Il-Festi tal-Ħsad Jogħġbuh Lil Alla?
FROTT li jgħaxxqek, ħaxix li jpaxxik, u ħemel taʼ qamħ frisk f’munzelli kbar joffru stampa li tpaxxi l-għajnejn. Fi żmien il-ħsad wirjiet bħal dawn isebbħu l-artali u l-pulpti tal-knejjes madwar l-Ingilterra kollha. Fl-Ewropa, bħal fi kwalunkwe post ieħor, ċelebrazzjonijiet numerużi jimmarkaw kemm il-bidu u kemm it-tmiem taʼ l-istaġun tal-ħsad.
Dawk li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq il-ħamrija huma grati b’mod speċjali għal dak li tipproduċi l-art. Tabilħaqq, Alla esiġa min-nazzjon taʼ Iżrael tal-qedem biex jiċċelebra tliet festi annwali li kienu assoċjati mill-qrib mal-ħsad. Fil-bidu tar-Rebbiegħa, matul il-Festa taʼ l-Ażżmi, l-Iżraeliti kienu jippreżentaw lil Alla qatta mill-ewwel frott tal-ħsad tax-xgħir. Fil-Festa tal-Ġimgħat (jew, Pentekoste) lejn tmiem ir-Rebbiegħa, kienu joffru ħbejżiet magħmulin mill-ewwel frott tal-ħsad tal-qamħ. Fil-Ħarifa kienet issir il-Festa taʼ l-Għerejjex, li kienet timmarka t-tmiem tas-sena agrikola taʼ Iżrael. (Eżodu 23:14-17) Dawn il-festi kienu “festi tal-Mulej” u żminijiet taʼ ferħ.—Levitiku 23:2; Dewteronomju 16:16.
Xi ngħidu, mela, għaċ-ċelebrazzjonijiet moderni tal-ħsad? Jogħġbuh dawn lil Alla?
Konnessjonijiet Pagani
Inkwetat min-natura sekulari tal-bankett taʼ żmien il-ħsad tradizzjonali u s-sokor assoċjat maċ-ċelebrazzjoni, membru tal-kleru Anglikan ġewwa Cornwall, l-Ingilterra, fl-1843 iddeċieda li jerġaʼ jqajjem tradizzjoni medjevali tal-ħsad. Ħa xi ftit mill-ewwel qamħ maħsud u minnu għamel ħobż għaċ-ċelebrazzjoni tat-tqarbin fil-knisja tiegħu. Billi għamel hekk, hu għamel tifkira tal-festa taʼ Lammas—ċelebrazzjoni “Kristjana” li xi wħud jgħidu li kellha l-oriġini tagħha mal-qima tal-qedem taʼ l-alla Ċeltiku Lugh.a B’hekk, il-festa Anglikana moderna tal-ħsad għandha oriġini pagana.
Xi ngħidu dwar ċelebrazzjonijiet oħrajn li jsiru fit-tmiem taʼ l-istaġun tal-ħsad? Skond l-Encyclopædia Britannica, ħafna mid-drawwiet li jimmarkaw dawn iċ-ċelebrazzjonijiet imorru lura għall-oriġini tagħhom tat-“twemmin animistiku fl-ispirtu tal-qamħa jew il-qamħa omm.” F’xi reġjuni l-bdiewa kienu jemmnu li spirtu kien jgħix fl-aħħar faxx tal-qamħ li jiġi maħsud. Biex ikeċċu l-ispirtu ’l barra, kienu jsabbtu l-faxx maʼ l-art u jsawtuh biz-zkuk sa ma toħroġ l-aħħar qamħa miz-zokk. F’postijiet oħrajn kienu jinsġu xi ftit mill-weraq tawwali taċ-ċereali f’“pupa tal-qamħ” li kienu jżommuha f’post taʼ sigurtà biex ikollhom “xorti tajba” sakemm jiżirgħu ż-żrieragħ tas-sena taʼ wara. Imbagħad kienu jaħartu l-isbul tal-qamħ lura fil-ħamrija bit-tama li dan kien se jbierek iż-żaraʼ l-ġdid.
Xi leġġendi jassoċjaw żmien il-ħsad mal-qima taʼ l-alla Babilonjan Tammuz, sieħeb l-alla mara tal-fertilità Ixtar. Il-qtugħ tas-sbula misjurin kien parallel mal-mewta qabel żmienha taʼ Tammuz. Leġġendi oħrajn saħansitra jagħmlu konnessjoni bejn żmien il-ħsad u s-sagrifiċċju uman—prattika li Alla Jehovah jobgħod.—Levitiku 20:2; Ġeremija 7:30, 31.
X’Inhi L-Ħarsa T’Alla?
It-trattar t’Alla maʼ Iżrael tal-qedem juri b’mod ċar li Jehovah, il-Ħallieq u s-Sors tal-ħajja, esiġa devozzjoni esklussiva mill-adoraturi tiegħu. (Salm 36:9; Naħum 1:2) Fi żmien il-profeta Eżekjel, il-prattika tal-biki għall-alla Tammuz kienet ‘għarukaża kbira’ f’għajnejn Jehovah. Din, flimkien maʼ riti reliġjużi foloz oħrajn, ġagħlu lil Alla jagħlaq widnejh għat-talb taʼ dawk l-adoraturi foloz.—Eżekjel 8:6, 13, 14, 18.
Agħmel kuntrast bejn dan u l-istruzzjoni li Alla Jehovah ta lil Iżrael biex josservaw in konnessjoni mal-ħsad. Fil-Festa taʼ l-Għerejjex, l-Iżraeliti kellhom assemblea solenni li matulha żgħar u kbar, għonja u fqar, għexu f’tined temporanji mżejnin bil-weraq kbar taʼ siġar sbieħ ferm. Dan kien żmien taʼ ferħ kbir għalihom, imma kien ukoll żmien biex jirriflettu fuq il-ħelsien li Alla kien ta lil missirijiethom fiż-żmien taʼ l-Eżodu mill-Eġittu.—Levitiku 23:40-43.
Matul il-festi taʼ l-Iżraeliti, offerti kienu jiġu ppreżentati lil Jehovah, l-uniku Alla veru. (Dewteronomju 8:10-20) Rigward it-twemmin animistiku li ssemma qabel, il-Bibbja mkien ma titkellem dwar prodotti, bħalma huma l-faxxi tal-qamħ, bħala li għandhom ruħ.b U l-Iskrittura turi b’mod ċar li l-idoli m’għandhomx ħajja, u ma jistgħux jitkellmu, jaraw, jisimgħu, ixommu, iħossu, jew joffru xi għajnuna lill-adoraturi tagħhom.—Salm 115:5-8; Rumani 1:23-25.
Il-Kristjani llum m’humiex taħt il-patt tal-Liġi li Alla kkonkluda mal-ġens taʼ Iżrael tal-qedem. Tabilħaqq, Alla ‘neħħieha min-nofs u sammarha maz-zokk tat-tortura’ taʼ Ġesù. (Kolossin 2:13, 14) Il-qaddejja taʼ Jehovah taʼ żmienna jgħixu bil-“liġi taʼ Kristu” u jwieġbu b’apprezzament għal dak kollu li jipprovdi Alla.—Galatin 6:2.
L-appostlu Pawlu stqarr b’mod ċar li l-festi tal-Lhud kienu “dell tal-ħwejjeġ li għandhom jiġu,” u żied, “imma r-realtà hija Kristu.” (Kolossin 2:16, 17) B’riżultat taʼ dan, il-Kristjani veri jaċċettaw ir-raġunar Skritturali: “Is-sagrifiċċju li joffru l-pagani, lid-demonji joffruhom u mhux lil Alla. . . . Ma tistgħux tixorbu x-xorb tal-Mulej u x-xorb tad-demonji.” (1 Korintin 10:20, 21) Iktar minn hekk, il-Kristjani jobdu d-direttiva biex ma ‘jmissux l-imniġġes.’ Għandhom il-festi tal-ħsad fl-inħawi tiegħek konnotazzjonijiet reliġjużi pagani jew foloz? Jekk inhu hekk, Kristjani ġenwini jistgħu jevitaw li ma jogħġbux lil Jehovah billi ma jinvolvu ruħhom bl-ebda mod f’qima kkontaminata bħal din.—2 Korintin 6:17.
Meta iben li japprezza jirċievi rigal mingħand missieru, lil min jirringrazzja? Lil xi wieħed stranġier jew lill-ġenitur tiegħu? Permezz taʼ talb mill-qalb l-adoraturi t’Alla jirringrazzjaw kuljum lil Jehovah, Missierhom tas-smewwiet, għall-ġenerożità abbundanti tiegħu.—2 Korintin 6:18; 1 Tessalonikin 5:17, 18. (w97 9/15)
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma “Lammas” hija meħuda minn kelma Ingliża antika li tfisser “quddiesa tal-ħobż.”
b Insight on the Scriptures jistqarr: “Neʹphesh (ruħ) m’hijiex użata b’referenza għall-ħolqien tal-ħajja veġitali fit-tielet ‘jum’ tal-ħolqien (Ġe 1:11-13) jew wara, ladarba l-ħaxix ma fihx demm.”—Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.