Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
“Il-Poplu Tiegħek Minn Rajh Joffri Lilu Nnifsu”
NAGĦMAN, il-kap setgħan taʼ l-armata Sirjana, għandu l-ġdiem. Jekk titħalla mingħajr kura, din il-marda taʼ min jistmerrha tistaʼ tirriżulta f’li wieħed jisfigura ruħu u jmut. X’għandu jagħmel Nagħman? Fost dawk taʼ dar Nagħman hemm tifla żgħira, “lsira minn art Iżrael.” Hi titkellem bil-qlubija u tidentifika lil profeta Eliżew bħala l-wieħed li jistaʼ jfejjaq lil Nagħman.—2 Slaten 5:1-3, Karm Żammit.
Minħabba l-waqfa kuraġġuża tagħha, Nagħman ifittex lil Eliżew u jiġi mfejjaq. Barra minn hekk, Nagħman isir adoratur taʼ Jehovah! Din l-esperjenza, iddokumentata fil-Bibbja, ġrat fl-għaxar seklu Q.E.K. (2 Slaten 5:4-15) Illum, ħafna żgħażagħ juru kuraġġ simili meta jitkellmu għan-nom taʼ l-interessi tas-Saltna. L-esperjenza li jmiss mill-Możambik tikkonferma dan.
Nuno, li għandu sitt snin huwa pubblikatur mhux mgħammed taʼ l-aħbar tajba. Saħansitra qabel ma sar pubblikatur mhux mgħammed, Nuno kien jiġbor lit-tfal taʼ l-inħawi tiegħu, jgħid talba, u jgħallimhom il-Bibbja, billi juża l-pubblikazzjoni Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja.
Ħafna drabi Nuno jqum kmieni s-Sibt fil-għodu u jfakkar lill-familja tiegħu: “Illum noħorġu fil-ministeru taʼ l-għalqa.” Iż-żelu tiegħu għall-ministeru jidher f’modi oħrajn. Waqt li jakkumpanja lill-ġenituri tiegħu fil-ministeru fit-toroq taʼ Maputo, Nuno taʼ spiss javviċina lin-nies waħdu. F’okkażjoni minnhom, negozjant mar fuqu u staqsieh: “Għala qiegħed tbigħ dawn ir-rivisti?” Nuno qallu: “Jien mhux qed inbigħhom ir-rivisti, imma naċċetta kontribuzzjonijiet li jgħinu biex jiffinanzjaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar.” In-negozjant wieġbu: “Għalkemm m’iniex interessat, jien impressjonat bl-attitudni u bl-abbiltà tiegħek. Nixtieq nagħmel kontribuzzjoni għal dan ix-xogħol.”
F’okkażjoni oħra, Nuno resaq lejn raġel fit-triq u offrielu l-ktieb True Peace and Security—How Can You Find It? Ir-raġel staqsieh: “Int ma tmurx f’dik l-iskola t’hemmhekk?” “Iva,” wieġbu Nuno, “f’dik l-iskola mmur, imma llum qed nippreżenta messaġġ importanti minn dan il-ktieb. Dan jurik li int tistaʼ tgħix fid-dinja l-ġdida li se jġib Alla, bħalma turi l-istampa f’dan il-ktieb.” Nuno ma rrealizzax li dak ir-raġel li kellem kien għalliem fl-iskola tiegħu. L-għalliem mhux biss aċċetta l-ktieb imma issa jirċievi wkoll ir-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! regolarment mingħand Nuno.
Meta Nuno jiġi mistoqsi għala jħobb jieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar, hu jgħid: “Irrid nitkellem man-nies u ngħallimhom dwar Jehovah u Ibnu, Ġesù Kristu.” Hu jżid: “U jekk in-nies ma jridux jisimgħu, m’għandix għalfejn ninkwieta.”
Mad-dinja kollha, eluf taʼ żgħażagħ bħal Nuno ‘minn rajhom joffru lilhom infushom’ biex jgħallmu u jippridkaw dwar is-Saltna t’Alla. (Salm 110:3, KŻ) Imma dan ma jiġrix b’kumbinazzjoni. Ġenituri li jgħallmu lil uliedhom dwar Jehovah minn ċkunithom, li jagħtu eżempju tajjeb fil-ministeru, u li b’mod żeluż ifittxu l-interessi tas-Saltna se jiġu ppremjati bil-kbir.