċara taʼ l-​appoġġ taʼ Ġeħova, il-​Lhud reġgħu bdew ix-​xogħol fuq it-​tempju u lestewh fis-​sena 515 Q.E.K.—Esdra 6:​14, 15.

7. Is-​sitwazzjoni taʼ żmien il-​profeti b’liema mod tixbah iż-​żminijiet moderni?

7 Taf x’inhu s-​sinifikat profetiku taʼ dan kollu għalina? Għandna xogħol li hu konness maʼ l-​ippridkar taʼ “l-​aħbar tajba tas-​saltna.” (Mattew 24:14) Wara l-​ewwel gwerra dinjija saret enfasi speċjali fuq dan ix-​xogħol. Bħalma l-​Lhud tal-​qedem inħelsu mill-​jasar taħt Babilonja letterali, hekk ukoll il-​poplu taʼ Ġeħova taʼ llum inħeles mill-​jasar taħt Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Il-​midlukin t’Alla ħadmu iebes billi ppridkaw, għallmu, u dderiġew lin-​nies lejn il-​qima vera. Dan ix-​xogħol illum għadu jsir saħansitra fuq skala akbar, u int għandek mnejn qed tieħu sehem fih. Issa huwa ż-​żmien li dan ix-​xogħol isir għax it-​tmiem taʼ din is-​sistema ħażina qiegħed quddiemna! Dan ix-​xogħol li Alla inkarigana biex nagħmlu jrid jitkompla sakemm Ġeħova jintervieni fil-​kwistjonijiet taʼ l-​umanità fit-​‘tribulazzjoni l-​kbira.’ (Mattew 24:21) Din se tneħħi l-​ħażen u tħalli l-​qima vera tiffjorixxi bis-​sħiħ fuq l-​art.

8. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jappoġġa x-​xogħol tagħna?

8 Bħalma juru l-​profeziji taʼ Ħaggaj u Żakkarija, nistgħu nkunu ċerti mill-​appoġġ u l-​barka taʼ Ġeħova hekk kif nieħdu sehem b’qalbna kollha f’dan ix-​xogħol. Minkejja l-​isforzi taʼ xi wħud biex iwaqqfu l-​qaddejja t’Alla jew jipprojbixxu x-​xogħol li ġew inkarigati jagħmlu, l-​ebda gvern ma rnexxielu jwaqqaf ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar milli jimxi ’l quddiem. Ġib quddiem għajnejk kif Ġeħova bierek ix-​xogħol tas-​Saltna biż-​żjieda matul is-​snin taʼ wara l-​ewwel gwerra dinjija sa żmienna. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir.

9. Għal liema sitwazzjoni li ġrat fil-​passat irridu nagħtu kas, u għala?

9 Dak li nitgħallmu minn Ħaggaj u Żakkarija, kif jistaʼ jqanqalna saħansitra iktar ħalli nobdu l-​kmand divin biex nippridkaw u ngħallmu? Ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn il-​lezzjonijiet li nistgħu nisiltu minn dawn iż-​żewġ kotba tal-​Bibbja. Per eżempju, ikkunsidra ftit dettalji li għandhom x’jaqsmu max-​xogħol tal-​bini tat-​tempju li kellhom iwettqu l-​Lhud li ġew lura. Bħalma ssemma diġà, il-​Lhud li ġew lura lejn Ġerusalemm minn Babilonja ma komplewx bix-​xogħol tagħhom tat-​tempju. Wara li qiegħdu l-​pedament, huma naqqsu l-​pass. Liema opinjoni żbaljata żviluppat fosthom? U x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

Niksbu Ħarsa Xierqa

10. Il-​Lhud liema ħarsa żbaljata żviluppaw, u b’liema riżultat?

10 Il-​Lhud li ġew lura mill-​jasar kienu qed jgħidu: “Għad ma wasallux iż-​żmien.” (Ħaggaj 1:2) Meta bdew ix-​xogħol tal-​bini tat-​tempju, billi qiegħdu l-​pedament fis-​sena 536 Q.E.K., huma ma kinux qed jgħidu li “għad ma wasallux iż-​żmien.” Imma malajr ħallew loppożizzjoni tal-​ġirien u l-​indħil mill-​gvern jeffettwawhom. Il-​Lhud bdew ipoġġu iktar enfasi fuq id-​djar u fuq il-​kumditajiet tagħhom stess. Meta qies il-​kuntrast bejn id-​djar privati msaqqfa tagħhom b’injam taʼ kwalità tajba u t-​tempju li kien għadu ma tlestiex, Ġeħova staqsa: “Jaqaw għalikom huwa issa l-​waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-​dar għadha ħerba?”—Ħaggaj 1:4.

