LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 4/15 pp. 25-29
  • Ħa Jissaħħu Idejkom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħa Jissaħħu Idejkom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Prijoritajiet
  • Appoġġ Garantit
  • Barkiet Permanenti
  • “Jiena Magħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Erbaʼ karrijiet u kuruna jipproteġuk
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Ħalli Kulħadd Jigglorifika lil Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 4/15 pp. 25-29

Ħa Jissaħħu Idejkom

“Ħa jissaħħu jdejkom, intom li f’dawn il-​jiem smajtu dawn il-​kelmiet li qalu l-​profeti.”—ŻAKKARIJA 8:9.

1, 2. Il-​kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija għala jistħoqqilhom l-​attenzjoni tagħna?

IL-​PROFEZIJI taʼ Ħaggaj u Żakkarija nkitbu madwar 2,500 sena ilu, madankollu żgur li għandhom sinifikat għal ħajtek. Ir-​rakkonti Bibliċi li nsibu f’dawn iż-​żewġ kotba m’humiex sempliċi storja. Huma parti minn ‘kulma nkiteb minn qabel għall-​istruzzjoni tagħna.’ (Rumani 15:4) Ħafna minn dak li naqraw fihom iġagħalna naħsbu f’sitwazzjonijiet reali li seħħew mindu s-​Saltna ġiet stabbilita fis-​sema fl-​1914.

2 Meta rrefera għall-​ġrajjiet u ċ-​ċirkustanzi li ġarrab il-​poplu t’Alla ħafna żmien ilu, l-​appostlu Pawlu qal: “Issa dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.” (1 Korintin 10:11) Għalhekk, forsi tistaqsi, ‘Il-​kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija liema valur għandhom għal żmienna?’

3. Ħaggaj u Żakkarija fuq xiex jiffokaw?

3 Bħalma wera l-​artiklu taʼ qabel, il-​profeziji taʼ Ħaggaj u Żakkarija involvew iż-​żmien meta l-​Lhud marru lura lejn l-​art mogħtija lilhom minn Alla wara li nħelsu mill-​jasar f’Babilonja. Iż-​żewġ profeti ffokaw l-​attenzjoni tagħhom fuq il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. Il-​Lhud qiegħdu l-​pedament tat-​tempju fis-​sena 536 Q.E.K. Għalkemm xi Lhud li kienu xjuħ iffokaw fuq il-​passat, b’mod ġenerali kien hemm “għajat kbir taʼ ferħ.” Madankollu, fir-​realtà, ġrat xi ħaġa saħansitra iktar sinifikanti fi żmienna. Dan kif inhu minnu?—Esdra 3:​3-13.

4. X’ġara ftit wara l-​ewwel gwerra dinjija?

4 Ftit wara l-​ewwel gwerra dinjija, il-​midlukin taʼ Ġeħova nħelsu mill-​jasar taʼ Babilonja l-​Kbira. Din kienet turija kbira taʼ l-​appoġġ taʼ Ġeħova. Iktar kmieni, donnu kien jidher li l-​mexxejja reliġjużi u l-​imseħbin politiċi tagħhom kienu ġabu fi tmiem l-​ippridkar pubbliku u x-​xogħol tat-​tagħlim taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja. (Esdra 4:​8, 13, 21-24) Madankollu, Alla Ġeħova neħħa l-​ostakli li fixklu l-​ippridkar u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Matul is-​snin mill-​1919 ’l hawn, ix-​xogħol tas-​Saltna ffjorixxa u xejn ma setaʼ jwaqqaf il-​progress tiegħu.

5, 6. Żakkarija 4:7 lejn liema twettiq grandjuż jipponta?

5 Nistgħu nibqgħu ċerti li l-​ippridkar u ttagħlim li qed isir mill-​qaddejja ubbidjenti taʼ Ġeħova se jkomplu mexjin ’il quddiem bl-​appoġġ tiegħu. F’Żakkarija 4:7 naqraw: “Huwa joħroġ il-​ġebla taʼ fuqnett fost l-​għajat taʼ ‘Xi ġmiel! Xi ġmiel!’” Dan lejn liema twettiq grandjuż jipponta fi żmienna?

6 Żakkarija 4:7 pponta lejn iż-​żmien meta l-​qima vera tal-​Mulej Sovran se tinġieb fl-​istat perfezzjonat tagħha fil-​btieħi taʼ l-​art tat-​tempju spiritwali tiegħu. Dan it-​tempju huwa l-​arranġament taʼ Ġeħova biex wieħed jersaq lejh fil-​qima fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju propizjatorju taʼ Ġesù Kristu. Huwa minnu li t-​tempju spiritwali kbir ilu jeżisti mill-​ewwel seklu E.K. Madankollu, il-​qima vera fil-​btieħi tiegħu fuq l-​art għad trid tiġi perfezzjonata. Miljuni t’aduraturi issa qed jaqdu fil-​bitħa taʼ l-​art tat-​tempju spiritwali. Dawn u ġemgħat taʼ wħud irxoxtati se jinġiebu għall-​perfezzjoni matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu. Fl-​aħħar taʼ l-​elf sena, l-​aduraturi veri t’Alla biss se jitħallew fuq l-​art imnaddfa.

7. Ġesù liema rwol għandu biex iġib il-​qima vera għall-​istat perfezzjonat tagħha fi żmienna, u dan għala għandu jinkuraġġina?

7 Il-​Gvernatur Żerubbabel u l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè kienu preżenti biex jaraw b’għajnejhom it-​tlestija tat-​tempju fis-​sena 515 Q.E.K. Żakkarija 6:​12, 13 bassar l-​irwol simili li għandu Ġesù biex iġib il-​qima vera għall-​istat perfezzjonat tagħha: “Hekk jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘Ara l-​bniedem li ismu hu r-​Rimja; mill-​post fejn qiegħed hu għad jinbet u jibni s-​santwarju tal-​Mulej. Ikun hu li jibni s-​santwarju tal-​Mulej, u hu jieħu fuqu l-​glorja taʼ sultan, u joqgħod jaħkem fuq it-​tron tiegħu. U fuq il-​lemin tiegħu jkun hemm qassis.’” Meta tqis li Ġesù, li qiegħed fis-​sema u jġiegħel li tinbet il-​linja Davidika taʼ slaten, qed jappoġġa x-​xogħol tas-​Saltna fit-​tempju spiritwali, taħseb li jistaʼ jkun hemm xi ħadd li jistaʼ jfixkel il-​progress tiegħu? Żgur li le! M’għandux dan jinkuraġġina biex nimxu ’l quddiem fil-​ministeru tagħna, u biex ma niġux aljenati bl-​affarijiet taʼ kuljum?

Il-​Prijoritajiet

8. Ix-​xogħol fit-​tempju spiritwali għala għandu jitpoġġa fl-​ewwel post f’ħajjitna?

8 Sabiex ikollna l-​appoġġ u l-​barka taʼ Ġeħova, irridu nżommu x-​xogħol fit-​tempju spiritwali fl-​ewwel post f’ħajjitna. Kuntrarju għal-​Lhud li qalu, “Ma wasallux iż-​żmien,” aħna rridu niftakru li qed ngħixu fl-​“aħħar jiem.” (Ħaggaj 1:2; 2 Timotju 3:1) Ġesù bassar li s-​segwaċi leali tiegħu kellhom jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u jagħmlu dixxipli. Aħna rridu noqogħdu attenti li ma nittraskurawx il-​privileġġ taʼ servizz tagħna. Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u tat-​tagħlim li twaqqaf temporanjament mill-​oppożizzjoni dinjija reġaʼ beda fl-​1919, imma għadu ma tlestiex. Imma tistaʼ tibqaʼ ċert li se jitlesta żgur!

9, 10. Il-​barka taʼ Ġeħova minn xiex tiddependi, u dan xi jfisser għalina?

9 Skond kemm inkomplu naħdmu bil-​ħeġġa kollha, daqshekk se nitbierku—kemm bħala poplu u kemm individwalment. Innota l-​wegħda taʼ Ġeħova li biha nistgħu nħossuna rassigurati. Hekk kif il-​Lhud reġgħu bdew iqimu b’qalbhom kollha u reġgħu bdew bil-​ħeġġa kollha x-​xogħol tagħhom fuq il-​pedament tat-​tempju, Ġeħova qal: “Mil-​lum stess jiena nibda nbierek.” (Ħaggaj 2:19) Huma kienu se jgawdu l-​favur komplet tiegħu mill-​ġdid. Issa ikkunsidra l-​barkiet li nsibu fil-​wegħda t’Alla: “Jiena niżraʼ s-​sliem, id-​dielja tagħti l-​frott tagħha, u l-​art tagħti l-​għelejjel tagħha, u s-​smewwiet in-​nida tagħhom; u dan kollu nagħtih lill-​bqija taʼ dan il-​poplu biex ikun tagħhom.”—Żakkarija 8:​9-13.

10 Sewwasew bħalma Ġeħova bierek lil dawk il-​Lhud spiritwalment u materjalment, hekk ukoll se jbierek lilna hekk kif, b’qalb hienja, inħabirku fix-​xogħol li inkarigana bih. Dawn il-​barkiet jinkludu sliem bejnietna, sigurtà, riżq, u tkabbir spiritwali. Madankollu, tistaʼ tkun ċert li l-​barka kontinwa t’Alla tiddependi milli nagħmlu x-​xogħol fit-​tempju spiritwali bil-​mod kif Ġeħova jridu jsir.

11. Kif nistgħu nanalizzaw lilna nfusna?

11 Issa huwa ż-​żmien biex ‘inġibu quddiem għajnejna minn xiex għaddejna.’ (Ħaggaj 1:​5, 7) Aħna għandna nieqfu u nanalizzaw il-​prijoritajiet tagħna fil-​ħajja. Illum, il-​barka taʼ Ġeħova fuqna tiddependi minn kemm qed nigglorifikaw lil ismu u nimxu ’l quddiem fix-​xogħol tagħna fit-​tempju spiritwali tiegħu. Għandek mnejn tistaqsi: ‘Tbiddlu l-​prijoritajiet tiegħi? Għadu ż-​żelu tiegħi għal Ġeħova, għall-​verità tiegħu, u għax-​xogħol tiegħu l-​istess bħal meta tgħammidt? Qiegħed l-​interess f’li jkolli ħajja komda jeffettwa l-​attenzjoni li nagħti lil Ġeħova u lis-​Saltna tiegħu? Qiegħed il-​biżaʼ mill-​bniedem—it-​tħassib dwar x’jaħseb ħaddieħor—iżommni lura b’xi mod jew ieħor?’—Rivelazzjoni 2:​2-4.

12. Ħaggaj 1:​6, 9 jiġbed l-​attenzjoni lejn liema sitwazzjoni li kien hemm fost il-​Lhud?

12 Aħna ma rridux li Alla jżomm lura lbarka għanja tiegħu talli nittraskuraw ix-​xogħol taʼ li nigglorifikaw lil ismu. Ftakru li wara li bdew tajjeb, il-​Lhud li ġew lura mill-​jasar kienu ‘kull wieħed minnhom iħaffef lejn daru,’ bħalma jirrapporta Ħaggaj 1:9. Saru preokkupati bil-​bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum u bil-​mod taʼ ħajja tagħhom stess. Għalhekk, ‘ftit ħażnu’—ma kellhomx ikel u xorb tajjeb, u lbies li jsaħħan. (Ħaggaj 1:6) Ġeħova neħħa l-​barka tiegħu minn fuqhom. Hemm xi lezzjoni għalina f’dan kollu?

13, 14. Kif nistgħu napplikaw il-​lezzjoni li nisiltu minn Ħaggaj 1:​6, 9, u dan għala huwa importanti?

13 Ma taqbilx int li sabiex nibqgħu ngawdu l-​barka divina rridu noqogħdu lura milli nfittxu affarijiet għalina nfusna u milli nittraskuraw il-​qima tagħna lejn Ġeħova? Dan huwa minnu kemm jekk l-​attività jew l-​interess li jisirqilna l-​attenzjoni tagħna jkun il-​ġiri wara l-​għana, il-​proġetti li bihom insiru sinjuri malajr, pjanijiet ambizzjużi biex ikollna karriera taʼ min jixtieqha f’din is-​sistema, jew programmi biex nissodisfaw ix-​xewqat persunali tagħna.

14 Fihom infushom, dawn l-​affarijiet għandhom mnejn ma jkunux dnubiet. Madankollu, ma taħsibx li meta tqis il-​ħajja eterna, dawn l-​affarijiet fir-​realtà huma “għemejjel mejtin”? (Ebrej 9:14) F’liema sens? Huma mejtin, fiergħa, u bla frott spiritwalment. Għal min jippersisti fihom, dawn l-​għemejjel jistgħu jwasslu għal mewta spiritwali. Dan ġara lil xi wħud mill-​Kristjani midlukin fi żmien l-​appostli. (Filippin 3:​17-19) Dan ġara wkoll lil xi wħud fi żmienna. Għandek mnejn taf lil xi wħud li bil-​mod il-​mod ġew aljenati u ma baqgħux jieħdu sehem fl-​attivitajiet Kristjani u ma baqgħux jissieħbu mal-​kongregazzjoni; issa ma juru l-​ebda inklinazzjoni li se jirritornaw għas-​servizz taʼ Ġeħova. Żgur li nittamaw li wħud bħal dawn jerġgħu lura għand Ġeħova, imma l-​fatt hu li l-​ġiri wara l-​“għemejjel mejtin” jistaʼ jirriżulta fit-​telfa tal-​favur u l-​barka taʼ Ġeħova. Tistaʼ tara kemm dan jistaʼ jkun taʼ niket. Ikun ifisser li dak li jkun jitlef il-​ferħ u l-​paċi li jipproduċi l-​ispirtu t’Alla. U immaġina x’telfa tkun dik jekk ma nibqgħux nibbenefikaw mill-​fratellanza Kristjana kollha mħabba!—Galatin 1:6; 5:​7, 13, 22-24.

15. Ħaggaj 2:14 kif juri s-​serjetà tal-​qima tagħna?

15 Din hija kwistjoni serja ħafna. Innota minn Ħaggaj 2:14 kif Ġeħova kien iqis lil-​Lhud li ttraskuraw id-​dar tal-​qima tiegħu biex ikunu jistgħu jżejnu djarhom stess, letteralment jew figurattivament. “Hekk hu dan il-​poplu, u hekk hu dan il-​ġens quddiemi, oraklu tal-​Mulej, u hekk hi kull ħaġa li jagħmlu b’idejhom. U kull ma joffru hemm huwa mniġġes.” Is-​sagrifiċċji kollha li l-​Lhud offrew b’nofs qalb fuq l-​artal temporanju f’Ġerusalemm ma kinux aċċettati jekk kemm-il darba n-​nies kienu jittraskuraw il-​qima vera.—Esdra 3:3.

Appoġġ Garantit

16. Minħabba l-​viżjonijiet li rċieva Żakkarija, il-​Lhud minn xiex setgħu jkunu ċerti?

16 Il-​Lhud ubbidjenti li ħadmu biex jerġgħu jibnu t-​tempju t’Alla kienu assigurati li kellhom l-​appoġġ divin, bħalma Alla wriehom permezz taʼ tmien viżjonijiet li rċieva Żakkarija. L-​ewwel viżjoni ggarantiet it-​tlestija tat-​tempju u r-​riżq għal Ġerusalemm u Ġuda jekk kemm-il darba l-​Lhud ubbidjenti kienu jagħmlu x-​xogħol li kellhom jagħmlu. (Żakkarija 1:​8-17) It-​tieni viżjoni wiegħdet it-​tmiem tal-​gvernijiet kollha li opponew il-​qima vera. (Żakkarija 1:​18-21) Viżjonijiet oħrajn żguraw il-​protezzjoni divina fuq ix-​xogħol tal-​bini, id-​dħul taʼ nies minn ħafna ġnus fid-​dar lesta għall-​qima taʼ Ġeħova, il-​paċi u s-​sigurtà veri, it-​tneħħija t’ostakli għax-​xogħol divin li kienu jidhru li ma jistgħux jintgħelbu, it-​tneħħija tal-​ħażen, u l-​indokrar u l-​protezzjoni taʼ l-​anġli. (Żakkarija 2:​5, 11; 3:10; 4:7; 5:​6-11; 6:​1-8) Tistaʼ tifhem għala b’garanziji t’appoġġ divin bħal dawn, l-​uħud ubbidjenti aġġustaw l-​istil taʼ ħajjithom u ċċentraw l-​attenzjoni tagħhom fuq it-​twettiq tax-​xogħol li għalih Alla kien ħelishom.

17. Meta nqisu l-​garanzija li għandna, x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

17 B’mod simili, il-​garanzija li għandna tat-​trijonf li l-​qima vera żgur se jkollha għandha tqanqalna għall-​attività u timmotivana biex naħsbu bis-​serjetà dwar id-​dar tal-​qima taʼ Ġeħova. Staqsi lilek innifsek: ‘Jekk nemmen li issa hu ż-​żmien biex nagħmlu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna u li nagħmlu dixxipli, huma l-​miri tiegħi u l-​istil taʼ ħajti fi qbil mal-​konvinzjoni tiegħi? Inqattaʼ biżżejjed ħin nistudja l-​Kelma profetika t’Alla, niffoka l-​attenzjoni tiegħi fuqha, u nitkellem dwarha maʼ sħabi l-​Kristjani kif ukoll maʼ dawk li niltaqaʼ magħhom?’

18. Skond Żakkarija kapitlu 14 x’se jiġri fil-​futur?

18 Żakkarija rrefera għall-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira li se tkun segwita mill-​gwerra t’Armageddon. Naqraw: “Ikun jum waħdieni, magħruf mill-​Mulej; ma jkun hemm la binhar u lanqas billejl, għax fil-​għaxija jkun hemm id-​dawl.” Iva, il-​jum taʼ Ġeħova se jkun verament jum mudlam u kiesaħ għall-​għedewwa tiegħu fuq l-​art! Imma se jkun ifisser dawl u favur kontinwu għall-​aduraturi leali taʼ Ġeħova. Żakkarija ddeskriva wkoll kif kollox fid-​dinja l-​ġdida se jxandar il-​qdusija taʼ Ġeħova. Il-​qima vera fit-​tempju spiritwali kbir t’Alla se tkun l-​unika forma taʼ qima fuq l-​art. (Żakkarija 14:​7, 16-19) X’garanzija dik! Se nesperjenzaw it-​twettiq taʼ dak li tbassar u se naraw il-​vindikazzjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova. Kemm se jkun uniku l-​jum taʼ Ġeħova!

Barkiet Permanenti

19, 20. Għala tħoss li Żakkarija 14:​8, 9 hu inkuraġġanti?

19 Wara dan it-​twettiq stupend, Satana u d-​demonji tiegħu se jkunu magħluqin u inattivi ġo abbiss. (Rivelazzjoni 20:​1-3, 7) Imbagħad, il-​barkiet se jfuru matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. Żakkarija 14:​8, 9 jgħid: “Dakinhar minn Ġerusalemm joħroġ ilma ġieri, nofsu lejn il-​baħar tal-​lvant u n-​nofs l-​ieħor lejn il-​baħar tal-​punent, u jibqaʼ jiġri sajf u xitwa. Il-​Mulej ikun imbagħad sultan fuq l-​art kollha; dakinhar il-​Mulej ikun wieħed u ismu wieħed.”

20 “Ilma ġieri,” jew “xmara taʼ ilma tal-​ħajja,” li jiffigura l-​provvedimenti taʼ Ġeħova għall-​ħajja, se jnixxi kontinwament mill-​post tas-​Saltna Messjanika. (Rivelazzjoni 22:​1, 2) Folla kbira t’aduraturi taʼ Ġeħova, li jkunu baqgħu ħajjin wara Armageddon, se jibbenefikaw billi se jinħelsu mill-​kundanna tal-​mewt Adamika. Saħansitra dawk li huma diġà mejtin se jibbenefikaw permezz taʼ rxoxt. B’hekk, se tibda fażi ġdida tal-​ħakma taʼ Ġeħova għal fuq l-​art. Il-​bnedmin madwar id-​dinja kollha se jirrikonoxxu lil Ġeħova bħala s-​Sovran Universali, l-​uniku wieħed li għandu jiġi meqjum.

21. X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

21 Meta nqisu kulma bassru Ħaggaj u Żakkarija u kulma twettaq, ikollna raġuni solida biex nimxu ’l quddiem fix-​xogħol li Alla inkarigana nagħmlu fil-​btieħi tat-​tempju spiritwali tiegħu. Sakemm il-​qima vera tinġieb għall-​istat perfezzjonat tagħha, jalla lkoll kemm aħna nistinkaw biex inżommu l-​interessi tas-​Saltna fl-​ewwel post. Żakkarija 8:9 jħeġġiġna: “Ħa jissaħħu jdejkom, intom li f’dawn il-​jiem smajtu dawn il-​kelmiet li qalu l-​profeti.”

Tiftakar Int?

• Liema xebh storiku jagħmel il-​kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija importanti għal-​lum?

• Il-​kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija joffru liema lezzjonijiet dwar il-​prijoritajiet?

• Il-​fatt li nikkunsidraw il-​kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija għala jagħtina raġuni biex inħarsu lejn il-​futur b’fiduċja?

[Stampa f’paġna 26]

Ħaggaj u Żakkarija inkuraġġew lil-​Lhud biex jaħdmu b’qalbhom kollha, u b’hekk kienu se jaqilgħu l-​barka

[Stampi f’paġna 27]

Qiegħed int ‘tħaffef lejn darek’?

[Stampa f’paġna 28]

Ġeħova wiegħed il-​barka, u hu taha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja