Ferħanin f’Dinja Mingħajr Ferħ
“FL-AGĦAR tiegħu, dan kien is-seklu taʼ Satana,” beda biex qal editorjal f’The New York Times tas-26 taʼ Jannar, 1995. “Fl-ebda era qabel din in-nies ma wrew daqshekk ħila, u aptit, biex joqtlu miljuni taʼ nies oħrajn għal raġunijiet taʼ razza, reliġjon jew klassi.”
Il-ħamsin anniversarju tal-liberazzjoni taʼ vittmi innoċenti maqfulin f’kampijiet tal-mewt Nażisti qanqal editorjali bħal dak t’hawn fuq. Madankollu, l-istess tip taʼ qtil selvaġġ għadu jsir f’partijiet mill-Afrika u l-Ewropa tal-Lvant.
Il-massakri, it-tindif etniku, it-tbiċċir tribali—hu x’inhu li jissejħu—jirriżultaw f’dispjaċir kbir. Madankollu, f’nofs tbiċċir sfrenat bħal dan jidwu ilħna qawwijin taʼ ferħ. Per eżempju, ejjew nagħtu ħarsa lejn il-Ġermanja fis-snin 30.
S’April taʼ l-1935, ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu pprojbiti minn kull impjieg mas-servizz ċivil minn Hitler u l-partit Nażista tiegħu. Ix-Xhieda kienu wkoll arrestati, mitfugħin il-ħabs, u mibgħutin f’kampijiet taʼ konċentrament għax żammew in-newtralità Kristjana. (Ġwann 17:16) Tard f’Awissu taʼ l-1936, kien hemm arresti bil-massa taʼ Xhieda taʼ Jehovah. Eluf minnhom intbagħtu lejn kampijiet taʼ konċentrament, fejn il-biċċa l-kbira minnhom baqgħu sa l-1945 dment li baqgħu ħajjin. Kif, iżda, irreaġixxew ix-Xhieda għat-trattament inuman mogħti lilhom fil-kampijiet? Sorprendenti kemm tistaʼ tidher din, huma kienu kapaċi jibqgħu ferħanin minkejja n-nuqqas taʼ ferħ li kien hemm madwarhom.
“Blata Fit-Tajn”
Il-kittieba taʼ l-istorja Christine King intervistat mara Kattolika li kienet fil-kampijiet. “Hi wżat frażi li qatt ma nsejt,” qalet Dr. King. “Hi tkellmet fid-dettal ħafna dwar il-kruha tal-ħajja, il-kundizzjonijiet disgustanti li għexet fihom. U qalet li kienet taf xi Xhieda, u dawk ix-Xhieda kienu blata fit-tajn. Bħal post sod f’dik il-ħama kollha. Qalet li huma kienu l-uniċi nies li ma kienux jobżqu x’ħin jgħaddu l-gwardjani. Kienu l-uniċi nies li ma ffaċċjawx dan kollu bil-mibgħeda imma bl-imħabba u t-tama u s-sentiment li kien hemm skop.”
X’għamel lix-Xhieda taʼ Jehovah kapaċi jkunu ‘blat fit-tajn’? Fidi li ma titħarrikx f’Alla Jehovah u f’Ibnu, Ġesù Kristu. Għalhekk, l-isforzi taʼ Hitler fallew li joħonqu l-imħabba Kristjana u l-ferħ tagħhom.
Agħti widen hekk kif tnejn li ħelsuha minn kamp jirrakkontaw ħamsin sena wara li ffaċċjaw dan l-eżami tal-fidi b’suċċess. Tgħid waħda: “Neċċita ruħi bil-ferħ meta naf li kelli l-privileġġ uniku li nagħti prova taʼ l-imħabba u l-gratitudni lejn Jehovah taħt l-eħrex ċirkostanzi. Ħadd ma sforzani nagħmel dan! Għall-kuntrarju, dawk li pprovaw jisforzawna kienu l-għedewwa li pprovaw bit-theddid iġiegħluna nobdu ’l Hitler iktar minn Alla—imma mingħajr suċċess! Mhux biss jien hienja issa imma, minħabba kuxjenza safja, kont hienja saħansitra waqt li kont wara l-ħitan tal-ħabs.”—Maria Hombach, taʼ 94 sena.
Xhud ieħor jistqarr: “Inħares lura lejn il-jiem tiegħi taʼ priġunerija bi gratitudni u ferħ. Is-snin li qattajt taħt Hitler f’ħabsijiet u kampijiet taʼ konċentrament kienu diffiċli u mimlijin provi. Imma ma kontx irrid li niskansahom, għax għallmuni nafda f’Jehovah assolutament.”—Johannes Neubacher, taʼ 91 sena.
Li ‘tafda f’Jehovah assolutament’—dak kien is-sigriet tal-ferħ esperjenzat mix-Xhieda taʼ Jehovah. B’hekk, huma ferħanin, minkejja li huma mdawrin b’dinja mingħajr ferħ. Il-ferħ tagħhom kien evidenti waqt il-Konvenzjonijiet Distrettwali “Uħud Li Jfaħħru Ferħanin” fix-xhur li għaddew. (w96 1/15)
[Stampa f’paġna 4]
Maria Hombach