Kif Nistgħu Nikkultivaw il-Virtù
DIZZJUNARJI moderni jagħtu d-definizzjoni tal-kelma “virtù” bħala “eċċellenza morali; tjubija.” Hija “mġiba korretta u ħsieb korrett; karattru tajjeb.” Il-lessikografu Marvin R. Vincent jgħid li s-sens oriġinali u klassiku tal-kelma Griega tradotta “virtù” jindika “eċċellenza taʼ kull xorta.” Mhux taʼ b’xejn, allura, li kwalitajiet bħalma huma l-prudenza, il-kuraġġ, ir-rażna, il-ġustizzja, il-mogħdrija, il-perseveranza, l-onestà, l-umiltà, u l-lealtà ġew meqjusin bħala virtujiet f’xi żmien jew ieħor. Il-virtù ngħatat id-definizzjoni wkoll bħala “qbil maʼ livell taʼ korrettezza.”
Mal-livell taʼ min għandna naqblu f’dik li hi eċċellenza, tjubija, u korrettezza? “Skond il-fehma dominanti tal-filosofija morali,” qalet ir-rivista Newsweek, “ix-xettiċiżmu li żviluppa mit-Tidwil irriduċa l-ideat kollha dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għal kwistjoni taʼ gosti persunali, preferenza emozzjonali jew għażla kulturali.” Imma huma s-sempliċi gosti jew preferenzi mod sodisfaċenti taʼ kif wieħed jiddetermina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin? Le. Biex nikkultivaw il-virtù, għandna bżonn livell taʼ min joqgħod fuqu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin—livell li bih ċertu att, attitudni, jew kwalità tkun tistaʼ tiġi ġudikata li hija tajba jew ħażina.
L-Uniku Sors Veru għal-Livelli Morali
L-uniku Sors veru għal-livelli morali huwa Alla Jehovah, il-Ħallieq taʼ l-umanità. Malli ħalaq l-ewwel bniedem, Adam, Alla Jehovah tah dan il-kmand: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Alla Jehovah ta lis-siġra dan l-isem uniku biex jindika d-dritt esklużiv tiegħu li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għall-ħlejjaq tiegħu. Il-livelli t’Alla dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin b’hekk saru l-bażi li fuqha jiġu ġudikati, jew kunsidrati, l-għemejjel, id-dehra, u l-karatteristiċi tal-personalità taʼ dak li jkun. Mingħajr dawn il-livelli ma stajniex niddistingwu b’mod korrett it-tajjeb mill-ħażin.
Il-kmand dwar is-siġra tat-tagħrif tat-tajjeb u tal-ħażin poġġielhom għażla quddiemhom lil Adam u Eva—jew jobdu jew ma jobdux. Għalihom, il-virtù kienet tfisser ubbidjenza lejn dan il-kmand. Maż-żmien, Jehovah kompla jirrivela x’jogħġbu u x’ma jogħġbux, u dan iddokumentah għalina fil-Bibbja. Għalhekk, biex nikkultivaw il-virtù rridu naqblu mal-livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah kif miktubin fl-Iskrittura.
Sir Midħla bis-Sħiħ tal-Livelli t’Alla
Ladarba Alla Jehovah ddetermina l-livelli taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u rrivelahom fil-Bibbja, m’għandniex aħna nsiru midħla bis-sħiħ tagħhom? L-appostlu Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.”—2 Timotju 3:16, 17.
Per eżempju, ikkunsidra n-nuqqas taʼ ftehim li ħabbat wiċċu miegħu Kunihito, imsemmi fl-artiklu taʼ qabel, meta wera l-modestja kif kienet tifhimha l-kultura tiegħu. Iktar tard, ħarsa iktar mill-qrib lejn il-livelli Skritturali għenitu juri attitudni iktar bilanċjata. Il-Bibbja ċertament li tinkuraġġixxi l-modestja, u twissi kontra li wieħed ikun kunfidenti żżejjed u prużuntuż. (Proverbji 11:2; Mikea 6:8) Madankollu, meta kien qed iniżżel il-kwalifiki għal “kariga taʼ indokratur,” l-appostlu Pawlu tkellem dwar li wieħed “jirsisti” għal dak il-privileġġ. (1 Timotju 3:1, NW) Meta wieħed “jirsisti” ma jridx jagħmel dan bi ftaħir jew prużunzjoni imma lanqas ma jrid iċekken lilu nnifsu bla bżonn.
X’tgħid il-Bibbja dwar li nuru eċċellenza morali fil-qasam tan-negozju? Illum, hija ħaġa komuni fid-dinja tan-negozju li wieħed juża metodi dubjużi jew iqarraq f’dawk li huma regolamenti tal-gvern u liġijiet tat-taxxa. Madankollu, hu x’inhu li jagħmel ħaddieħor, il-livell tal-Bibbja huwa li “nġibu ruħna sewwa f’kollox.” (Lhud 13:18) Għaldaqstant, aħna nikkultivaw il-virtù billi nkunu onesti u imparzjali maʼ min iħaddem, maʼ l-impjegati, mal-klijenti, u mal-gvernijiet sekulari. (Dewteronomju 25:13-16; Rumani 13:1; Titu 2:9, 10) L-onestà ċertament li tinkuraġġixxi fiduċja u rieda tajba. U li npoġġu fil-kitba dak li niftehmu dwaru spiss jiskansana min-nuqqas taʼ ftehim u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jqumu minħabba “l-ġrajja mhix mistennija.”—Koħèlet 9:11, NW; Ġakbu 4:13, 14.
Il-kwistjoni taʼ l-ilbies u d-dehra tagħna hija aspett ieħor li fih jeħtieġ li nikkultivaw il-virtù. L-għażla f’dak li hu lbies tvarja skond il-kultura, u l-pressjoni tistaʼ tkun qawwija biex dak li jkun jiġi mħajjar iżomm maʼ l-aħħar stili u moda. Imma għala għandna nsegwu kull moda li toħroġ? Il-Bibbja twissina biex ma ‘nimxux max-xejra taʼ din id-dinja.’ (Rumani 12:2) Minflok ma ħoloq xi regoli, l-appostlu Pawlu kiteb taħt ispirazzjoni: “Nixtieq li n-nisa jiżżejjnu bi lbies xieraq, bil-modestja u bl-għaqal, mhux b’xagħarhom midfur, anqas bid-deheb jew ġawhar jew ilbies lussuż, imma bl-għemil it-tajjeb, kif jixraq lil nisa li jridu jkunu twajbin.” (1 Timotju 2:9, 10) Dan il-livell bażiku japplika kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. M’għandniex xi ngħidu, hemm il-wisaʼ għal varjetà mill-isbaħ f’dak li hu stil bħala riżultat tal-preferenza kulturali jew gost persunali.
Il-Bibbja tidentifika wkoll il-prattiċi immorali li huma kundannati b’mod ċar minn Alla. Fl-1 Korintin 6:9, 10 naqraw din it-twissija: “Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna taʼ Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effemminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna taʼ Alla!” Maria, li ssemmiet qabel, ġiet megħjuna minn din l-iskrittura biex tara li skond il-livell t’eċċellenza morali stabbilit mill-Ħallieq, ir-relazzjoni li kellha maʼ Juan kienet ħażina u kellha ttemmha jekk riedet li jkollha l-approvazzjoni t’Alla. Jidher ċar li biex nikkultivaw il-virtù rridu nsiru familjari bis-sħiħ mal-livelli taʼ Jehovah.
Itgħallem Permezz tal-Qalb
Il-virtù m’hijiex li wieħed jevita b’mod passiv dak li hu ħażin. Għandha qawwa morali. Persuna virtuża għandha t-tjubija. Ċertu professur jgħid li wieħed irid jitgħallem il-virtù permezz tal-qalb kif ukoll permezz tal-moħħ. Allura, li tikkultiva l-virtù jinkludi iktar milli tkun midħla bis-sħiħ tal-Kelma t’Alla. Jirrikjedi meditazzjoni fuq dak li hemm miktub sabiex qlubna jimtlew bi gratitudni lejn Jehovah u aħna nitqanqlu biex napplikaw il-prinċipji Skritturali f’ħajjitna.
“Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!” esklama s-salmista. “Il-jum kollu ħsiebi fiha.” (Salm 119:97) U s-Sultan David kiteb: “Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, naħseb f’kull ma int [Alla] għamilt, għemil idejk dejjem fi ħsiebi.” (Salm 143:5) Aħna wkoll għandna nagħmlu l-meditazzjoni bit-talb bħala parti integrali mill-istudju tagħna tal-Bibbja u tal-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja.
Huwa veru li jistaʼ jkun taʼ sfida li ssib il-ħin biex tistudja bir-reqqa u toqgħod timmedita fuq dak li studjajt. Imma li ssus wara l-virtù jirrikjedi li nixtru l-ħin minn attivitajiet oħrajn. (Efesin 5:15, 16) Aaron, li għandu 24 sena, jixtri dan il-ħin kuljum billi jqum nofs siegħa iktar kmieni milli kien iqum qabel. Hu jirrakkonta: “Għall-ewwel, kont inqattaʼ n-nofs siegħa sħiħa naqra l-Bibbja biss. Kien biss dan l-aħħar li rrealizzajt kemm hi importanti l-meditazzjoni. Għalhekk, issa nuża nofs dak il-ħin biex noqgħod naħseb fuq is-silta li nkun għadni kif qrajt. Dan ippremjani verament.” Il-meditazzjoni tistaʼ ssir f’ħinijiet oħrajn. F’melodija lil Jehovah, David kanta: “Naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.” (Salm 63:7 [63:6, NW]) U l-Bibbja tirrakkonta: “Iżakk . . . ħareġ [“jimmedita,” Karm Żammit] fir-rabaʼ għall-ħabta taʼ filgħaxija.”—Ġenesi 24:63.
Il-meditazzjoni hija imprezzabbli biex nikkultivaw il-virtù, għax tgħinna nħossu dak li jħoss Jehovah u jkollna l-istess ħarsa tiegħu. Per eżempju, Maria kienet taf li Alla jipprojbixxi l-fornikazzjoni. Imma biex ‘ma taħmilx il-ħażen u żżomm mat-tajjeb,’ kellha bżonn timmedita fuq siltiet Bibliċi fundamentali. (Rumani 12:9) Hi ġiet megħjuna tara li kellha bżonn tagħmel xi bidliet wara li qrat Kolossin 3:5, li jħeġġiġna biex ‘immewtu ġo fina dak kollu li hu taʼ l-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba.’ Maria kellha tistaqsi lilha nfisha: ‘X’tip taʼ ġibdiet irrid immewwet? X’għandi nevita li jistaʼ jqajjem xewqat maħmuġin? Hemm xi bidliet li jeħtieġli nagħmel fil-mod kif nittratta lil dawk tas-sess oppost?’
Il-meditazzjoni tinkludi li tikkunsidra r-riżultat taʼ xi azzjoni li tkun għamilt. Pawlu jħeġġeġ lill-Kristjani biex jitbegħdu miż-żína u jeżerċitaw ir-rażna sabiex “ħadd ma . . . jagħmel tort jew ħsara lil ħuh.” (1 Tessalonikin 4:3-7) Mistoqsijiet tajbin biex nimmeditaw fuqhom huma dawn: ‘Xi ħsara se nagħmel lili nnifsi, lill-familja tiegħi, jew lil oħrajn billi nagħmel dan l-att? Kif se niġi effettwat spiritwalment, emozzjonalment, u fiżikament? Xi ġralhom dawk li kisru l-liġi t’Alla fil-passat?’ Kontemplazzjoni bħal din kompliet isaħħaħ qalb Maria, u lilna tistaʼ tagħmlilna l-istess.
Itgħallem mill-Eżempji
Tistaʼ l-virtù tiġi mgħallma fi klassi? Din il-mistoqsija ħawdet lill-filosfi għal millennji sħaħ. Platun, il-filosfu Grieg, kien taʼ l-idea li tistaʼ tiġi mgħallma. Mill-banda l-oħra, Aristotele rraġuna li l-virtù tinkiseb permezz tal-prattika. Wieħed ġurnalist ġabar fil-qosor dan id-dibattitu dwar il-kwistjoni b’dan il-mod: “Fil-qasir, l-etika tal-virtù ma tistax tiġi mgħallma waħedha. Lanqas ma tistaʼ tiġi mgħallma minn fuq il-kotba. Karattru tajjeb jirriżulta milli wieħed jgħix fil-komunitajiet . . . fejn il-virtù tiġi inkuraġġita u premjata.” Imma fejn nistgħu nsibu individwi li huma verament virtużi? Waqt li l-biċċa l-kbira tal-kulturi joffru xi eżempji f’dik li hi virtù, għallinqas fl-eroj u fl-istejjer mitoloġiċi tagħhom, il-Bibbja fiha abbundanza t’eżempji veri.
L-iktar eżempju li jispikka f’dik li hi virtù huwa Jehovah. Hu dejjem jaġixxi b’mod virtuż u jagħmel dak li hu taʼ tjieba u tajjeb. Aħna nistgħu nikkultivaw il-virtù billi nsiru ‘nixbhu lil Alla.’ (Efesin 5:1) U l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, ‘ħallielna eżempju biex nimxu fuq il-passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) Iktar minn hekk, il-Bibbja fiha rakkonti dwar ħafna individwi leali, bħal Abraham, Sarah, Ġużeppi, Rut, Ġob, u Danjel u t-tliet imseħbin Ebrej tiegħu. Ukoll, m’għandniex ninjoraw l-eżempji taʼ virtù fost il-qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna.
Nistgħu Nirnexxu
Nistgħu aħna nirnexxu tassew f’li nagħmlu dak li hu virtuż f’għajnejn Alla? Billi writna l-imperfezzjoni, kultant tistaʼ tfaqqaʼ ġewwa fina battalja feroċi bejn il-moħħ u l-ġisem—bejn li nkunu rridu nagħmlu dak li hu virtuż u li nsegwu t-tendenzi midinbin tagħna. (Rumani 5:12; 7:13-23) Imma l-battalja tistaʼ tintrebaħ bl-għajnuna t’Alla. (Rumani 7:24, 25) Jehovah pprovda l-Kelma tiegħu u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. Jekk nistudjaw l-Iskrittura bir-reqqa u nimmeditaw fuqha bit-talb, jistaʼ jkollna qalb safja. Minn din il-qalb safja jistgħu joħorġu ħsibijiet, kliem, u azzjonijiet virtużi. (Luqa 6:45) Billi nibbażaw fuq l-eżempji t’Alla Jehovah u taʼ Ġesù Kristu, nistgħu nibnu personalità li togħġob lil Alla. U ċertament li nistgħu nitgħallmu ħafna minn individwi li llum qegħdin jaqdu lealment lil Alla.
L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-qarrejja tiegħu biex ikomplu ‘jaħsbu’ fil-virtù u f’affarijiet oħrajn li jixirqilhom it-tifħir. Jekk nagħmlu dan, żgur li se jirriżulta f’li jkollna l-barka t’Alla. (Filippin 4:8, 9) Bl-għajnuna taʼ Jehovah nistgħu nirnexxu f’li nikkultivaw il-virtù.
[Stampa f’paġna 6]
Agħmel il-meditazzjoni parti mill-istudju tiegħek tal-Bibbja
[Stampa f’paġna 7]
Ibni personalità li togħġob lil Alla billi timita lil Kristu Ġesù