Il-Kelma tal-Mulej Tibqaʼ Għal Dejjem
“Iżda l-kelma tal-Mulej tibqaʼ għal dejjem.”—ISAIJA 40:8.
1. (a) Il-“kelma tal-Mulej” xi tfisser hawnhekk? (b) Il-wegħdi tal-bnedmin liema paragun għandhom mal-kelma t’Alla?
IL-BNEDMIN għandhom it-tendenza li jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-wegħdi taʼ rġiel u nisa prominenti. Imma jkunu kemm ikunu attraenti dawn il-wegħdi għan-nies li jixxennqu għal titjib fil-mod taʼ ħajja tagħhom, dawn huma bħal fjuri li qegħdin jidbielu meta jiġu pparagunati mal-kelma t’Alla tagħna. (Salm 146:3, 4) Iktar minn 2,700 sena ilu, Alla Jehovah nebbaħ lill-profeta Isaija biex jikteb: “Kull bniedem ħaxix, u sbuħitu bħal ward ir-rabaʼ. . . . Il-ħaxix jinxef, u l-ward jidbiel, iżda l-kelma tal-Mulej tibqaʼ għal dejjem.” (Isaija 40:6, 8) X’inhi dik il-“kelma” li tibqaʼ għal dejjem? Hija l-istqarrija t’Alla dwar l-iskop tiegħu. Illum għandna dik il-“kelma” mniżżla bil-miktub fil-Bibbja.—1 Pietru 1:24, 25.
2. Jehovah minkejja liema attitudnijiet u azzjonijiet wettaq kelmtu rigward Iżrael u Ġuda tal-qedem?
2 In-nies li kienu jgħixu fi żmien Iżrael tal-qedem esperjenzaw il-verità taʼ dak li kiteb Isaija. Permezz tal-profeti tiegħu Jehovah bassar li, minħabba l-infedeltà sfiqa lejh, kellhom jittieħdu fl-eżilju, l-ewwel is-saltna taʼ l-għaxar tribujiet taʼ Iżrael u mbagħad is-saltna taż-żewġ tribujiet taʼ Ġuda. (Ġeremija 20:4; Għamos 5:2, 27) Għalkemm ippersegwitaw, u saħansitra qatlu, lill-profeti taʼ Jehovah, ħarqu r-romblu li kien fih il-messaġġ taʼ twissija mingħand Alla, u talbu lill-Eġittu għall-għajnuna militari biex jgħinhom jeħilsu mit-twettiq tagħha, il-kelma taʼ Jehovah ma fallietx. (Ġeremija 36:1, 2, 21-24; 37:5-10; Luqa 13:34) Barra minn hekk, il-wegħda t’Alla biex jirrestawra fdal Lhudi niedem lejn arthom kellha twettiq rimarkevoli.—Isaija kapitlu 35.
3. (a) Liema wegħdi ddokumentati minn Isaija huma taʼ interess speċjali għalina? (b) Għala tinsab konvint li dawn l-affarijiet verament se jseħħu?
3 Permezz taʼ Isaija, Jehovah bassar ukoll tmexxija taʼ tjieba fuq l-umanità permezz tal-Messija, ħelsien mid-dnub u l-mewt, u l-ittrasformar taʼ l-art għal ġo ġenna. (Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7, NW]; 11:1-9; 25:6-8; 35:5-7; 65:17-25) Anki dawn l-affarijiet se jseħħu? Bla ebda dubju taʼ xejn! “Alla . . . ma jigdibx.” Hu ġiegħel li l-kelma profetika tiegħu tiġi ddokumentata għall-benefiċċju tagħna, u aċċerta ruħu li din tiġi ppreservata.—Titu 1:2; Rumani 15:4.
4. Avolja l-manuskritti oriġinali tal-Bibbja ma ġewx ippreservati, kif inhu minnu li l-kelma t’Alla hija “ħajja”?
4 Jehovah ma ppreservax il-manuskritti oriġinali li fihom il-kittieba tiegħu tal-qedem kitbu dawk il-profeziji. Imma l-“kelma” tiegħu, l-iskop iddikjarat tiegħu, tat prova li hija kelma ħajja. Dak l-iskop miexi ’l quddiem b’mod irreżistibbli, u hekk kif jagħmel dan, jibdew joħorġu fil-beraħ il-ħsibijiet ġewwinija u l-motivazzjonijiet taʼ nies li ħajjithom tiġi effettwata minnha. (Lhud 4:12) Barra minn hekk, l-iddokumentar storiku juri li l-preservazzjoni u t-traduzzjoni taʼ l-Iskrittura mnebbħa nfisha twettqu permezz tal-provvidenza divina.
Meta Ffaċċjata B’Attentati Biex Joħonquha
5. (a) Liema sforz sar minn sultan Sirjan biex jeqred l-Iskrittura Ebrajka imnebbħa? (b) Għala fallielu?
5 F’iktar minn okkażjoni waħda, xi ħakkiema għamlu minn kollox biex jeqirdu l-kitbiet imnebbħin. Fis-sena 168 Q.E.K., is-Sultan Sirjan Antiochus Epiphanes (muri f’paġna 21) bena artal lil Zeus fit-tempju li kien iddedikat lil Jehovah. Hu fittex ukoll ‘il-kotba tal-Liġi,’ ħaraqhom, u ddikjara li kulmin ikollu partijiet bħal dawn mill-Iskrittura kellu jingħata l-mewt. Minkejja kemm kopji kien ħaraq f’Ġerusalemm u fil-Ġudea, qatt ma setaʼ jrażżan l-Iskrittura għalkollox. F’dak iż-żmien kien hemm xi kolonji taʼ Lhud mifruxin f’ħafna artijiet, u kull sinagoga kellha l-ġabra tagħha taʼ rombli.—Qabbel Atti 13:14, 15.
6. (a) Liema sforz intens sar biex jeqirdu l-Iskrittura wżata mill-Kristjani tal-bidu? (b) X’kien ir-riżultat?
6 Fis-sena 303 E.K., l-Imperatur Ruman Dijoklizju kkmanda b’mod simili li l-postijiet tal-laqgħat Kristjani jiġu meqrudin u li l-‘Iskrittura tagħhom tingħata n-nar.’ Din ix-xorta taʼ qerda kompliet għal għaxar snin. Kienet kemm kienet terribbli l-persekuzzjoni, Dijoklizju ma rnexxilux jelimina għalkollox il-Kristjanità, u Alla lanqas ma ħalla l-aġenti taʼ l-imperatur jeqirdu kull kopja taʼ mqar parti waħda mill-Kelma mnebbħa Tiegħu. Imma mir-reazzjoni tagħhom lejn it-tqassim u l-ippridkar tal-Kelma t’Alla, l-opponenti wrew ċar x’kien hemm f’qalbhom. Huma identifikaw ruħhom bħala bnedmin mogħmijin minn Satana u li kienu qegħdin iwettqu r-rieda tiegħu.—Ġwann 8:44; 1 Ġwann 3:10-12.
7. (a) Liema sforzi saru biex joħonqu t-tixrid taʼ l-għarfien tal-Bibbja fl-Ewropa tal-Punent? (b) X’ġie mwettaq mit-traduzzjoni u l-ippubblikar tal-Bibbja?
7 Sforzi biex joħonqu t-tixrid taʼ l-għarfien tal-Bibbja ħadu wkoll forom oħrajn. Meta l-Latin ma baqax jintuża bħala lingwa komuni, ma kinux il-ħakkiema pagani imma dawk li qalu li kienu Kristjani—Papa Gregorju VII (1073-85) u Papa Innoċent III (1198-1216)—li opponew b’mod attiv it-traduzzjoni tal-Bibbja għal lingwi wżati min-nies komuni. Fi sforz biex irażżan il-kritika kontra l-awtorità tal-knisja, il-Konċilju Kattoliku Ruman taʼ Toulouse, fi Franza, fl-1229, iddikjara li wieħed lajk ma setax ikollu kotba tal-Bibbja bil-lingwa komuni. L-Inkwiżizzjoni ġiet użata b’mod aggressiv biex tinforza dan id-digriet. Madankollu, wara xi 400 sena taʼ l-Inkwiżizzjoni, dawk li kienu jħobbu l-Kelma t’Alla kienu ttraduċew il-Bibbja kompleta u kienu qegħdin jiċċirkolaw edizzjonijiet stampati tagħha f’madwar 20 lingwa, kif ukoll fi djaletti oħrajn, u partijiet sostanzjali minnha f’16-il ilsien ieħor.
8. Matul is-seklu 19, x’kien qiegħed jiġri fil-qasam tat-traduzzjoni u t-tqassim tal-Bibbja fir-Russja?
8 Ma kinitx biss il-Knisja Kattolika Rumana li ħabirket biex iżżomm il-Bibbja ’l bogħod min-nies komuni. Kmieni fis-seklu 19, Pavski, professur fis-St. Petersburg Academy of Divinity, ittraduċa l-vanġelu taʼ Mattew mill-Grieg għar-Russu. Kotba oħrajn taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana ġew tradotti wkoll għar-Russu, u Pavski qeda bħala editur. Dawn ġew imqassmin b’mod estensiv sakemm, b’immanuvrar mill-ekkleżjastiċi, fl-1826 il-kżar ġie pperswadut biex iġiegħel lis-Soċjetà Biblika Russa tiġi mmaniġġata mis-“Sinodu Qaddis” tal-Knisja Ortodossa Russa, li mbagħad rażżnitha b’mod effettiv biex ma tibqax tiffunzjona. Iktar tard, Pavski ttraduċa l-Iskrittura Ebrajka mill-Ebrajk għar-Russu. Kważi fl-istess żmien, Makarjos, missjunarju tal-Knisja Ortodossa, ittraduċa wkoll l-Iskrittura Ebrajka mill-Ebrajk għar-Russu. It-tnejn li huma ġew ikkastigati għal dak li għamlu, u t-traduzzjonijiet tagħhom tpoġġew fl-arkivji tal-knisja. Il-knisja kienet iddeterminata li żżomm il-Bibbja fil-lingwa Slavonika antika, li n-nies komuni taʼ dak iż-żmien ma kinux jafu jaqrawha jew jifhmuha. Kien biss meta ma setgħux jiġu mrażżnin iktar l-isforzi tan-nies biex jiksbu għarfien mill-Bibbja li s-“Sinodu Qaddis,” fl-1856, daħal għat-traduzzjoni sinodali tiegħu stess, u dan għamlu permezz taʼ linji taʼ gwida li ġew imfasslin bir-reqqa biex jaċċertaw li l-espressjonijiet użati kienu se jikkonformaw maʼ l-opinjonijiet tal-knisja. B’hekk, f’konnessjoni mat-tixrid tal-Kelma t’Alla, kienet qiegħda tibda tidher diviżjoni bejn l-apparenza minn barra tal-mexxejja reliġjużi u l-ispirtu tagħhom, bħalma huwa rrivelat mill-kliem u mill-azzjonijiet tagħhom.—2 Tessalonikin 2:3, 4.
Il-Kelma Ssalvagwardjata Kontra L-Korruzzjoni
9. Xi tradutturi tal-Bibbja kif urew l-imħabba tagħhom għall-Kelma t’Alla?
9 Fost dawk li ttraduċew u kkopjaw l-Iskrittura kien hemm irġiel li verament ħabbew il-Kelma t’Alla u ħabirku sinċerament biex jagħmluha disponibbli għal kulħadd. William Tyndale ġie mogħti l-martirju (fl-1536) għal dak li għamel biex il-Bibbja tkun disponibbli bl-Ingliż. Francisco de Enzinas ġie mitfugħ il-ħabs mill-Inkwiżizzjoni Kattolika (wara l-1544) talli ttraduċa u ppubblika l-Iskrittura Griega Kristjana bl-Ispanjol. B’riskju għal ħajtu, Robert Morrison (mill-1807 sa l-1818) ittraduċa l-Bibbja għaċ-Ċiniż.
10. Liema eżempji juru li kien hemm tradutturi li kienu mmotivati minn influwenzi oħrajn minbarra l-imħabba għall-Kelma t’Alla?
10 Xi drabi, madankollu, kien hemm konsiderazzjonijiet oħrajn minbarra l-imħabba għall-Kelma t’Alla li influwenzaw ix-xogħol tal-kopjisti u t-tradutturi. Ikkunsidra erbaʼ eżempji: (1) Is-Samaritani bnew tempju fuq il-Muntanja Geriżim bħala rivali għat-tempju f’Ġerusalemm. B’appoġġ għal dak, ġie miżjud xi kliem fil-Pentatewku Samaritan f’Eżodu 20:17. Ġie miżjud il-kmand, bħallikieku parti mid-Dekalogu, biex jinbena artal tal-ġebel fuq il-Muntanja Geriżim u biex jiġu offruti sagrifiċċji hemmhekk. (2) Il-persuna li ttraduċa għall-ewwel darba l-ktieb taʼ Danjel għas-Settwaġinta Griega għamel li fettillu fil-mod kif ittraduċa. Daħħal stqarrijiet li ħaseb li kienu se jispjegaw jew itejbu dak li kien hemm fit-test Ebrajk. Ħalla barra dettalji li ħaseb li ma kinux se jkunu aċċettabbli għall-qarrejja. Meta ttraduċa l-profezija dwar iż-żmien tad-dehra tal-Messija, li tinstab f’Danjel 9:24-27, hu ffalsifika l-perijodu taʼ żmien mistqarr u żied, biddel, u ċaqlaq xi kliem, mid-dehra bil-ħsieb li jagħmel lill-profezija tidher li qed tappoġġja l-ġlieda tal-Makkabin. (3) Fir-rabaʼ seklu E.K., f’xogħol letterarju Latin, difensur żeluż iżżejjed tat-Trinitarjaniżmu evidentement inkluda l-kliem “fis-sema, il-Missier, il-Kelma, u l-ispirtu qaddis; u dawn it-tlieta huma wieħed” bħallikieku dawn kienu xi kwotazzjoni mill-1 Ġwann 5:7. Iktar tard dik is-silta ġiet inkluża fit-test taʼ manuskritt Bibliku Latin. (4) Luwiġi XIII (1610-43), fi Franza, awtorizza lil Jacques Corbin biex jittraduċi l-Bibbja għall-Franċiż sabiex ipatti għall-isforzi tal-Protestanti. B’dak l-objettiv f’moħħu, Corbin inkluda xi kliem miżjud f’xi skritturi, inklużi referenzi għas-“sagrifiċċju qaddis tal-Quddiesa” f’Atti 13:2.
11. (a) Il-Kelma t’Alla kif baqgħet teżisti minkejja d-diżonestà taʼ xi tradutturi? (b) Kemm hemm evidenza minn manuskritti antiki li tagħti prova taʼ dak li l-Bibbja qalet oriġinalment? (Ara l-kaxxa.)
11 Jehovah ma żammhomx milli jagħmlu tbagħbis bħal dan fil-Kelma tiegħu, u dan lanqas ma biddel l-iskop tiegħu. X’effetti kellu? Iż-żjieda taʼ referenzi għall-Muntanja Geriżim ma ġagħlitx li r-reliġjon Samaritana ssir l-istrument t’Alla għat-tberik taʼ l-umanità. Minflok, din tat evidenza li, għalkemm ir-reliġjon Samaritana kienet issostni li temmen il-Pentatewku, ma kinitx taʼ min joqgħod fuqha biex tgħallem il-verità. (Ġwann 4:20-24) Tgħawwiġ tal-kliem fis-Settwaġinta ma żammx lura lill-Messija milli jiġi fiż-żmien imbassar permezz tal-profeta Danjel. Barra minn hekk, avolja s-Settwaġinta kienet użata fl-ewwel seklu, il-Lhud evidentement kienu mdorrijin jisimgħu l-Iskrittura tinqara bl-Ebrajk fis-sinagogi tagħhom. Bħala riżultat, “il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan” meta qorob iż-żmien tat-twettiq tal-profezija. (Luqa 3:15) Inkwantu għall-kliem miżjud fl-1 Ġwann 5:7 biex tiġi appoġġjata t-Trinità u f’Atti 13:2 biex tiġi ġġustifikata l-Quddiesa, dawn ma biddlux dak li huwa verità. U maż-żmien il-qerq ġie mikxuf għalkollox. Il-ħażna kbira taʼ manuskritti Bibliċi bil-lingwa oriġinali tipprovdi mezz biex tiġi ċċekkjata l-validità taʼ kwalunkwe traduzzjoni.
12. (a) Liema bidliet serji saru minn xi tradutturi tal-Bibbja? (b) Dawn kemm kellhom effett fit-tul?
12 Sforzi oħrajn biex titbiddel l-Iskrittura kienu jinvolvu iktar milli jinbidlu l-kliem taʼ xi versi. Dawn irriżultaw f’attakk fuq l-identità tal-veru Alla nnifsu. L-istess natura u l-estent tal-bidliet taw evidenza ċara taʼ influwenza minn sors iktar potenti minn kwalunkwe bniedem individwali jew organizzazzjoni umana—iva, influwenza mill-akbar għadu taʼ Jehovah, Satana x-Xitan. Billi ċedew għal dik l-influwenza, tradutturi u kopjisti—xi wħud b’ħerqa, oħrajn kontra qalbhom—bdew ineħħu l-isem persunali t’Alla stess, Jehovah, mill-Kelma mnebbħa tiegħu fl-eluf taʼ postijiet fejn kien jidher. Sa minn kmieni, xi traduzzjonijiet mill-Ebrajk għall-Grieg, Latin, Ġermaniż, Ingliż, Taljan, u Olandiż, fost oħrajn, ħallew l-isem divin barra kompletament jew ħallewh fi ftit postijiet biss. Ġie mneħħi wkoll minn kopji taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana.
13. L-isforz mifrux biex isiru bidliet fil-Bibbja għala ma rriżultax f’li l-isem t’Alla jitħassar għalkollox mill-memorja umana?
13 Madankollu, dak l-isem glorjuż ma tħassarx għal kollox mill-memorja umana. Traduzzjonijiet taʼ l-Iskrittura Ebrajka għall-Ispanjol, Portugiż, Ġermaniż, Ingliż, Franċiż, u ħafna oħrajn, onestament kienu jinkludu l-isem persunali t’Alla. Sas-seklu 16, l-isem persunali t’Alla reġaʼ beda jidher ukoll f’diversi traduzzjonijiet taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bl-Ebrajk; sas-seklu 18, bil-Ġermaniż; sas-seklu 19, bil-Kroat u bl-Ingliż. Avolja n-nies jistgħu jipprovaw jagħtu l-ġenb lill-isem t’Alla, meta jasal “jum il-Mulej,” imbagħad, bħalma jiddikjara Alla, ‘il-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien Jehovah.’ Dak l-iskop iddikjarat t’Alla mhux se jfalli.—2 Pietru 3:10; Eżekjel 38:23, NW; Isaija 11:9; 55:11.
Il-Messaġġ Jilħaq Madwar Il-Globu
14. (a) Sas-seklu 20, f’kemm-il lingwa taʼ l-Ewropa kienet ġiet stampata l-Bibbja u b’liema effett? (b) Sat-tmiem tas-sena 1914, f’kemm-il lingwa taʼ l-Afrika kienet disponibbli l-Bibbja?
14 Maż-żerniq tas-seklu 20, il-Bibbja diġà kienet qed tiġi stampata f’94 lingwa taʼ l-Ewropa. Ġibdet l-attenzjoni taʼ l-istudenti tal-Bibbja f’dik il-parti tad-dinja għall-fatt li ġrajjiet li jheżhżu d-dinja kellhom jiġru mat-tmiem taʼ Żminijiet il-Ġentili fl-1914, u tabilħaqq hekk ġara! (Luqa 21:24) Qabel ma ntemmet is-sena 1914, li għamlet impatt fuq l-istorja, il-Bibbja, jew sħiħa jew xi kotba minnha, kienet ippubblikata f’157 lingwa taʼ l-Afrika, flimkien maʼ dawk il-lingwi wżati ħafna, bħalma huma l-Ingliż, il-Franċiż, u l-Portugiż. B’hekk ġie mqiegħed il-pedament biex uħud umlin mill-ħafna tribujiet u gruppi nazzjonali li jgħixu hemmhekk jiġu mgħallmin il-veritajiet Bibliċi li jeħilsuhom spiritwalment.
15. Hekk kif bdew l-aħħar jiem, sa liema punt kienet disponibbli l-Bibbja bil-lingwi taʼ nies maʼ l-Amerka kollha?
15 Hekk kif id-dinja daħlet fl-aħħar jiem imbassrin, il-Bibbja setgħet tinkiseb faċilment fl-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel. Immigranti mill-Ewropa kienu ġabuha magħhom fl-ilsna differenti kollha tagħhom. Ngħata bidu għal programm estensiv t’edukazzjoni Biblika, b’taħditiet pubbliċi u distribuzzjoni intensiva taʼ letteratura Biblika ppubblikata mill-Istudenti Internazzjonali tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Iżjed minn hekk, diġà kien qed isir stampar tal-Bibbja f’57 lingwa oħra minn soċjetajiet tal-Bibbja biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni multinazzjonali taʼ l-Emisfera tal-Punent.
16, 17. (a) Il-Bibbja sa liema punt kienet saret disponibbli meta wasal iż-żmien għall-ippridkar globali? (b) Il-Bibbja kif tat prova li hija verament ktieb li baqaʼ jeżisti u influwenti ferm?
16 Meta wasal iż-żmien għall-ippridkar globali taʼ l-aħbar tajba qabel “jiġi t-tmiem,” il-Bibbja ma kinitx xi ħaġa ġdida għall-Asja u l-gżejjer tal-Paċifiku. (Mattew 24:14) Din kienet diġà qed tiġi ppubblikata f’232 lingwa karatteristika taʼ dik il-parti tal-globu. Xi wħud kienu Bibbji kompleti; ħafna kienu traduzzjonijiet taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana; oħrajn kienu ktieb wieħed taʼ l-Iskrittura Sagra.
17 Jidher ċar li l-Bibbja ma kinitx qed tibqaʼ teżisti biss bħala sempliċement xi ħaġa antika għall-wiri f’mużew. Mill-kotba kollha li jeżistu, kienet l-iżjed ktieb li ġie tradott u l-iżjed wieħed li ġie mqassam b’mod estensiv. Fi qbil maʼ dik l-evidenza taʼ favur divin, dak li kien ġie ddokumentat f’dan il-ktieb kien qed iseħħ. It-tagħlim tiegħu u l-ispirtu li nebbaħ dak it-tagħlim kienu wkoll qegħdin ikollhom effett dejjiemi fuq il-ħajjiet taʼ nies f’ħafna artijiet. (1 Pietru 1:24, 25) Imma iżjed kien għad irid jiġi—ferm iżjed.
(w97 10/1)
◻ X’inhi l-“kelma tal-Mulej” tagħna li tibqaʼ għal dejjem?
◻ Liema attentati saru biex joħonqu l-Bibbja, u b’liema riżultati?
◻ L-integrità tal-Bibbja kif ġiet issalvagwardjata?
◻ L-istqarrija t’Alla dwar l-iskop tiegħu kif tat prova li hija kelma ħajja?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa f’paġna 23]
Nafuh Tassew Dak Li Qalet Il-Bibbja Oriġinalment?
Madwar 6,000 manuskritt Ebrajk miktubin bl-idejn huma xhieda tal-kontenut taʼ l-Iskrittura Ebrajka. Xi ftit minn dawn imorru lura għall-era taʼ qabel il-Kristjanità. Mill-inqas 19-il manuskritt eżistenti taʼ l-Iskrittura Ebrajka kompleta jmorru lura sal-perijodu taʼ qabel ġie vvintat l-istampar b’tipi taċ-ċomb. Iżjed minn hekk, jeżistu traduzzjonijiet taʼ dak l-istess perijodu li ġew maqlubin fi 28 lingwa oħra. Għall-Iskrittura Griega Kristjana, ġew miġburin flimkien madwar 5,000 manuskritt bil-Grieg. Wieħed minn dawn ġie ddatat għal qabel is-sena 125 E.K., b’hekk ftit snin biss wara ż-żmien li fih inkiteb oriġinalment. U huwa maħsub li xi frammenti jmorru ferm iktar lura. Għal 22 mis-27 ktieb imnebbaħ, hemm minn 10 sa 19-il manuskritt unzjali kompleti. L-iżgħar numru taʼ manuskritti unzjali kompleti għal kwalunkwe wieħed mill-kotba f’din il-parti tal-Bibbja huwa tlieta—għal Apokalissi. Wieħed mill-manuskritti taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana kompleta jmur lura għar-rabaʼ seklu E.K.
Ebda letteratura antika oħra ma hija kkonfermata minn xita bħal din t’evidenza dokumentarja antika.