11. Ġeħova għala kellu jagħti parir lil-​Lhud taʼ żmien Ħaggaj?

11 Iva, il-​prijoritajiet tal-​Lhud kienu tbiddlu. Minflok ma żammew fl-​ewwel post l-​iskop taʼ Ġeħova li jinbena t-​tempju, in-​nies t’Alla bdew jiffokaw fuqhom infushom u fuq djarhom. Ix-​xogħol fuq id-​dar taʼ qima t’Alla ġie traskurat. Il-​kelma taʼ Ġeħova li hemm f’Ħaggaj 1:5 inkuraġġiet lil-​Lhud biex ‘iġibu quddiem għajnejhom minn xiex għaddew.’ Ġeħova kien qed jgħidilhom biex jieqfu u jimmeditaw fuq dak li kienu qed jagħmlu u biex iqisu kif kienu qed jiġu effettwati minħabba li ma żammewx ix-​xogħol tal-​bini tat-​tempju fl-​ewwel post f’ħajjithom.

12, 13. Ħaggaj 1:6 kif jiddeskrivi s-​sitwazzjoni tal-​Lhud, u dan il-​vers xi jfisser?

12 Kif tistaʼ timmaġina, il-​prijoritajiet żbaljati tal-​Lhud effettwawhom personalment. Innota l-​mod kif Alla qies l-​affarijiet kif inhu muri f’Ħaggaj 1:6: “Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu, u m’hemmx li tixbgħu; xrobtu, u m’hemmx li tiskru; lbistu, u m’hemmx li tisħnu; u l-​ħaddiem mikri jqiegħed ħlasu f’but imtaqqab.”

13 Il-​Lhud kienu fl-​art li kien tahom Alla, madankollu l-​art ma kinitx qed tipprovdilhom kemm xtaqu. Ġeħova kien qed iżomm lura l-​barka tiegħu bħalma kien wissiehom qabel. (Dewteronomju 28:​38-48) Mingħajr l-​appoġġ tiegħu, il-​Lhud żergħu ż-​żerriegħa imma l-​ħsad kien fqir, ma kellhomx biżżejjed ikel biex ixabbagħhom. Mingħajr il-​barka tiegħu, ma kellhomx ilbies li jsaħħan x’jilbsu. Saħansitra kien jidher bħallikieku l-​flus li kienu jaqilgħu kienu jitpoġġew f’but mimli toqob, mingħajr l-​ebda benefiċċju għal min jaħdem biex jaqlaʼ l-​paga. Xi tfisser l-​espressjoni: “Xrobtu, u m’hemmx li tiskru”? Żgur li ma tfissirx li s-​sokor kien evidenza tal-​barka t’Alla; hu jikkundanna s-​sokor. (1 Samwel 25:36; Proverbji 23:​29-35) Minflok, din l-​espressjoni hija referenza oħra għan-​nuqqas tal-​barka t’Alla fuq il-​Lhud. Kwalunkwe nbid li setgħu jagħmlu kien ikun limitat, mhux biżżejjed biex jiskru. Il-​Bibbja taʼ Karm Żammit tittraduċi Ħaggaj 1:6 b’dan il-​mod: “Tixorbu, iżda mhemmx biżżejjed biex taqtgħu l-​għatx.”

14, 15. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Ħaggaj 1:6?

14 Il-​lezzjoni li għandna nitgħallmu minn dan kollu m’hijiex dwar kif niddisinjaw jew inżejnu d-​dar. Ħafna qabel l-​eżilju, il-​profeta Għamos kien ċanfar lil dawk li kienu għonja f’Iżrael dwar il-​“palazzi taʼ l-​avorju” u dwar is-​“sodod taʼ l-​avorju” tagħhom. (Għamos 3:15; 6:4) Id-​djar elaborati tagħhom u l-​għamara mżejna tagħhom ma damux. Dawn l-​affarijiet ġew misruqa mill-​għedewwa tagħhom li kienu rebħulhom. Madankollu, wara bosta snin, eżilju taʼ 70 sena, ħafna wħud mill-​poplu t’Alla kienu għadhom ma tgħallmux minn dan. Aħna se nitgħallmu? Ikun xieraq li kull wieħed minna jistaqsi: ‘Onestament, kemm qed inpoġġi enfasi fuq id-​dar tiegħi u t-​tiżjin tagħha? U xi ngħidu dwar l-​edukazzjoni żejda biex ikolli karriera aħjar, minkejja li se tieħu ħafna mill-​ħin tiegħi għal numru taʼ snin, u ttellifni mill-​aspetti importanti tal-​ħajja spiritwali tiegħi?’—Luqa 12:​20, 21; 1 Timotju 6:​17-19.

15 Dak li naqraw f’Ħaggaj 1:6 għandu jġagħalna naħsbu dwar il-​bżonn li jkollna l-​barka t’Alla f’ħajjitna. Dawk il-​Lhud tal-​qedem ma kellhomx il-​barka t’Alla, u dan ġabilhom konsegwenzi koroh. Kemm jekk għandna abbundanza kbira t’affarijiet materjali u kemm jekk le, jekk nonqsu milli nirċievu l-​barka taʼ Ġeħova l-​ispiritwalità tagħna żgur li se tiġi effettwata ħażin. (Mattew 25:​34-40; 2 Korintin 9:​8-12) Madankollu, kif nistgħu nirċivuha din il-​barka?

Ġeħova Jgħin Permezz taʼ l-​Ispirtu Tiegħu

16-18. Żakkarija 4:6 xi jfisser meta tieħdu fil-​kuntest tiegħu taʼ l-​imgħoddi?

16 Il-​profeta Żakkarija, sieħeb Ħaggaj, kien imqanqal jenfasizza l-​mezz li bih Ġeħova kien jimmotiva u jbierek lil dawk li kienu devoti fi żmienu. U dan juri kif se jbierek lilek ukoll. Naqraw: “La bil-​ħila u lanqas bil-​qawwa, imma bl-​ispirtu tiegħi, qal il-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” (Żakkarija 4:6) Għandek mnejn li dan il-​vers spiss smajtu jiġi kwotat, imma x’kien ifisser għal-​Lhud fi żmien Ħaggaj u Żakkarija, u għalhekk x’importanza għandu għalik?

17 Ftakar li l-​kliem imnebbaħ taʼ Ħaggaj u Żakkarija kellu effett meraviljuż dak iż-​żmien. Dak li qalu dawn iż-​żewġ profeti saħħaħ lil-​Lhud li kienu leali. Ħaggaj beda jipprofetizza fis-​sitt xahar tas-​sena 520 Q.E.K. Żakkarija beda jipprofetizza fit-​tmien xahar taʼ dik is-​sena. (Żakkarija 1:1) Bħalma tistaʼ tara minn Ħaggaj 2:​18, ix-​xogħol fuq il-​pedament reġaʼ beda b’ħeġġa kbira fid-​disaʼ xahar. Għalhekk, il-​Lhud ġew imqanqlin biex jaġixxu, u huma obdew lil Ġeħova b’fiduċja sħiħa fl-​appoġġ tiegħu. Il-​kliem li hemm f’Żakkarija 4:6 għandu x’jaqsam maʼ l-​appoġġ t’Alla.

18 Meta l-​Lhud ġew lura lejn art twelidhom fis-​sena 537 Q.E.K., huma ma kellhomx forza militari. Madankollu, Ġeħova pproteġiehom u ggwidahom fil-​vjaġġ tagħhom minn Babilonja. U l-​ispirtu tiegħu kien qed jidderieġi l-​affarijiet meta huma bdew ix-​xogħol fuq it-​tempju ftit wara. Ladarba reġgħu bdew jaħdmu b’qalbhom kollha, hu kien se jappoġġahom permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu.

19. L-​ispirtu t’Alla għeleb liema influwenza b’saħħitha?

19 Permezz taʼ serje taʼ tmien viżjonijiet, Żakkarija ġie żgurat li Ġeħova kien se jkun man-​nies tiegħu li kellhom itemmu fedelment ix-​xogħol tat-​tempju. Ir-​rabaʼ viżjoni, li nsibuha f’kapitlu 3, turi li Satana kien attiv f’li jirreżisti l-​isforzi tal-​Lhud biex ilestu l-​bini tat-​tempju. (Żakkarija 3:1) Satana żgur li ma kienx se jieħu pjaċir jara lill-​Qassis il-​Kbir Ġożwè jwettaq xi servizzi għan-​nom tal-​poplu f’tempju ġdid. Għalkemm ix-​Xitan kien attiv biex jipprova jfixkel lil-​Lhud milli jibnu t-​tempju, l-​ispirtu taʼ Ġeħova kellu jkollu rwol importanti f’li jneħħi l-​ostakli u jagħti l-​enerġija lil-​Lhud biex jimxu ’l quddiem sakemm jitlesta t-​tempju.

20. L-​ispirtu qaddis kif għen lil-​Lhud iwettqu r-​rieda t’Alla?

20 Donnu kien jidher li kien hemm ostaklu t’oppożizzjoni li ma setax jingħeleb u li kien ġej mingħand xi uffiċjali li kien irnexxielhom jipprojbixxu x-​xogħol. Madankollu, Ġeħova wiegħed li din li kienet tidher qisha “muntanja” kienet se titneħħa u ssir “wita.” (Żakkarija 4:7) U hekk ġara! Is-​Sultan Darju I għamel investigazzjoni u skopra d-​digriet taʼ Ċiru li kien jawtorizza lil-​Lhud biex jerġgħu jibnu t-​tempju. Għalhekk, Darju neħħa l-​projbizzjoni u awtorizza li l-​Lhud jingħatawlhom xi flus mit-​teżor irjali biex jgħinuhom iħallsu l-​ispejjeż tax-​xogħol. Kemm tbiddlu b’mod meraviljuż iċ-​ċirkustanzi! Kellu xi rwol l-​ispirtu qaddis t’Alla f’dan? Nistgħu nibqgħu ċerti li kellu. It-​tempju tlesta fis-​sena 515 Q.E.K., fis-​sitt sena tar-​renju taʼ Darju I.—Esdra 6:​1, 15.

21. (a) Alla kif ‘qanqal il-​ġnus’ fl-​imgħoddi u “l-​ġid kollu” kif inġabar? (b) Dan kif twettaq illum?

21 F’Ħaggaj 2:​4, 5 (2:​5, NW), il-​profeta fakkar lil-​Lhud dwar il-​patt li Alla kien stabbilixxa magħhom fuq il-​Muntanja Sinaj meta “l-​muntanja kienet titheżheż kollha.” (Eżodu 19:18) Fi żmien Ħaggaj u Żakkarija, Ġeħova kien se jikkaġuna theżżiża oħra, kif inhu deskritt fil-​lingwaġġ figurattiv taʼ versi 6 u 7. Is-​sitwazzjoni fl-​Imperu Persjan kellha tmur għall-​agħar, imma x-​xogħol fit-​tempju kellu jimxi ’l quddiem sakemm jitlesta. Dawk li ma kinux Lhud, “il-​ġid kollu tal-​popli,” kellhom jispiċċaw jigglorifikaw lil Alla flimkien mal-​Lhud f’dan il-​post taʼ qima. B’mod sinifikanti llum, Alla ‘qanqal il-​ġnus’ permezz taʼ l-​ippridkar Kristjan tagħna, u “l-​ġid kollu tal-​popli” ġie biex iqim lil Alla flimkien mal-​fdal midluk. Verament, il-​midlukin u n-​nagħaġ oħrajn flimkien issa qed jimlew id-​dar taʼ Ġeħova bil-​glorja. Aduraturi veri bħal dawn jistennew bil-​fidi ż-​żmien meta Ġeħova se ‘jheżheż is-​smewwiet u l-​art’ f’sens ieħor. Dan se jagħmlu biex jaqleb u jeqred il-​qawwa tas-​saltniet tal-​ġnus.—Ħaggaj 2:22.

22. Il-​ġnus kif qed jiġu ‘mqanqlin,’ b’liema riżultat, u x’għad irid jiġri?

22 Aħna niġu mfakkrin dwar it-​taqliba li seħħet f’aspetti differenti ffigurati mis-​“smewwiet [u l-​art] u l-​baħar u l-​blat.” Per eżempju, Satana x-​Xitan u d-​demonji tiegħu twaddbu ’l isfel qrib l-​art. (Rivelazzjoni 12:​7-12) Barra minn hekk, l-​ippridkar immexxi mill-​midlukin t’Alla ċertament li heżżeż lill-​elementi taʼ l-​art taʼ din is-​sistema dinjija. (Rivelazzjoni 11:18) Minkejja dan, “folla kbira” taʼ l-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha ssieħbet maʼ Iżrael spiritwali biex taqdi lil Ġeħova. (Rivelazzjoni 7:​9, 10) Il-​membri tal-​folla l-​kbira jaħdmu id f’id mal-​Kristjani midlukin fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba li dalwaqt Alla se jqanqal il-​ġnus f’Armageddon. Din il-​ġrajja se tħalli l-​qima vera tinġieb għall-​perfezzjoni madwar id-​dinja kollha.

Tiftakar Int?

• Meta u f’liema ċirkustanzi qdew Ħaggaj u Żakkarija?

• Kif tistaʼ tapplika l-​messaġġ li Ħaggaj u Żakkarija taw?

• Għala taħseb li Żakkarija 4:6 huwa inkuraġġanti?

[Stampi f’paġna 20]

Il-​kitbiet taʼ Ħaggaj u Żakkarija jassigurawna mill-​appoġġ t’Alla

[Stampa f’paġna 23]

“Jaqaw għalikom huwa issa l-​waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-​dar għadha ħerba?”

[Stampa f’paġna 24]

Il-​poplu taʼ Ġeħova jieħu sehem f’li jilħaq “il-​ġid kollu tal-​popli”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja