“Ħobbu s-Sewwa u s-Sliem”!
“Ġietni l-kelma tal-Mulej taʼ l-eżerċti u qalli: ‘. . . Ħobbu s-sewwa u s-sliem!’”—ŻAKKARIJA 8:18, 19.
1, 2. (a) X’inhu r-rekord taʼ l-umanità fejn jikkonċerna l-paċi? (b) Did-dinja preżenti għala qatt m’hija se tara paċi reali?
“ID-DINJA għadha qatt ma kellha paċi. Xi mkien—u taʼ spiss f’ħafna postijiet f’daqqa—dejjem kien hemm il-gwerra.” Hekk qal il-Professur Milton Mayer taʼ l-Università taʼ Massachusetts, fl-Istati Uniti. X’kummentarju taʼ swied il-qalb dwar l-umanità! Veru, il-bnedmin riedu l-paċi. Il-politikanti pprovaw kull għamla taʼ modi biex iżommuha, mill-Pax Romana taʼ żmien ir-Rumani sal-politika taʼ “Mutually Assured Destruction” (Qerda Żgurata Taʼ Xulxin) matul il-Gwerra Bierda. Fl-aħħar mill-aħħar, iżda, l-isforzi kollha tagħhom fallew. Bħalma esprimiha Isaija ħafna sekli ilu, ‘il-messaġġieri tas-sliem bkew biki taʼ mrar.’ (Isaija 33:7) Dan għala?
2 Dan għaliex paċi dejjiema għandha tinbet minn nuqqas taʼ mibgħeda u regħba; trid tkun imqabbda fil-verità. Il-paċi ma tistax tkun ibbażata fuq gideb. Kien għalhekk li Jehovah meta wiegħed restawr u paċi għal Iżrael tal-qedem qal: “Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara, u bħal xmara tfur bil-ġid tal-ġnus.” (Isaija 66:12) L-alla taʼ dis-sistema t’affarijiet, Satana x-Xitan, huwa “qattiel,” u “giddieb u missier il-gideb.” (Ġwann 8:44; 2 Korintin 4:4) Dinja b’alla bħal dak kif qatt tistaʼ jkollha l-paċi?
3. Jehovah liema għotja taʼ l-għaġeb ta lin-nies tiegħu, minkejja li qegħdin jgħixu f’dinja taʼ inkwiet?
3 Taʼ min josserva, iżda, li Jehovah jagħti l-paċi lin-nies tiegħu saħansitra waqt li jgħixu fid-dinja taʼ Satana mkissra bil-gwerer. (Ġwann 17:16) Fis-sitt seklu Q.E.K., hu wettaq il-wegħda tiegħu permezz taʼ Ġeremija u ta “sliem u verità” lill-ġens speċjali tiegħu meta rrestawrahom f’art twelidhom. (Ġeremija 33:6) U f’dawn l-aħħar jiem, ta “paċi u verità” lin-nies tiegħu fil-“pajjiż,” jew qasam spiritwali tagħhom fuq l-art, avolja għaddew minn l-agħar żmien taʼ inkwiet li did-dinja qatt rat s’issa. (Isaija 66:8; Mattew 24:7-13; Apokalissi 6:1-8) Hekk kif inkomplu d-diskussjoni tagħna fuq Żakkarija kapitlu 8, se niksbu apprezzament iżjed profond taʼ dawn il-paċi u verità mogħtijin minn Alla u naraw x’għandna nagħmlu biex nippreservaw is-sehem tagħna fihom.
“Ħa Jissaħħu Idejkom”
4. Żakkarija kif inkuraġġixxa lil Iżrael biex jaġixxu jekk riedu jesperjenzaw il-paċi?
4 Għas-sitt darba f’Żakkarija kapitlu 8, nisimgħu pronunzja eċċitanti mingħand Jehovah: “Dan igħid il-Mulej taʼ l-eżerċti: ‘Ħa jissaħħu idejkom, intom li f’dawn il-jiem smajtu dawn il-kelmiet li qalu l-profeti li kien hemm fi żmien it-tqegħid tas-sisien tat-tempju tal-Mulej taʼ l-eżerċti għall-bini tas-santwarju. Għax qabel dak iż-żmien ma kienx hemm salarju għall-bniedem jew ħlas għall-bhima, u lanqas min kien ħiereġ u dieħel ma kellu rasu mistrieħa mill-għadu, wara li jiena xħett in-nies kollha wieħed kontra l-ieħor.’”—Żakkarija 8:9, 10.
5, 6. (a) Minħabba l-iskuraġġiment taʼ l-Iżraeliti, x’kienet is-sitwazzjoni f’Iżrael? (b) Jehovah liema bidla wiegħed lil Iżrael jekk dan ipoġġi l-qima tiegħu l-ewwel?
5 Żakkarija tkellem dan il-kliem waqt li t-tempju kien qiegħed jinbena mill-ġdid f’Ġerusalemm. Qabel, l-Iżraeliti li kienu rritornaw minn Babilonja ġew skuraġġiti u waqqfu x-xogħol taʼ bini tat-tempju. Talli dawru l-attenzjoni tagħhom lejn li jkunu komdi huma, ma kellhom ebda barka u ebda paċi mingħand Jehovah. Avolja kkultivaw ir-rabaʼ tagħhom u ħadu ħsieb tad-dwieli tagħhom, ma pprosperawx. (Ħaggaj 1:3-6) Kien bħal li kieku kienu qegħdin jaħdmu ‘bla salarju.’
6 Issa li t-tempju kien qiegħed jinbena mill-ġdid, Żakkarija inkuraġġixxa lil-Lhud biex ‘ikunu b’saħħithom,’ biex b’kuraġġ ipoġġu l-qima taʼ Jehovah l-ewwel. X’kellu jiġri kieku għamlu hekk? “‘Issa jiena m’għadnix bħalma kont fl-imgħoddi għall-bqija taʼ dan il-poplu—Oraklu tal-Mulej taʼ l-eżerċti—għax jiena niżraʼ s-sliem, id-dielja tagħti l-frott tagħha, u l-art tagħti l-egħlejjel tagħha, u s-smewwiet in-nida tagħhom; u dan kollu nagħtih lill-bqija taʼ dan il-poplu biex ikun tagħhom. U jiġri li bħalma intom, ja dar taʼ Ġuda u dar taʼ Israel, kontu saħta fost il-ġnus, hekk jiena nsalvakom, u tkunu barka. Tibżgħu xejn: ħa jissaħħu idejkom!’” (Żakkarija 8:11-13) Kieku Iżrael kellu jaġixxi b’determinazzjoni, kien jipprosperixxi. Iktar kmieni, meta l-ġnus xtaqu jiċċitaw eżempju taʼ maledizzjoni, setgħu jippontaw lejn Iżrael. Issa Iżrael kellu jkun eżempju taʼ barka. X’raġuni eċċellenti biex ‘iħallu jdejhom jissaħħu’!
7. (a) In-nies taʼ Jehovah liema bidliet eċċitanti esperjenzaw, li laħqu l-aqwa tagħhom fis-sena taʼ servizz 1995? (b) Billi tħares lejn ir-rapport annwali, liema pajjiżi tara li għandhom statistiċi notevoli taʼ pubblikaturi, pijunieri, medja taʼ sigħat?
7 Xi ngħidu għal-lum? Sewwa, fis-snin qabel l-1919, in-nies taʼ Jehovah kienu ftit jew wisq neqsin miż-żelu. Ma ħadux waqfa newtrali għal kollox fl-ewwel gwerra dinjija, u kellhom it-tendenza li jsegwu lil xi bniedem minflok lis-Sultan tagħhom, Ġesù Kristu. Bħala riżultat, xi wħud kienu skuraġġiti minn oppożizzjoni minn ġewwa u minn barra l-organizzazzjoni. Imbagħad, fl-1919, bl-għajnuna taʼ Jehovah ħallew idejhom jissaħħu. (Żakkarija 4:6) Jehovah tahom il-paċi, u pprosperixxew b’mod setgħan. Dan jidher fl-istatistiċi tagħhom taʼ l-aħħar 75 sena, li jilħqu l-quċċata tagħhom fis-sena taʼ servizz 1995. Bħala poplu, ix-Xhieda taʼ Jehovah jaħarbu min-nazzjonaliżmu, tribaliżmu, preġudizzju, u kull sors ieħor taʼ mibgħeda. (1 Ġwann 3:14-18) Jaqdu lil Jehovah b’żelu ġenwin fit-tempju spiritwali tiegħu. (Lhud 13:15; Apokalissi 7:15) Is-sena l-oħra biss, qattgħu ’l fuq minn biljun siegħa jitkellmu m’oħrajn dwar Missierhom tas-sema! Kull xahar, ikkonduċew 4,865,060 studju tal-Bibbja. Medja taʼ 663,521 ħadu sehem fis-servizz taʼ pijunier kull xahar. Meta ministri fil-Kristjaneżmu jridu jagħtu eżempju taʼ nies li huma verament entużjasti fil-qima tagħhom, xi drabi jippontaw lejn ix-Xhieda taʼ Jehovah.
8. Kull Kristjan individwali kif jibbenefika miż-‘żerriegħa tas-sliem’?
8 Minħabba ż-żelu tagħhom, Jehovah jagħti lin-nies tiegħu ‘ż-żerriegħa tas-sliem.’ Kull individwu li jikkultiva dik iż-żerriegħa se jara l-paċi tikber f’qalbu u f’ħajtu. Kull Kristjan kredent li jsegwi l-paċi maʼ Jehovah u maʼ Kristjani sħabu jieħu sehem fil-verità u l-paċi tal-poplu li jġorr isem Jehovah. (1 Pietru 3:11; qabbel Ġakbu 3:18.) M’hijiex dik ħaġa taʼ l-għaġeb?
“La Tibżgħux”
9. Jehovah liema bidla wiegħed fil-mod taʼ kif jittratta mal-poplu tiegħu?
9 Issa naqraw is-sebaʼ pronunzja mingħand Jehovah. X’inhi? “Dan igħid il-Mulej taʼ l-eżerċti: ‘Bħalma kont [ħ]sibt li nagħmlilkom id-deni meta missir[i]jietkom kebbsuli l-korla tiegħi u l-ħsieb ma biddiltux,’ igħid il-Mulej taʼ l-eżerċti, ‘hekk f’dawn il-jiem erġajt għamilt li nagħmel il-ġid lil Ġerusalemm u lid-dar taʼ Ġuda. La tibżgħux!’”—Żakkarija 8:14, 15.
10. Liema rekord tax-Xhieda taʼ Jehovah juri li ma beżgħux?
10 Avolja n-nies taʼ Jehovah kienu mxerrdin f’sens spiritwali matul l-ewwel gwerra dinjija, fi qlubhom riedu jagħmlu dak li kien sewwa. Għaldaqstant, Jehovah, wara li amministra ftit dixxiplina, biddel il-mod tiegħu taʼ kif jittratta magħhom. (Malakija 3:2-4) Illum, inħarsu lura u niżżuh ħajr b’mod ferventi għal dak li għamel. Veru, ġejna ‘mibgħudin mill-ġnus kollha.’ (Mattew 24:9) Ħafna ntefgħu l-ħabs, u xi wħud saħansitra mietu għall-fidi tagħhom. Taʼ spiss niffaċċjaw apatija jew ostilità. Imma ma nibżgħux. Nafu li Jehovah iżjed b’saħħtu minn kwalunkwe oppożizzjoni, viżibbli jew inviżibbli. (Isaija 40:15; Efesin 6:10-13) M’aħniex se nieqfu nagħtu kas tal-kliem: “Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek.”—Salm 27:14.
“Għidu S-Sewwa Lil Xulxin”
11, 12. Individwalment x’għandna nżommu f’moħħna jekk irridu nieħdu sehem bis-sħiħ fil-barkiet li Jehovah jagħti lin-nies tiegħu?
11 Biex nieħdu sehem bis-sħiħ fil-barkiet mingħand Jehovah, hemm affarijiet li għandna niftakru. Żakkarija jgħid: “‘Dawn huma l-ħwejjeġ li għandkom tagħmlu: Għidu s-sewwa lil xulxin; fil-bibien taʼ beltkom agħmlu l-ħaqq li jġib is-sliem; tbejtux deni għal xulxin fi qlubkom; u l-ħalf fil-falz la taħmluhx; għax dan hu kollu li jiena nobgħod,’—Oraklu tal-Mulej taʼ l-eżerċti.”—Żakkarija 8:16, 17.
12 Jehovah iħeġġiġna biex nitkellmu l-verità. (Efesin 4:15, 25) Ma jismax it-talb taʼ dawk li jipproġettaw affarijiet taʼ ħsara, jaħbu l-verità għal qligħ persunali, jew ilissnu ġuramenti foloz. (Proverbji 28:9) Ladarba jobgħod l-apostasija, iridna niggranfaw mal-verità tal-Bibbja. (Salm 25:5; 2 Ġwann 9-11) Jerġaʼ, bħall-irġiel ixjeħ fil-bibien tal-belt f’Iżrael, anzjani li jittrattaw każi ġudizzjarji għandhom jibbażaw il-pariri u d-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-verità tal-Bibbja, mhux fuq opinjoni persunali. (Ġwann 17:17) Jehovah iridhom ifittxu “ħaqq li jġib is-sliem,” billi jipprovaw, bħala ragħajja Kristjani, iġibu lura l-paċi bejn iż-żewġ naħat f’tilwima u jgħinu midinbin nedmin jiksbu paċi mill-ġdid m’Alla. (Ġakbu 5:14, 15; Ġuda 23) Fl-istess ħin, huma jippreservaw il-paċi tal-kongregazzjoni, billi b’kuraġġ jixħtu ’l barra lil dawk li jiksru dik il-paċi minħabba li apposta jippersistu f’għemil ħażin.—1 Korintin 6:9, 10.
“Ferħ u Hena”
13. (a) Żakkarija liema bidla rigward is-sawm ipprofetizza? (b) Liema sawm kien osservat f’Iżrael?
13 Issa, nisimgħu t-tmien pronunzja solenni: “‘Dan igħid il-Mulej taʼ l-eżerċti: Is-sawm tar-rabaʼ xahar, u s-sawm tal-ħames u s-sawm tas-sebaʼ u s-sawm tal-għaxar xahar, ikun għad-dar taʼ Ġuda jiem taʼ ferħ u hena u taʼ festi sbieħ. Imma ħobbu s-sewwa u s-sliem!’” (Żakkarija 8:19) Taħt il-Liġi Mosajka, l-Iżraeliti kienu jsumu f’Jum it-Tpattija biex jesprimu niket għal dnubiethom. (Levitiku 16:29-31) L-erbaʼ sawmiet imsemmijin minn Żakkarija kienu apparentement osservati bħala luttu għal ġrajjiet f’konnessjoni mal-konkwista u l-qerda taʼ Ġerusalemm. (2 Slaten 25:1-4, 8, 9, 22-26) Issa, madankollu, it-tempju kien qiegħed jinbena mill-ġdid u Ġerusalemm timtela bin-nies mill-ġdid. Il-luttu kien qiegħed jinbidel f’hena, u s-sawmiet setgħu jsiru staġuni taʼ festi.
14, 15. (a) Iċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar kif kienet raġuni kbira għall-ferħ, u dan dwar liema ħaġa għandu jfakkarna? (b) Bħalma jidher fir-rapport annwali, liema pajjiżi kellhom attendenzi straordinarji fil-Mafkar?
14 Illum, ma nosservawx is-sawmiet imsemmijin minn Żakkarija jew is-sawm preskritt fil-Liġi. Ladarba Ġesù offra ħajtu għal dnubietna, aħna qegħdin ingawdu l-barkiet taʼ Jum it-Tpattija. Dnubietna jitgħattew, mhux sempliċement b’mod rappreżentattiv, imma kompletament. (Lhud 9:6-14) Billi nsegwu l-kmand tal-Qassis il-Kbir tas-sema, Ġesù Kristu, aħna nosservaw il-Mafkar taʼ mewtu bħala l-unika ċelebrazzjoni solenni fil-kalendarju Kristjan. (Luqa 22:19, 20) Ma nesperjenzawx aħna “ferħ u hena” hekk kif ninġabru flimkien kull sena għal dik iċ-ċelebrazzjoni?
15 Is-sena l-oħra, 13,147,201 ġew flimkien biex jiċċelebraw il-Mafkar, 858,284 iktar milli fl-1994. X’kotra taʼ nies! Immaġina t-thennija fit-78,620 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah hekk kif għadd kbir mhux tas-soltu marru fi qtajja fis-Swali tas-Saltna tagħhom għaċ-ċelebrazzjoni. Ċertament, ilkoll preżenti ġew imqanqlin biex ‘iħobbu s-sewwa u s-sliem’ hekk kif ftakru fil-mewt taʼ dak il-Wieħed li hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” u li issa jsaltan bħala l-“Prinċep tas-Sliem” il-kbir taʼ Jehovah! (Ġwann 14:6; Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW]) Dik iċ-ċelebrazzjoni kellha tifsir speċjali għal dawk li osservawha f’pajjiżi mtertqin b’taqlib u gwerer. Xi wħud minn ħutna raw b’għajnejhom stess affarijiet li jwaħħxu u li ma jitfissrux matul l-1995. Xorta waħda, ‘is-sliem t’Alla li jgħaddi kulma l-moħħ jistaʼ jifhem, żammilhom qalbhom u moħħhom sħaħ fi Kristu Ġesù.’—Filippin 4:7.
‘Ejjew Nitolbu L-Ħniena Taʼ Jehovah’
16, 17. Nies tal-ġnus kif jistgħu “jitolbu l-ħniena tal-Mulej”?
16 Minfejn, iżda, ġew dawk il-miljuni kollha li attendew għall-Mafkar? Id-disaʼ espressjoni mitkellma taʼ Jehovah tispjega: “Dan igħid il-Mulej taʼ l-eżerċti: ‘Għad jiġu popli u nies li jgħammru fi bliet kbar, u n-nies taʼ belt imorru għand dawk taʼ belt oħra u jgħidulhom: “Imxu, ejjew immorru għand il-Mulej nitolbuh ħniena u nfittxu l-Mulej taʼ l-eżerċti; ngħid għalija, sejjer jien ukoll.” U kotra taʼ popli u ġnus qawwija jiġu jfittxu l-Mulej taʼ l-eżerċti f’Ġerusalemm u jitolbu l-ħniena tal-Mulej.’”—Żakkarija 8:20-22.
17 Nies li attendew għall-Mafkar riedu “jfittxu l-Mulej taʼ l-eżerċti.” Ħafna minn dawn kienu l-qaddejja ddedikati u mgħammdin tiegħu. Miljuni t’oħrajn li attendew kienu għadhom ma laħqux dak il-punt. F’xi pajjiżi l-attendenza tal-Mafkar kienet erbaʼ jew ħames darbiet iżjed mill-għadd taʼ pubblikaturi tas-Saltna. Dawn il-ħafna wħud interessati jeħtieġu l-għajnuna biex ikomplu jagħmlu progress. Ejjew ngħallmuhom biex jeżultaw fl-għarfien li Ġesù miet għal dnubietna u qiegħed issa jaħkem fis-Saltna t’Alla. (1 Korintin 5:7, 8; Apokalissi 11:15) U ejjew ninkuraġġuhom biex jiddedikaw lilhom infushom lil Alla Jehovah u jissottomettu ruħhom għas-Sultan maħtur tiegħu. B’dan il-mod se “jitolbu l-ħniena tal-Mulej.”—Salm 116:18, 19; Filippin 2:12, 13.
“Għaxart Irġiel Mill-Ilsna Kollha Tal-Ġnus”
18, 19. (a) Fit-twettiq taʼ Żakkarija 8:23, min illum hu “Lhudi”? (b) Min illum huma l-‘għaxar irġiel’ li “jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu”?
18 Għall-aħħar darba fit-tmien kapitlu taʼ Żakkarija, naqraw: “Dan igħid il-Mulej taʼ l-eżerċti.” X’inhi l-aħħar proklamazzjoni taʼ Jehovah? “F’dawk il-jiem għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu, u jgħidulu: ‘Ħa niġi magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!’” (Żakkarija 8:23) Fi żmien Żakkarija, Iżrael naturali kien il-ġens magħżul t’Alla. Fl-ewwel seklu, madankollu, Iżrael irrifjuta lill-Messija taʼ Jehovah. Għaldaqstant, Alla tagħna għażel “Lhudi”—Iżrael ġdid—bħala l-poplu speċjali tiegħu, l-“Israel t’Alla” fformat minn Lhud spiritwali. (Galatin 6:16; Ġwann 1:11; Rumani 2:28, 29) L-għadd finali taʼ dawn kellu jkun 144,000, magħżulin minn fost il-bnedmin biex isaltnu maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu tas-sema.—Apokalissi 14:1, 4.
19 Il-biċċa l-kbira minn dawn il-144,000 diġà mietu leali u marru għall-premju tagħhom tas-sema. (1 Korintin 15:51, 52; Apokalissi 6:9-11) Ftit għad baqaʼ fuq l-art u dawn jithennew jaraw li l-‘għaxar irġiel’ li jagħżlu li jmorru mal-“Lhudi” huma tabilħaqq “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.”—Apokalissi 7:9; Isaija 2:2, 3; 60:4-10, 22.
20, 21. Hekk kif it-tmiem taʼ din id-dinja joqrob iżjed, kif nistgħu nibqgħu f’paċi maʼ Jehovah?
20 Hekk kif it-tmiem taʼ did-dinja joqrob b’mod inevitabbli, il-Kristjaneżmu huwa bħal Ġerusalemm fi żmien Ġeremija: “Stennejna s-sliem u ma għandna ebda riżq; żmien il-fejqan, u arana mwerwra.” (Ġeremija 14:19) Dak it-twerwir se jilħaq quċċata meta l-ġnus iduru fuq ir-reliġjon falza u jġibuha fi tmiem vjolenti. Ftit wara, il-ġnus infushom se jesperjenzaw qerda fil-gwerra finali t’Alla, Armageddon. (Mattew 24:29, 30; Apokalissi 16:14, 16; 17:16-18; 19:11-21) Xi żmien taʼ taqlib se jkun dak!
21 Matul dan kollu, Jehovah se jipproteġi lil dawk li jħobbu l-verità u jikkultivaw ‘iż-żerriegħa tas-sliem.’ (Żakkarija 8:12; Sofonija 2:3) Ejjew, mela, nibqgħu salvi ġol-pajjiż tal-poplu tiegħu, billi b’mod żeluż infaħħruh pubblikament u billi ngħinu lil kemm uħud possibbli biex “jitolbu l-ħniena tal-Mulej.” Jekk nagħmlu hekk, dejjem se ngawdu l-paċi taʼ Jehovah. Iva, “il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu; ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!”—Salm 29:11. (w96 1/1)
Tistaʼ Tispjega Int?
◻ In-nies t’Alla kif ‘ħallew idejhom jissaħħu’ fi żmien Żakkarija? Illum?
◻ Kif nirreaġixxu aħna għal persekuzzjoni, ostilità, u apatija?
◻ X’inhu involut f’li ‘ngħidu s-sewwa lil xulxin’?
◻ Persuna kif tistaʼ ‘titlob il-ħniena taʼ Jehovah’?
◻ Liema raġuni kbira għall-ferħ tidher fit-twettiq taʼ Żakkarija 8:23?
[Stampa f’paġna 28]
Is-sena l-oħra, ix-Xhieda taʼ Jehovah qattgħu 1,150,353,444 siegħa jitkellmu man-nies dwar is-Saltna t’Alla