LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 4/1 pp. 17-22
  • Ħalli d-Dixxerniment Jissalvagwardjak

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħalli d-Dixxerniment Jissalvagwardjak
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Bżonn Speċjali Għal Dixxerniment
  • Xi Ngħidu Dwar Investimenti?
  • Meta Intrapriżi Taʼ Negozju Jfallu
  • Xi Ngħidu Jekk Hemm Xi Frodi?
  • Id-​Dixxerniment u T-​Teħid Taʼ Deċiżjonijiet
  • Inklina Qalbek Lejn id-Dixxerniment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Tistaʼ Int Tikkultiva Iktar Dixxerniment?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • ‘Jehovah Jagħti l-Għerf’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Imitaw il-kuraġġ u d-dixxerniment ta’ Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 4/1 pp. 17-22

Ħalli d-​Dixxerniment Jissalvagwardjak

“L-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek.”—PROVERBJI 2:11.

1. Id-​dixxerniment jistaʼ jissalvagwardjana minn liema ħaġa?

JEHOVAH iridek teżerċita d-​dixxerniment. Għala? Għaliex jaf li dan se jissalvagwardjak minn diversi perikli. Proverbji 2:10-19 jiftaħ bil-​kliem: “Għax l-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek. L-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek.” Jissalvagwardjak minn liema ħaġa? Minn affarijiet bħalma huma “triq il-​ħażen,” dawk li qegħdin jitilqu l-​mogħdijiet retti, u nies qarriqin fil-​korsa ġenerali tagħhom.

2. X’inhu d-​dixxerniment, u l-​Kristjani liema tip jixtiequ speċjalment?

2 X’aktarx tiftakar li d-​dixxerniment huwa l-​fakultà tal-​moħħ li biha dan jiddistingwi ħaġa minn oħra. Bniedem għaqli jagħraf differenzi fl-​ideat jew fl-​affarijiet u għandu ġudizzju tajjeb. Bħala Kristjani, aħna speċjalment nixtiequ li jkollna dixxerniment spiritwali bbażat fuq għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla. Meta nistudjaw l-​Iskrittura, huwa bħal li kieku qegħdin naqtgħu minn ġo barriera knaten taʼ dixxerniment spiritwali. Dak li nitgħallmu jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Jehovah.

3. Kif nistgħu niksbu dixxerniment spiritwali?

3 Meta Alla staqsa lis-​Sultan Salamun taʼ Israel liema barka ried, il-​ħakkiem żagħżugħ qal: “Agħti . . . lill-​qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jistaʼ jmexxi l-​poplu tiegħek, u jagħraf it-​tajjeb mill-​ħażin.” Salamun talab għad-​dixxerniment, u Jehovah tahulu f’ammont mhux tas-​soltu. (1 Slaten 3:9; 1 Slaten 5:10 [1 Slaten 4:30, NW]) Biex niksbu d-​dixxerniment, jeħtieġ li nitolbu, u rridu nistudjaw il-​Kelma t’Alla bil-​għajnuna tal-​pubblikazzjonijiet li jdawluna pprovduti permezz taʼ “l-​irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Dan se jgħinna niżviluppaw dixxerniment spiritwali sal-​punt li nsiru ‘rġiel magħmula fi ħsibijietna,’ kapaċi ‘nagħżlu [jew, nużaw dixxerniment] bejn it-​tajjeb u l-​ħażin.’—1 Korintin 14:20; Lhud 5:14.

Bżonn Speċjali Għal Dixxerniment

4. X’ifisser li jkollok għajn “sempliċi,” u din kif tistaʼ tibbenefikana?

4 B’dixxerniment xieraq, nistgħu naġixxu f’armonija mal-​kliem taʼ Ġesù Kristu: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu [l-affarijiet materjali] jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33) Ġesù qal ukoll: “Il-​musbieħ tal-​ġisem hija għajnek. Jekk għajnek hi safja [“sempliċi,” NW], il-​ġisem ukoll ikun kollu mdawwal tajjeb.” (Luqa 11:34) L-​għajn hija musbieħ figurattiv. Għajn “sempliċi” hija sinċiera, iffokata. B’għajn bħal din, nistgħu nuru dixxerniment u nimxu mingħajr ma nitfixklu spiritwalment.

5. Rigward negozjar, x’għandna nżommu f’moħħna dwar l-​iskop tal-​kongregazzjoni Kristjana?

5 Minflok ma jżommu għajnhom sempliċi, xi wħud ikkomplikaw ħajjithom u l-​ħajjiet t’oħrajn b’negozjar li jħajrek. Imma għandna niftakru li l-​kongregazzjoni Kristjana hija “kolonna u pedament tal-​verità.” (1 Timotju 3:15) Bħall-​kolonni taʼ xi bini, il-​kongregazzjoni tappoġġja l-​verità t’Alla, mhux l-​intrapriża taʼ negozju taʼ xi individwu. Il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah ma ġewx stabbiliti bħala postijiet biex jippromwovu interessi, affarijiet, jew servizzi kummerċjali. Irridu nżommu lura milli nagħmlu negozju persunali fis-​Sala tas-​Saltna. Id-​dixxerniment jgħinna naraw li s-​Swali tas-​Saltna, l-​Istudji tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah huma postijiet għal sħubija Kristjana u diskussjoni spiritwali. Kieku kellna nużaw relazzjonijiet spiritwali biex nippromwovu kwalunkwe xorta taʼ kummerċjaliżmu, ma jkunx qiegħed juri dan minn taʼ l-​inqas xi nuqqas t’apprezzament għal valuri spiritwali? Konnessjonijiet kongregazzjonali qatt m’għandhom jiġu sfruttati għal qligħ finanzjarju.

6. Prodotti u servizzi kummerċjali għala m’għandhomx jinbiegħu jew jiġu rriklamati fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?

6 Xi wħud użaw kuntatti teokratiċi biex ibigħu prodotti għas-​saħħa jew sbuħija, prodotti taʼ vitamini, servizzi taʼ telekomunikazzjoni, materjal tal-​bini, riklamar dwar vjaġġar, programmi u tagħmir tal-​kompjuters, u affarijiet bħal dawn. Madankollu, il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni m’humiex il-​post fejn wieħed ibigħ jew jippromwovi prodotti jew servizzi kummerċjali. Nistgħu nagħrfu l-​prinċipju konness maʼ dan jekk niftakru li Ġesù “keċċiehom ilkoll ’il barra mit-​tempju, bin-​nagħaġ u l-​barrin tagħhom; xerred il-​flus taʼ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-​imwejjed. U lill-​bejjiegħa tal-​ħamiem qalilhom: ‘Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-​negozju!’”—Ġwann 2:15, 16.

Xi Ngħidu Dwar Investimenti?

7. Id-​dixxerniment u l-​attenzjoni għala huma meħtieġa fejn jidħlu investimenti?

7 Hemm bżonn tad-​dixxerniment u l-​attenzjoni meta wieħed ikun qed jaħseb biex jinvesti f’xi intrapriża tan-​negozju. Nassumu li xi ħadd ikun irid jissellef xi flus u jagħmel wegħdi taʼ din ix-​xorta: “Niggarantilek li se tagħmel il-​flus.” “Ma tistax titlef. Din ħaġa ċerta.” Oqgħod attent meta xi ħadd jagħmel assiguranzi bħal dawn. Jew mhux qed ikun realistiku jew mhux qiegħed ikun onest, għax l-​investiment rari jkun xi ħaġa ċerta. Infatti, xi individwi bi kliem ħelu u bla skrupli ingannaw lil xi membri tal-​kongregazzjoni. Dan ifakkarna dwar l-​“irġiel taʼ mingħajr Alla” li ndiehsu fil-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu u ‘dawru l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla fi skuża għal kondotta laxka.’ Kienu bħal blat ippontat taħt l-​ilma li setaʼ jqattaʼ u joqtol lill-​għawwiema. (Ġuda 4, 12, NW) Veru, il-​motivi taʼ qarriqin rgħiba huma differenti, imma huma wkoll jieħdu vantaġġ minn membri tal-​kongregazzjoni.

8. X’ġara f’konnessjoni maʼ xi intrapriżi taʼ negozju li dehru taʼ profitt?

8 Saħansitra aħwa b’intenzjoni tajba għaddew informazzjoni dwar intrapriżi li kienu jidhru taʼ profitt, biex imbagħad spiċċaw li huma, flimkien maʼ dawk li segwew l-​eżempju tagħhom, tilfu l-​flus li investew. Bħala riżultat, għadd taʼ Kristjani tilfu privileġġi fil-​kongregazzjoni. Meta intrapriżi biex wieħed jistagħna f’qasir żmien jirriżultaw fi proġetti mimlijin frodi, l-​uniku wieħed li jagħmel profitt huwa l-​qarrieq, li taʼ spiss jisparixxi mill-​ewwel. Id-​dixxerniment kif jistaʼ jgħin lil dak li jkun biex jevita sitwazzjonijiet bħal dawn?

9. Id-​dixxerniment għala huwa meħtieġ biex niżnu stqarrijiet dwar investimenti?

9 Id-​dixxerniment iġorr il-​ħsieb li wieħed ikun kapaċi jassorbi dak li huwa mistur. Din l-​abbiltà hija neċessarja sabiex wieħed jiżen stqarrijiet dwar investimenti. Il-​Kristjani jafdaw lil xulxin, u xi wħud għandhom mnejn jirraġunaw li ħuthom spiritwali m’humiex se jiġu involuti f’intrapriżi li jistgħu jipperikolaw ir-​riżorsi taʼ sħabhom fit-​twemmin. Imma l-​fatt li negozjant hu Kristjan ma jiggarantix li dan jibbrilla fi kwistjonijiet taʼ negozju jew li l-​intrapriża tiegħu se jkollha suċċess.

10. Xi Kristjani għala jfittxu self għan-​negozju mingħand sħabhom fit-​twemmin, u x’jistaʼ jiġrilhom investimenti bħal dawn?

10 Xi Kristjani jfittxu self għan-​negozju mingħand sħabhom fit-​twemmin peress li aġenziji taʼ l-​affari tagħhom qatt ma se joħorġu flus għall-​intrapriżi riskjużi tagħhom. Ħafna waqgħu fin-​nassa taʼ li jemmnu li, sempliċement billi jinvestu flushom, jistgħu jagħmlu fortuna malajr mingħajr ma jkollhom jaħdmu ħafna jew forsi billi ma jagħmlu assolutament ebda xogħol. Xi wħud jiġu attirati lejn investiment minħabba l-​eċċitament assoċjat miegħu, biex imbagħad jispiċċaw jitilfu kulma jkollhom! Wieħed Kristjan investa somma kbira taʼ flus, billi stenna li jieħu lura rata taʼ 25 fil-​mija wara biss ġimgħatejn. Tilef dawk il-​flus kollha meta ġie ddikjarat falliment. F’intrapriża oħra, wieħed li jiżviluppa propjetà immobbli ssellef somom kbar taʼ flus mingħand oħrajn fil-​kongregazzjoni. Hu wiegħed profitti għoljin ħafna li ma kinux raġonevoli imma spiċċa fallut u tilef il-​fondi li ssellef.

Meta Intrapriżi Taʼ Negozju Jfallu

11. Pawlu liema pariri ta rigward ir-​regħba u l-​imħabba tal-​flus?

11 Fallimenti taʼ negozju wasslu għal diżappunt u saħansitra telf taʼ spiritwalità min-​naħa taʼ xi Kristjani li daħlu f’intrapriżi riskjużi. Uġigħ taʼ qalb u niket irriżultaw meta dawn naqsu li jħallu d-​dixxerniment jaġixxi bħala salvagwardja. Ir-​regħba nasbet lil ħafna. Ir-​“regħba . . . [lanqas] ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-​qaddisin,” kiteb Pawlu. (Efesin 5:3) U wissa: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien. Għax ir-​rebgħa għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-​rebgħa li xi wħud ħarġu barra mit-​triq tal-​fidi u nfnew b’niket kbir.”—1 Timotju 6:9, 10.

12. Jekk xi Kristjani jagħmlu negozju bejniethom, x’għandhom jiftakru speċjalment?

12 Jekk Kristjan jiżviluppa mħabba għall-​flus, dan jikkaġuna ħafna ħsara spiritwali fuqu nnifsu. Il-​Fariżej kellhom l-​imħabba għall-​flus, u din hija karatteristika taʼ ħafna nies f’dawn l-​aħħar jiem. (Luqa 16:14; 2 Timotju 3:1, 2) B’kuntrast, il-​manjiera tal-​ħajja taʼ Kristjan m’għandhiex tkun “mogħtija għar-​rebgħa tal-​flus.” (Lhud 13:5) M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani jistgħu jinnegozjaw bejniethom jew jidħlu f’negozju flimkien. Jekk jagħmlu dan, madankollu, id-​diskussjonijiet u n-​negozjati għandhom jinżammu separati minn kwistjonijiet kongregazzjonali. U ftakar: Saħansitra fost aħwa spiritwali, dejjem niżżlu bil-​miktub ftehim taʼ negozju. Ferm t’għajnuna f’dan ir-rigward huwa l-​artiklu “Put It in Writing!” (“Niżżlu bil-​Miktub!”), ippubblikat fl-​Awake! tat-​8 taʼ Frar, 1983, paġni 13 sa 15.

13. Kif tapplika int Proverbji 22:7 għal intrapriżi taʼ negozju?

13 Proverbji 22:7 jgħidilna: “Min jissellef jaqaʼ f’idejn min silfu.” Taʼ spiss m’huwiex għaqli għalina li npoġġu lilna nfusna jew lil ħuna fil-​pożizzjoni taʼ qaddej bħal dan. Meta xi ħadd jitlobna biex nisilfuh il-​flus għal intrapriża tan-​negozju, ikun għaqli li nikkunsidraw l-​abbiltà tiegħu li jħallas lura s-​somma. Magħruf hu bħala wieħed taʼ min jafdah u taʼ min joqgħod fuqu? M’għandniex xi ngħidu, għandna nirrealizzaw li jekk nagħmlu self bħal dan jistaʼ jfisser it-​telf tal-​flus minħabba li ħafna intrapriżi tan-​negozju jfallu. Kuntratt fih innifsu ma jiżgurax intrapriża taʼ suċċess. U żgur li m’huwiex prudenti għal xi ħadd li jissogra li jsellef f’intrapriża iktar milli jkun jistaʼ jaffordja li jitlef.

14. Għala għandna nuru dixxerniment jekk slifna xi flus lil xi Kristjan seħibna li n-​negozju tiegħu jfalli?

14 Irridu nuru dixxerniment jekk sellifna fondi lil xi Kristjan għal skopijiet taʼ negozju u dawn il-​flus intilfu, avolja ma kien hemm involuti ebda prattiċi diżonesti. Jekk il-​falliment tan-​negozju ma kienx tort taʼ seħibna fit-​twemmin li ssellef il-​flus, nistgħu aħna ngħidu li ġejna mqarrqin b’xi mod? Le, għaliex is-​self għamilnieh minn jeddna, u probabbilment konna qegħdin nieħdu l-​interessi fuqu, u ma seħħ xejn diżonest. Ladarba ma kienx hemm diżonestà involuta, m’għandna ebda bażi għal azzjoni legali kontra dak li ssellef il-​flus. X’ġid se joħroġ billi tfittex bil-​qorti lil sieħeb Kristjan onest li kellu jiddikjara ruħu fallut minħabba li falliet intrapriża tan-​negozju b’intenzjoni tajba?—1 Korintin 6:1.

15. Liema fatturi jirrikjedu konsiderazzjoni jekk jiġi ddikjarat falliment?

15 Dawk li jġarrbu fallimenti taʼ negozju xi drabi jfittxu serħan billi jiddikjaraw falliment. Ladarba l-​Kristjani m’humiex negliġenti dwar id-​dejn, saħansitra wara li jkunu ġew meħlusin legalment minn ċertu dejn, xi wħud ħassewhom obbligati li jipprovaw iħallsu lura dejn ikkanċellat jekk il-​kredituri jaċċettaw il-​ħlas. Imma xi ngħidu jekk wieħed li ssellef jitlef il-​flus taʼ ħuh u mbagħad jgħix b’mod komparattivament taʼ lussu? Jew xi ngħidu jekk dak li ssellef akkwista fondi suffiċjenti biex iħallas lura dak li kien issellef imma injora l-​obbligu morali li hu jistaʼ jkollu finanzjarjament lejn ħuh? Allura se jkun hemm dubji dwar il-​kwalifiki tiegħu biex jaqdi f’kariga taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni.—1 Timotju 3:3, 8; ara The Watchtower, tal-​15 taʼ Settembru, 1994, paġni 30-1.

Xi Ngħidu Jekk Hemm Xi Frodi?

16. Liema passi jistgħu jittieħdu jekk jidher li sirna vittmi taʼ xi frodi fin-​negozju?

16 Id-​dixxerniment jgħinna nirrealizzaw li mhux l-​investimenti kollha jirriżultaw fi profitti. Madankollu, xi ngħidu jekk hemm frodi involuta? Frodi huwa “l-​użu taʼ qerq, ingann, jew tidwir apposta taʼ verità bl-​iskop li ġġiegħel lil xi ħadd biex jagħti xi ħaġa taʼ valur li tappartjeni lilu jew biex iċedi dritt legali.” Ġesù Kristu spjega fid-​dettall x’passi jistgħu jittieħdu meta wieħed jaħseb li ġie mqarraq minn xi adoratur ieħor. Skond Mattew 18:15-17, Ġesù qal: “Jekk ħuk jaqaʼ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jismaʼ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġaʼ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-​kelma taʼ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jismaʼ, mur għid lill-​knisja. U jekk anqas mill-​knisja ma jkun irid jismaʼ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.” It-​tixbieha li ta Ġesù iktar tard tindika li hu kellu f’moħħu dnubiet bħal dawk li jinvolvu kwistjonijiet finanzjarji, inkluża l-​frodi.—Mattew 18:23-35.

17, 18. Jekk wieħed li jgħid li hu Kristjan jingannana, id-​dixxerniment kif jistaʼ jissalvagwardjana?

17 M’għandniex xi ngħidu, ma jkun hemm ebda bażi Skritturali biex wieħed jieħu l-​passi mniżżlin f’Mattew 18:15-17 jekk m’hemm ebda evidenza jew saħansitra suġġeriment taʼ frodi. Madankollu, xi ngħidu jekk wieħed li jgħid li hu Kristjan attwalment ingannana? Id-​dixxerniment jistaʼ jissalvagwardjana milli nieħdu xi azzjoni li tistaʼ titfaʼ dell ikrah fuq il-​kongregazzjoni. Pawlu wissa lil sħabu l-​Kristjani biex jippreferu li jieħdu t-​tort huma u saħansitra jiġu ingannati milli jtellgħu lil xi ħu l-​qorti.—1 Korintin 6:7.

18 Ħutna rġiel u nisa ġenwini m’humiex ‘mimlijin b’kull qerq u ħażen,’ bħas-​saħħâr Barjesu. (Atti 13:6-12) Mela ejjew nużaw id-​dixxerniment meta jintilfu xi flus f’intrapriżi tan-​negozju li jinvolvu lil xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin. Jekk qegħdin naħsbu biex nieħdu azzjoni legali, għandna nikkunsidraw x’jistgħu jkunu l-​effetti fuqna personalment, fuq il-​persuna jew persuni l-​oħrajn, fuq il-​kongregazzjoni, u fuq dawk taʼ barra. Li nfittxu l-​kumpens jistaʼ jikkonsmalna ħafna ħin, enerġija, u riżorsi oħrajn. Għandu mnejn li dan jirriżulta biss f’li jistagħnew l-​avukati u professjonisti oħrajn. B’dispjaċir ngħidu li xi Kristjani ssagrifikaw privileġġi teokratiċi minħabba li saru mehdijin iżżejjed b’dawn l-​affarijiet. Li niġu żvijati b’dan il-​mod żgur li jġiegħel lil Satana jithenna, imma aħna qalb Jehovah irridu nferrħu. (Proverbji 27:11) Mill-​banda l-​oħra, li naċċettaw telfa għandu mnejn jiffrankalna l-​uġigħ taʼ qalb u t-​telf taʼ ħafna ħin, tagħna u taʼ l-​anzjani. Dan se jgħinna nippreservaw il-​paċi tal-​kongregazzjoni u se jħallina nkomplu nfittxu s-​Saltna l-​ewwel.

Id-​Dixxerniment u T-​Teħid Taʼ Deċiżjonijiet

19. Id-​dixxerniment spiritwali u t-​talb x’jistgħu jagħmlulna meta nkunu qegħdin nieħdu deċiżjonijiet stressanti?

19 It-​teħid taʼ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet finanzjarji jew tan-​negozju jistaʼ jkun stressanti ferm. Imma d-​dixxerniment spiritwali jistaʼ jgħinna niżnu l-​fatturi u nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Iktar minn hekk, serħan bit-​talb fuq Jehovah jistaʼ jġibilna “s-​sliem taʼ Alla.” (Filippin 4:6, 7) Dan huwa kalma u trankwillità li jirriżultaw minn relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Jehovah. Ċertament, sliem bħal dan jistaʼ jgħinna nżommu l-​bilanċ tagħna meta niffaċċjaw deċiżjonijiet diffiċli.

20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu dwar kwistjonijiet taʼ negozju u l-​kongregazzjoni?

20 Ejjew inkunu determinati li ma nħallux tilwim tan-​negozju jħarbat il-​paċi tagħna jew dik tal-​kongregazzjoni. Jeħtieġ niftakru li l-​kongregazzjoni Kristjana tiffunzjona biex tgħinna spiritwalment, mhux biex isservi bħala ċentru għal interessi kummerċjali. Kwistjonijiet taʼ negozju għandhom dejjem jinżammu separati minn attivitajiet tal-​kongregazzjoni. Jeħtieġ li nużaw dixxerniment u attenzjoni meta nidħlu għal xi intrapriżi taʼ negozju. U ejjew dejjem inżommu ħarsa bbilanċjata dwar kwistjonijiet bħal dawn, billi nfittxu l-​ewwel l-​interessi tas-​Saltna. Jekk intrapriża taʼ negozju li tinvolvi lil xi adoraturi sħabna tfalli, jalla nfittxu dak li huwa l-​aħjar għal dawk kollha kkonċernati.

21. Kif nistgħu nużaw id-​dixxerniment u naġixxu f’armonija maʼ Filippin 1:9-11?

21 Minflok ma nkunu kkonċernati żżejjed dwar kwistjonijiet finanzjarji u affarijiet oħrajn inqas importanti, jalla lkoll kemm aħna ninklinaw qlubna lejn id-​dixxerniment, nitolbu għall-​gwida t’Alla, u nżommu l-​ewwel l-​interessi tas-​Saltna. F’armonija mat-​talba taʼ Pawlu, jalla ‘l-​imħabba tagħna tikber u toktor dejjem iżjed bl-​għerf u b’kull dehen, biex nistgħu nagħrfu nagħżlu l-​aħjar’ u ma nfixklux lil oħrajn jew lilna nfusna. Issa li Kristu s-​Sultan qiegħed fuq it-​tron tiegħu tas-​sema, ejjew nuru dixxerniment spiritwali f’kull aspett tal-​ħajja. U jalla nkunu “mimlijin bil-​frott tal-​ġustizzja li ġejja permezz taʼ Ġesù Kristu, għall-​glorja u l-​foħrija taʼ Alla” tagħna, il-​Mulej Sovran Jehovah. (Korsiv tagħna.)—Filippin 1:9-11.

(w97 3/15)

Kif Se Tirrispondi?

◻ X’inhu d-​dixxerniment?

◻ Għala hemm ħtieġa speċjali li jintwera dixxerniment fejn jidħol negozjar bejn il-​Kristjani?

◻ Id-​dixxerniment kif jistaʼ jgħinna jekk inħossu li wieħed li hu seħibna fit-​twemmin ingannana?

◻ Id-​dixxerniment liema rwol għandu jkollu fit-​teħid taʼ deċiżjonijiet?

[Stampa f’paġna 18]

Id-​dixxerniment se jgħinna napplikaw il-​parir taʼ Ġesù biex nibqgħu nfittxu l-​ewwel is-​Saltna

[Stampi f’paġna 20]

Dejjem niżżel bil-​miktub xi ftehim taʼ negozju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja