LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 8/1 pp. 8-13
  • Inżommu l-Virtù f’ Dinja Mimlija Vizzji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inżommu l-Virtù f’ Dinja Mimlija Vizzji
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Id-​Dinja Rumana Mimlija Vizzji
  • Id-​Dinja tal-​Lum Mimlija Vizzji
  • Nirrifjutaw il-​Vizzji tad-​Dinja
  • Qiegħed Int Issus Wara l-Virtù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Kif Nistgħu Nikkultivaw il-Virtù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Kif Nistgħu Nipprovdu Virtù lill-Fidi Tagħna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Stili Differenti taʼ Ħajja—Japprovahom Alla?
    Stenbaħ!—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 8/1 pp. 8-13

Inżommu l-​Virtù f’ Dinja Mimlija Vizzji

“Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin taʼ ħajja mgħawwġa u mħassra.”—FILIPPIN 2:14, 15.

1, 2. Alla għala esiġa l-​qerda totali tal-​Kangħanin?

IL-​KMANDI taʼ Jehovah ma jħallu ebda lok għal kompromess. L-​Iżraeliti kienu waslu biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda meta l-​profeta Mosè qalilhom: “Eqridhom għalkollox​—il-​Ħittin u l-​Amurrin, il-​Kangħanin u l-​Periżżin, il-​Ħiwwin u l-​Ġebusin—​bħalma ordnalek il-​Mulej, Alla tiegħek.”—Dewteronomju 7:2; 20:17.

2 Ladarba Jehovah hu Alla mimli ħniena, għala esiġa l-​qerda taʼ l-​abitanti taʼ Kangħan? (Eżodu 34:6) Raġuni waħda kienet biex ‘il-​Kangħanin ma jkunux jistgħu jgħallmu lil Iżrael jagħmlu l-​qżiżijiet kollha li huma għamlu quddiem l-​allat tagħhom, u b’hekk jidinbu kontra l-​Mulej Alla.’ (Dewteronomju 20:18) Mosè qal ukoll: “Għax hu minħabba ħżunithom li l-​Mulej ħarbat dawn il-​ġnus quddiemek.” (Dewteronomju 9:4) Il-​Kangħanin kienu l-​istess personifikazzjoni tal-​vizzju. Il-​perversità sesswali u l-​idolatrija kienu l-​affarijiet li jispikkaw l-​iktar fil-​qima tagħhom. (Eżodu 23:24; 34:12, 13; Numri 33:52; Dewteronomju 7:5) L-​inċest, is-​sodomija, u l-​bestjalità kienu mod taʼ ħajja “fl-​art taʼ Kangħan.” (Levitiku 18:3-25) Tfal innoċenti kienu jiġu ssagrifikati b’mod krudili lil allat foloz. (Dewteronomju 18:9-12) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah kien iqis lill-​istess eżistenza taʼ dawn il-​ġnus bħala theddida għall-​benesseri fiżiku, morali, u spiritwali tal-​poplu tiegħu!—Eżodu 34:14-16.

3. X’irriżulta minħabba li l-​Iżraeliti ma wettqux għalkollox l-​ordnijiet t’Alla rigward l-​abitanti taʼ Kangħan?

3 Minħabba li l-​ordnijiet t’Alla ma twettqux għalkollox, ħafna abitanti taʼ Kangħan baqgħu ħajjin wara li Iżrael ikkonkwista l-​Art Imwiegħda. (Mħallfin 1:19-21) Maż-​żmien, inħasset l-​influwenza insidjuża tal-​Kangħanin, u setaʼ jingħad: “[L-Iżraeliti] warrbu l-​liġijiet [taʼ Jehovah] u l-​patt tiegħu, li kien għamel maʼ missirijiethom, u t-​twiddib tiegħu li kien għamlilhom; marru wara l-​frugħa u tħassru bil-​frugħat tal-​ġnus taʼ madwarhom, filwaqt li l-​Mulej kien ordnalhom biex ma jagħmlux bħalhom.” (2 Slaten 17:15) Iva, matul is-​snin ħafna Iżraeliti pprattikaw l-​istess vizzji li kienu ġagħlu lil Alla jesiġi l-​qerda totali tal-​Kangħanin​—idolatrija, eċċessi sesswali, u saħansitra ssagrifikar taʼ tfal!​—Mħallfin 10:6; 2 Slaten 17:17; Ġeremija 13:27.

4, 5. (a) Xi ġralhom Iżrael u Ġuda li kienu żleali? (b) Liema tħeġġiġ jingħata f’Filippin 2:14, 15, u liema mistoqsijiet jitqajmu?

4 Il-​profeta Hosegħa għalhekk iddikjara: “Isimgħu l-​kelma tal-​Mulej, ulied Iżrael. Għax il-​Mulej għandu kawża man-​nies tal-​pajjiż. Għax m’hemmx fedeltà u lanqas tjieba; m’hemmx għarfien taʼ Alla fl-​art; ħalf u gideb, qtil u serq; u kotra taʼ adulterji, vjolenza [f]il-pajjiż, u delitt fuq ieħor. Għalhekk il-​pajjiż għad jibki, u jinfena kull min jgħammar fih; il-​bhejjem tax-​xagħri, u t-​tajr taʼ l-​ajru, u mqar il-​ħut ukoll jinqered.” (Hosegħa 4:​1-3) Fis-​sena 740 Q.E.K., is-​saltna korrotta taʼ Iżrael fit-​Tramuntana waqgħet taħt idejn l-​Assirja. Madwar seklu wara, is-​saltna żleali taʼ Ġuda fin-​Nofsinhar intrebħet minn Babilonja.

5 Dawn il-​ġrajjiet juru kemm jistaʼ jkun perikoluż li nħallu lilna nfusna nintrebħu mill-​vizzji. Alla jistmerr in-​nuqqas taʼ tjieba u m’huwiex se jittollerah fost il-​poplu tiegħu. (1 Pietru 1:14-16) Huwa veru li qegħdin ngħixu f’“din id-​dinja ħażina tallum,” f’dinja li qiegħda ssir dejjem iżjed korrotta. (Galatin 1:4; 2 Timotju 3:13) Minkejja dan, il-​Kelma t’Alla twiddeb lill-​Kristjani kollha biex jibqgħu jaġixxu b’tali mod li jkunu “nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin taʼ ħajja mgħawwġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-​dinja bħal kwiekeb.” (Filippin 2:14, 15) Imma kif nistgħu nżommu l-​virtù f’dinja mimlija vizzji? Huwa verament possibbli li tagħmel dan?

Id-​Dinja Rumana Mimlija Vizzji

6. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu għala ffaċċjaw sfida f’li jżommu l-​virtù?

6 Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ffaċċjaw l-​isfida taʼ li jżommu l-​virtù għaliex il-​vizzji kienu jiddominaw kull aspett tas-​soċjetà Rumana. Il-​filosfu Ruman Seneka qal dwar il-​kontemporanji tiegħu: “In-​nies jissaraw f’rivalità qawwija taʼ ħażen. Maʼ kull jum li jgħaddi x-​xewqa għall-​għemil ħażin tikber, il-​biżaʼ minnu jonqos.” Hu qabbel lis-​soċjetà Rumana maʼ “komunità taʼ bhejjem salvaġġi.” M’hijiex sorpriża, allura, li għad-​divertiment ir-​Rumani fittxew kompetizzjonijiet gladjatorjali sadistiċi u wirjiet teatrali oxxeni.

7. Pawlu kif iddeskriva l-​vizzji li kienu komuni fost ħafna fl-​ewwel seklu E.K.?

7 L-​appostlu Pawlu għandu mnejn kellu f’moħħu l-​imġiba baxxa tan-​nies fl-​ewwel seklu meta kiteb: “Alla telaqhom għal ġibdiet bla ġieħ. In-​nisa tagħhom bidlu l-​użu naturali fl-​użu kontra n-​natura; hekk ukoll l-​irġiel ħallew l-​użu naturali tal-​mara u xegħlu bil-​passjoni għal xulxin, rġiel maʼ rġiel, biex jagħmlu ħwejjeġ bla ġieħ; u bi ħlas taʼ dan jirċievu fihom infushom il-​ħlas li ħaqqhom ħtijiethom.” (Rumani 1:26, 27) Mogħtija għall-​ġiri wara xewqat maħmuġin tal-​laħam, is-​soċjetà Rumana saret mgħaddsa fil-​vizzji.

8. It-​tfal kif kienu taʼ spiss jiġu abbużati fis-​soċjetà Griega u f’dik Rumana?

8 L-​istorja ma tagħmilx ċar kemm kienet prevalenti l-​omosesswalità fost ir-​Rumani. Iżda, bla dubju, dawn kienu ġew influwenzati mill-​Griegi taʼ qabilhom, li fosthom kienet tiġi pprattikata b’mod mifrux. Kienet ħaġa komuni li rġiel akbar fl-​età jikkorrompu subjien żgħażagħ, billi jiħduhom taħt il-​ħarsien tagħhom f’relazzjoni taʼ student u għalliem b’mod li dan taʼ spiss wassal liż-​żgħażagħ għal imġiba sesswali mhix normali. Bla dubju, Satana u d-​demonji tiegħu kienu responsabbli għal dawn il-​vizzji u dan l-​abbuż fuq it-​tfal.—Ġoel 4:3 [Ġoel 3:3, NW]; Ġuda 6, 7.

9, 10. (a) L-​1 Korintin 6:9, 10 b’liema mod ikkundanna l-​vizzji taʼ kull xorta? (b) X’kien l-​isfond taʼ xi wħud fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu, u liema bidla seħħet fil-​każ tagħhom?

9 Hu u jikteb taħt ispirazzjoni divina, Pawlu qal lill-​Kristjani f’Korintu: “Ma tafux li l-​inġusti ma jirtuhiex is-​saltna taʼ Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la om[o]sesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-​nies, la ħattafa, ma jirtu s-​saltna taʼ Alla! U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-​isem taʼ Sidna Ġesù Kristu u fl-​Ispirtu taʼ Alla tagħna.”—1 Korintin 6:9-11.

10 L-​ittra mnebbħa taʼ Pawlu b’hekk ikkundannat l-​immoralità sesswali, billi qalet li ż-​“żienja” ma ‘jirtux is-​saltna t’Alla.’ Wara li semma lista taʼ vizzji, madankollu, Pawlu qal: “U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu.” Bil-​għajnuna t’Alla kien possibbli għal uħud li żbaljaw li jsiru ndaf f’għajnejh.

11. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kif kampaw fl-​ambjent mill-​agħar taʼ żmienhom?

11 Iva, il-​virtù Kristjana ffjorixxiet saħansitra fid-​dinja mimlija vizzji taʼ l-​ewwel seklu. Il-​kredenti kellhom ‘jinbidlu skond it-​tiġdid taʼ fehmiethom.’ (Rumani 12:2) Abbandunaw ‘il-​ħajja tagħhom taʼ qabel’ u ‘ġġeddu b’tibdila spiritwali tal-​fehma tagħhom.’ Huma b’hekk ħarbu mill-​vizzji tad-​dinja u ‘libsu l-​bniedem il-​ġdid, maħluq skond Alla, fil-​ġustizzja u l-​qdusija tassew.’—Efesin 4:22-24.

Id-​Dinja tal-​Lum Mimlija Vizzji

12. Liema bidla seħħet fuq id-​dinja mill-​1914 ’l hawn?

12 Xi ngħidu għal żmienna? Id-​dinja li ngħixu fiha tinsab maħkuma mill-​vizzji iżjed minn qatt qabel. B’mod speċjali mill-​1914 ’l hawn il-​morali globali qabdu t-​triq tan-​niżla. (2 Timotju 3:​1-5) Billi ċaħdu l-​ideat tradizzjonali dwar il-​virtù, il-​moralità, l-​unur, u l-​etika, ħafna saru egoċentriċi fil-​ħsieb tagħhom u “tilfu kull sentiment” morali. (Efesin 4:19) Il-​magazine Newsweek qal: “Qegħdin ngħixu f’era taʼ relattiviżmu morali,” u żied jgħid li l-​klima morali prevalenti “biddlet l-​ideat kollha dwar x’inhu tajjeb u ħażin għal kwistjonijiet taʼ gosti persunali, preferenza emozzjonali jew għażla kulturali.”

13. (a) Ħafna mid-​divertiment tal-​lum kif jippromwovi l-​vizzji? (b) Divertiment mhux xieraq liema effett ħażin jistaʼ jkollu fuq l-​individwu?

13 Bħal fl-​ewwel seklu, divertiment baxx hu komuni llum. It-​television, ir-​radju, il-​films, u l-​videos joħorġu ruxxmata sħiħa taʼ materjal ibbażat fuq is-​sess. Il-​vizzji nfiltraw saħansitra fin-​networks tal-​kompjuter. Skond studju universitarju, il-​pornografija tal-​kompjuter issa hi “waħda mill-​akbar (jekk mhux l-​akbar) modi taʼ rikreazzjoni taʼ dawk li jużaw in-​networks tal-​kompjuter.” X’inhuma l-​effetti taʼ dan kollu? Jgħid wieħed li jikteb fil-​gazzetta: “Meta l-​kultura popolari tagħna ssir mgħaddsa fit-​tixrid tad-​demm u t-​tkissir u s-​sess moqżież, dawn l-​affarijiet jindraw. Insiru indifferenti. Il-​perversità ssir iżjed u iżjed ittollerata għaliex xejn ma jibqaʼ jiskandalizzana.”—Qabbel 1 Timotju 4:1, 2.

14, 15. X’evidenza hemm li l-​moralità sesswali ddeterjorat mad-​dinja kollha?

14 Ikkunsidra dan ir-​rapport f’The New York Times: “Dak li kien meqjus skandaluż 25 sena ilu issa sar mod taʼ ħajja aċċettabbli. L-​għadd taʼ koppji li jagħżlu li jgħixu flimkien minflok ma jiżżewġu żdied bi 80 fil-​mija [fl-Istati Uniti] bejn l-​1980 u l-​1991.” Dan mhux sempliċement xi fenomenu taʼ l-​Amerka taʼ Fuq. Il-​magazine Asiaweek jirrapporta: “Dibattitu kulturali jinsab għaddej fl-​eqqel tiegħu f’pajjiżi maʼ l-​[Asja] kollha. Il-​kwistjoni hi libertà sesswali kontra valuri tradizzjonali, u l-​pressjonijiet lejn il-​bidla qegħdin jikbru b’mod mgħaġġel.” L-​istatistiċi juru li l-​adulterju u s-​sess qabel iż-​żwieġ qegħdin jiġu aċċettati dejjem iżjed f’ħafna pajjiżi.

15 Il-​Bibbja bassret li attività satanika kellha tkun intensa fi żmienna. (Apokalissi 12:12) M’għandux għalhekk jissorprendina li l-​vizzji huma prevalenti b’mod allarmanti. Per eżempju, l-​esplojtazzjoni sesswali tat-​tfal laħqet proporzjonijiet epidemiċi.a Il-​United Nations Children’s Fund jirrapporta li “esplojtazzjoni sesswali kummerċjali qiegħda tagħmel ħsara lil tfal fi kważi kull pajjiż tad-​dinja.” Kull sena “iktar minn miljun tifel u tifla mad-​dinja kollha hu rrapportat li jiġu sforzati għal prostituzzjoni tat-​tfal, ittraffikati u mibjugħa għal skopijiet sesswali, u wżati fil-​produzzjoni taʼ pornografija tat-​tfal.” L-​omosesswalità hi wkoll komuni, u xi politikanti u mexxejja reliġjużi huma minn taʼ quddiem f’li jirriklamawha bħala “stil taʼ ħajja alternattiv.”

Nirrifjutaw il-​Vizzji tad-​Dinja

16. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah x’waqfa jieħdu rigward il-​moralità sesswali?

16 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jingħaqdux biex isemmgħu leħinhom maʼ dawk li japprovaw livelli permissivi taʼ moralità sesswali. Jgħid Titu 2:11, 12: “Għax dehret il-​grazzja taʼ Alla, għas-​salvazzjoni lill-​bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-​ħażen u l-​ġibdiet tad-​dinja, biex ngħixu bir-​rażna u l-​ġustizzja u t-​tjieba f’dan iż-​żmien.” Iva, nikkultivaw mibegħda vera, stmerrija, lejn vizzji bħalma huma sess qabel iż-​żwieġ, adulterju, u atti omosesswali.b (Rumani 12:9; Efesin 5:3-5) Pawlu ħeġġeġ: “Ħa jitwarrab mill-​ħażen kull min isejjaħ isem il-​Mulej.”—2 Timotju 2:19.

17. Il-​Kristjani veri kif iqisuh l-​użu taʼ xorb alkoħoliku?

17 Il-​veri Kristjani jirrifjutaw il-​ħarsa tad-​dinja dwar vizzji li jidhru żgħar. Per eżempju, ħafna nies illum iqisu l-​abbuż taʼ l-​alkoħol bħala li m’hu xejn. Imma n-​nies taʼ Jehovah jagħtu kas tal-​parir f’Efesin 5:18: “Tiskrux bl-​inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda mtlew bl-​Ispirtu.” Jekk Kristjan jagħżel li jixrob, dan jagħmlu bil-​moderazzjoni.—Proverbji 23:29-32.

18. Il-​prinċipji Bibliċi kif jiggwidaw lill-​qaddejja taʼ Jehovah fil-​mod kif jittrattaw lill-​membri tal-​familja?

18 Bħala qaddejja taʼ Jehovah, nirrifjutaw ukoll il-​ħarsa taʼ xi wħud fid-​dinja li jqisu l-​għajat u t-​twerżiq mas-​sieħeb jew is-​sieħba u mat-​tfal tagħhom jew it-​tagħjir bi kliem li jweġġaʼ bħala mġiba aċċettabbli. B’determinazzjoni li jsusu wara korsa virtuża, Kristjani li huma rġiel u nisa miżżewġin jaħdmu flimkien biex japplikaw il-​parir taʼ Pawlu: “Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.”—Efesin 4:31, 32.

19. Il-​vizzji kemm huma prevalenti fid-​dinja tan-​negozju?

19 Diżonestà, frodi, gideb, tattiċi brikkuni tan-​negozju, u serq ukoll huma komuni llum. Artiklu fil-​magazine tal-​kummerċ CFO jirrapporta: “Stħarriġ fost 4,000 ħaddiem . . . sab li 31 fil-​mija minn dawk mistħarrġa kienu raw b’għajnejhom ‘kondotta ħażina serja’ matul is-​sena taʼ qabel.” Din il-​kondotta ħażina kienet tinkludi gideb, iffalsifikar taʼ dokumenti, inbix sesswali, u serq. Jekk irridu nibqgħu ndaf moralment f’għajnejn Jehovah, irridu nevitaw kondotta bħal din u nkunu onesti fil-​kuntatti finanzjarji tagħna.—Mikea 6:10, 11.

20. Il-​Kristjani għala għandhom bżonn ikunu ħielsa mir-​“rebgħa għall-​flus”?

20 Ikkunsidra xi ġralu wieħed raġel li immaġina li kien se jkollu iżjed ħin għas-​servizz t’Alla jekk jagħmel qligħ konsiderevoli f’intrapriża finanzjarja. Daħħal oħrajn fi skema taʼ investiment billi esaġera bil-​kbir il-​profitti prospettivi tagħhom. Meta dawn ma rnexxewx, tant sar anzjuż biex ikopri t-​telfiet enormi kkaġunati li seraq il-​flus li kienu ġew fdati lilu. Minħabba l-​azzjonijiet u l-​attitudni mhix niedma tiegħu, ġie maqtugħ mis-​sħubija mill-​kongregazzjoni Kristjana. Hija tabilħaqq vera t-​twissija tal-​Bibbja: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien. Għax ir-​rebgħa għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-​rebgħa li xi wħud ħarġu barra mit-​triq tal-​fidi u nfnew b’niket kbir.”—1 Timotju 6:9, 10.

21. Liema mġiba hi komuni fost nies fil-​poter fid-​dinja, imma kif għandhom iġibu ruħhom dawk f’pożizzjonijiet responsabbli fil-​kongregazzjoni Kristjana?

21 Nies dinjin taʼ poter u influwenza taʼ spiss huma neqsin mill-​virtù u juru kemm hu veru l-​kliem, ‘Il-​poter jikkorrompi.’ (Koħèlet 8:9) F’xi pajjiżi, it-​tixħim u għamliet oħra taʼ korruzzjoni huma mod taʼ ħajja fost imħallfin, pulizija, u politikanti. Madankollu, dawk li qegħdin imexxu fil-​kongregazzjoni Kristjana għandhom ikunu virtużi u m’għandhomx jiddominaw fuq oħrajn. (Luqa 22:25, 26) L-​anzjani, kif ukoll il-​qaddejja ministerjali, ma jaqdux “għall-​qligħ baxx.” Iridu jkunu ħielsa minn kwalunkwe attentat li jgħawġu jew jinfluwenzaw il-​ġudizzju tagħhom minħabba l-​prospett taʼ xi stagħnar persunali.—1 Pietru 5:2; Eżodu 23:8; Proverbji 17:23; 1 Timotju 5:21.

22. X’se jiddiskuti l-​artiklu li jmiss?

22 Fil-​parti l-​kbira tagħhom, il-​Kristjani qegħdin jilqgħu b’suċċess l-​isfida taʼ żmienna biex iżommu l-​virtù f’din id-​dinja mimlija vizzji. Iżda, il-​virtù tinvolvi iżjed milli sempliċement nevitaw il-​ħażen. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti x’jirrikjedi verament li aħna nikkultivaw il-​virtù.

(w97 7/15)

[Noti taʼ taħt]

a Ara s-​serje “Protect Your Children!” (Ipproteġi Lil Uliedek!), li dehret fl-​Awake! tat-​8 t’Ottubru, 1993.

b Dawk li ħadu sehem f’atti omosesswali fil-​passat jistgħu jagħmlu bidliet fl-​imġiba tagħhom, sewwa sew bħalma għamlu xi wħud fl-​ewwel seklu. (1 Korintin 6:11) Informazzjoni t’għajnuna ġiet ippreżentata fl-​Awake! tat-​22 taʼ Marzu, 1995, paġni 21-3.

Punti Għal Reviżjoni

◻ Jehovah għala esiġa l-​qerda totali tal-​Kangħanin?

◻ Liema vizzji kienu komuni fl-​ewwel seklu, u l-​Kristjani kif kampaw f’ambjent bħal dak?

◻ X’evidenza hemm li d-​dinja mill-​1914 ’l hawn rat il-​morali globali jaqbdu t-​triq tan-​niżla?

◻ In-​nies taʼ Jehovah liema vizzji komuni għandhom jirrifjutaw?

[Stampa f’paġna 9]

Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu kienu virtużi, minkejja li kienu jgħixu f’dinja mimlija vizzji

[Stampa f’paġna 10]

Il-​vizzji nfiltraw saħansitra fin-​networks tal-​kompjuter, u b’hekk jagħtu aċċess għal materjal pornografiku lil ħafna żgħażagħ u oħrajn

[Stampa f’paġna 12]

Il-​Kristjani għandhom iżommu l-​virtù, billi ma jimitawx it-​tattiċi diżonesti t’oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja